Regolamentazzjoni tal-kummerċ tal-UE

Infografika - Strumenti ta' difiża kummerċjali tal-UE

L-UE qed taħdem fuq l-ewwel rieżami fundamentali tal-istrumenti tagħha ta' difiża kummerċjali sa mill-1995

L-Unjoni Ewropea trid tiżgura li l-prodotti impurtati kollha jinbiegħu bi prezz ġust u ekwu fl-UE. Għalhekk qed tirrieżamina b'mod fundamentali l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ (TDI) tagħha għall-ewwel darba f'aktar minn 20 sena.

Ir-regolamentazzjoni tal-kummerċ fil-forma ta' TDIs tipproteġi lill-produtturi tal-UE mill-ħsara u tindirizza l-kompetizzjoni inġusta mill-kumpaniji barranin bħal dumping u sussidji.

L-istati membri jippruvaw jiżguraw li l-istrumenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ jkunu jistgħu jiffaċċaw l-isfidi l-ġodda tal-ambjent ekonomiku dejjem jinbidel. Hemm tliet objettivi aħħarin:

  • is-salvagwardja tal-impjiegi Ewropej
  • l-iżgurar ta' kompetizzjoni ġusta fis-swieq miftuħin
  • il-preservazzjoni tas-suq liberu

Fl-aktar żviluppi leġislattivi reċenti, f'Ottubru 2017 il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu dwar metodoloġija antidumping ġdida.

L-immodernizzar tal-istrumenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ

Metodoloġija antidumping

Fit-3 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim politiku li ser idaħħal regoli ġodda biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-UE li tipproteġil-produtturi tagħha mill-prattiki kummerċjali inġusti.

Il-metodoloġija antidumping il-ġdida għandha l-għan li tidentifika u tirrimedja għall-każijiet fejn il-prezzijiet tal-prodotti impurtati jitbaxxew b'mod artifiċjali minħabba intervent mill-istat. Dan skont il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea ta' Novembru 2016 li taħdem b’mod parallel mar-reviżjoni aktar ġenerali tal-istrumenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ.

Il-bidliet li ser isiru jinkludu:

  • it-tneħħija tad-distinzjoni preċedenti bejn l-ekonomiji tas-suq u mhux tas-suq fil-kalkolu tad-dumping
  • l-għoti ta' prova li jeżistu "distorsjonijiet sinifikanti tas-suq" bejn il-prezz li għalih jinbiegħ prodott u dak li għalih jiġi prodott
  • li jitqiesu l-istandards soċjali u ambjentali fl-identifikazzjoni tas-sitwazzjonijiet ta' dumping

Id-distorsjonijiet tas-suq ser jiġu ddeterminati abbażi ta' kriterji bħal politiki u influwenza tal-istat, il-preżenza mifruxa ta' intrapriżi tal-istat, id-diskriminazzjoni favur kumpaniji domestiċi u n-nuqqas ta' indipendenza tas-settur finanzjarju.

Ir-regoli l-ġodda huma fformulati b'mod newtrali għall-pajjiżi u f'konformità sħiħa mal-obbligi tal-UE fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Huma ser japplikaw biss għall-każijiet li jinbdew wara li l-leġislazzjoni tidħol fis-seħħ.

Skrinjar tal-investimenti diretti barranin

Fit-13 ta' Settembru, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin (FDIs). Ir-regolament relatat jiżgura t-trasparenza u l-kredibbiltà għall-investituri u l-gvernijiet nazzjonali.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, il-qafas legali l-ġdid jippreserva l-interessi essenzjali tal-UE. Dan ser jinkludi:

  • l-iskrinjar tal-FDI mill-istati membri - b'obbligi ta' trasparenza u trattament indaqs
  • mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-istati membri u l-Kummissjoni - dan jista' jiġi attivat meta FDI speċifiku fi stat membru wieħed jew aktar jista' jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku ta' wieħed ieħor
  • l-iskrinjar tal-FDI mill-Kummissjoni - għall-każijiet fejn l-investimenti diretti barranin fl-istati membri jistgħu jaffettwaw il-proġetti aktar ġenerali tal-UE f'oqsma bħar-riċerka, it-trasport u l-enerġija

Ir-regolament propost ser jeħtieġ ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew skont il-proċedura leġislattiva ordinarja.

Il-Kunsill Ewropew talab għal azzjoni "soda"

Fil-Kunsill Ewropew li sar f'Ottubru 2016, il-mexxejja tal-UE tennew li l-prattiki kummerċjali inġusti jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod effikaċi u sod.

Proposta għal rieżami ġenerali tat-TDIs

F'April 2013, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet reviżjoni ġenerali tal-istrumenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ.

Il-bidliet proposti għandhom l-għan li permezz tagħhom id-difiża tal-kummerċ mill-UE taħdem aħjar għall-partijiet kollha - inkluż kemm għall-produtturi kif ukoll l-importaturi tal-UE.

Strumenti antidumping u kontra s-sussidju ser ikunu aktar effikaċi u aktar adattati biex jipproteġu l-produtturi tal-UE minn prattiki inġusti minn impriżi barranin u minn kull riskju ta’ ritaljazzjoni. Fl-istess ħin, l-importaturi se jkollhom prevedibbiltà akbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-bidla fir-rati tad-dazju, li ser tagħmel l-ippjanar tan-negozju tagħhom aktar faċli. Is-sistema kollha għandha ssir iktar trasparenti u faċli biex tintuża.