Brexit

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika formalment lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jħalli l-UE.

“Ma hemm l-ebda raġuni biex nagħmlu tabirruħna li dan huwa jum ta’ ferħ, la fi Brussell u lanqas f’Londra”, qal Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew dakinhar. Żied jgħid li l-komunità ta’ 27 tibqa' "determinata u magħquda" fin-negozjati li ġejjin: "L-għan tagħna huwa ċar: li nimminimizzaw id-danni għaċ-ċittadini, in-negozji u l-istati membri tal-UE."

In-notifika tal-Artikolu 50 ssegwi l-eżitu tar-referendum tar-Renju Unit tat-23 ta’ Ġunju 2016.

2017

6 ta’ April

Il-President Donald Tusk jiltaqa’ mal-Prim Ministru Theresa May f'Londra

Il-President tal-Kunsill Ewropew iltaqa’ mal-Prim Ministru tar-Renju Unit ġimgħa wara n-notifika uffiċjali tal-Artikolu 50.

"Qed niltaqa' ma' Theresa May biex jiġi żgurat li t-taħditiet dwar Brexit jibdew fuq sieq tajba. It-tnejn qbilna li nibqgħu f'kuntatt regolari matul il-proċess kollu."

Il-President Donald Tusk

31 ta' Marzu

Jintbagħat l-abbozz ta' linji gwida għan-negozjati lill-mexxejja

L-abbozz ta' linji gwida nħareġ fil-31 ta' Marzu 2017. Il-President Tusk iddeskriva l-elementi ewlenin tal-proposta fil-laqgħa għall-istampa li saret dakinhar f'Malta.

"L-UE27 ma jieħdux u mhux ser jieħdu approċċ li jikkastiga. Il-Brexit fih innifsu diġà jikkastiga biżżejjed. Wara aktar minn erbgħin sena magħqudin, nafuh lil xulxin li nagħmlu minn kollox biex dan id-divorzju jimxi bl-aħjar mod possibbli."

Il-President Donald Tusk 

Il-Kunsill Ewropew speċjali (Artikolu 50), fil-format UE27, ser jiltaqa' fid-29 ta' April 2017 biex jaqbel dwar it-test finali tal-linji gwida.

29 ta’ Marzu

Ir-Renju Unit jiskatta l-Artikolu 50 biex iħalli l-Unjoni Ewropea

Ir-Renju Unit innotifika formalment lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jħalli l-UE.

Il-Kunsill Ewropew adotta stqarrija fir-rigward tan-notifika tal-UE.

Jiddispjaċina li r-Renju Unit ser iħalli l-Unjoni Ewropea, iżda aħna lesti għall-proċess li issa ser ikollna nsegwu. (...) F’dawn in-negozjati l-Unjoni ser taġixxi bħala entità waħda u ser tippreserva l-interessi tagħha. L-ewwel prijorità tagħna ser tkun li tiġi minimizzata l-inċertezza kkawżata mid-deċiżjoni tar-Renju Unit għaċ-ċittadini, in-negozji u l-istati membri tagħna.

Kunsill Ewropew, 29 ta' Marzu 2017

21 ta’ Marzu

Il-President Tusk isejjaħ Kunsill Ewropew dwar il-Brexit fid-29 ta’ April 2017

Il-Kunsill Ewropew speċjali, f'format ta' UE27, ser jadotta l-linji gwida għat-taħditiet dwar il-Brexit. "Jeħtieġ li nagħmlu dak kollu li huwa possibbli sabiex il-proċess tad-divorzju jkun wieħed tal-anqas tbatija għall-UE," qal il-President Tusk.

L-appell tal-President Tusk sar bi tweġiba għat-tħabbira minn Londra dwar l-intenzjoni tagħha li tattiva l-Artikolu 50 fid-29 ta’ Marzu 2017.

2016

15 ta' Diċembru

Proċedura ta' negozjar

Infografika - Proċess tal-Brexit

Infografika dwar il-proċess tal-Brexit

Waqt il-laqgħa informali tagħhom f'Diċembru 2016, is-27 mexxej qablu dwar il-proċedura mniżżla hawn taħt għat-taħditiet li ser isiru dwar il-Brexit:

  1. Ir-Renju Unit jattiva l-Artikolu 50 billi javża lill-Kunsill Ewropew dwar il-ħsieb tiegħu li jitlaq.
  2. Il-mexxejja tas-27 pajjiż tal-UE adottaw 'linji gwida', li jinkludu prinċipji u pożizzjonijiet ġenerali, għan-negozjati. Huma ser jaġġornaw dawn il-linji gwida matul in-negozjati, kif meħtieġ.
  3. Wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill Affarijiet Ġenerali jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati.
  4. Il-Kunsill jadotta direttivi ta' negozjati dwar is-sustanza u dwar l-arranġamenti istituzzjonali dettaljati. Dawn jistgħu jiġu emendati u jistgħu jsiru żidiet magħhom matul in-negozjati.
  5. Il-Kunsill ser jaħtar lill-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-Unjoni li ser jinnegozja f'isem is-27 pajjiż. Il-Kummissjoni nnominat lil Michel Barnier bħala n-negozjatur ewlieni. Ser tirrapporta lura lill-mexxejja u lill-Kunsill matul in-negozjati u ser iżżomm ukoll lill-Parlament Ewropew "infurmat mill-qrib u regolarment".
  6. Il-Kunsill u l-korpi ta' tħejjija tiegħu ser jiżguraw li n-negozjati jsiru f'konformità mal-linji gwida mogħtija mis-27 pajjiż tal-UE. Hu ser jagħti gwida lill-Kummissjoni.

"Adottajna l-istruttura organizzattiva fejn il-Kunsill Ewropew iżomm il-kontroll politiku fuq il-proċess, u l-Kummissjoni tkun in-negozjatur tal-Unjoni", qal il-President Tusk wara l-laqgħa.

15 ta' Diċembru

Laqgħa informali tas-27 kap ta' stat jew ta' gvern tal-UE

Is-27 mexxej u l-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni ħarġu d-dikjarazzjoni, li fiha ddikjaraw li jinsabu lesti jibdew in-negozjati mar-Renju Unit hekk kif ir-Renju Unit ikun ta n-notifika skont l-Artikolu 50.

"Nilqgħu l-intenzjoni tar-Renju Unit li jagħmel dan qabel l-aħħar ta' Marzu 2017, sabiex inkunu nistgħu nibdew nindirizzaw l-inċertezzi li jirriżultaw mill-prospett tal-ħruġ tar-Renju Unit," qalu fid-dikjarazzjoni.

Huma tennew ukoll l-impenn tagħhom għall-prinċipji li ntlaħaq qbil dwarhom f'Ġunju 2016, fosthom:

  • ma jsirux negozjati mingħajr notifika
  • bilanċ bejn drittijiet u obbligi
  • ebda aċċess għas-suq uniku tal-Ewropa jekk ma jiġux aċċettati l-erba' libertajiet tal-UE

29 ta' Novembru

Tusk iwieġeb għat-tħassib tal-MPs tar-Renju Unit dwar l-istatus taċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit

Il-President Donald Tusk wieġeb lill-MPs tar-Renju Unit dwar it-tħassib tagħhom rigward l-istatus taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu u jaħdmu fl-Ewropa.

"Fl-ittra tagħkom tlabtuni nsolvi 'din il-kwistjoni darba għal dejjem' fil-Kunsill Ewropew f'Diċembru. Fir-realtà dan ikun ifisser li n-negozjati jkunu bdew diġà f'Diċembru. L-UE tinsab lesta tagħmel hekk, iżda dan jista' jsir biss bil-kondizzjoni li jkun ġie attivat l-Artikolu 50. (...) id-deċiżjoni dwar l-attivazzjoni tal-Artikolu 50 tappartjeni biss lir-Renju Unit, u dan nirrispettawh kompletament.

"L-istess bħalkom, nixtieq nevita s-sitwazzjoni fejn iċ-ċittadini jsiru 'pedini tan-negozjar' fil-proċess tan-negozjati. Biex dan ma jseħħx, ser ikollna bżonn soluzzjonijiet preċiżi u komprensivi li, aktar milli espressjonijiet li jinstemgħu sbieħ, jipprovdu liċ-ċittadini garanziji ġenwini ta' sigurtà."

13 ta' Ottubru

"Hard Brexit" jew "no Brexit", jgħid Tusk

"L-unika alternattiva reali għal 'hard Brexit' hija 'no Brexit'. Anke jekk illum kważi ħadd ma jemmen f’din il-possibbiltà", qal il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, fid-diskors tiegħu fil-European Policy Centre fi Brussell.

Huwa qal li l-kompitu ewlieni matul in-negozjati tat-tluq ser ikun li jitħarsu l-interessi tal-UE u l-interessi ta’ kull wieħed mis-27 pajjiż. Saħaq ukoll li l-aċċess għas-suq uniku Ewropew jeħtieġ li jkunu aċċettati l-erba’ libertajiet tal-UE: tal-persuni, tal-merkanzija, tal-kapital u tas-servizzi.

2 ta' Ottubru

Ir-Renju Unit ser jibda l-proċess tan-negozjati għall-irtirar formali sal-aħħar ta' Marzu 2017, il-Prim Ministru Britanniku Theresa May qalet fit-2 ta’ Ottubru 2016 matul il-konferenza f'Birmingham.

Il-President Donald Tusk immedjatament laqa’ din id-dikjarazzjoni. "Din iġġib iċ-ċarezza mixtieqa dwar il-bidu tat-taħditiet fuq Brexit. Ladarba jiġi attivat l-Artikolu 50, l-UE27 ser timpenja ruħha li tissalvagwardja l-interessi tagħha," qal fuq Twitter.

8 ta’ Settembru

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, mar Londra għal skambju ta’ fehmiet mal-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May.

“Għidt lill-Prim Ministru May li ninsab konvint li huwa fl-aħjar interess ta’ kulħadd li nibdew in-negozjati dalwaqt, biex innaqqsu u eventwalment intemmu l-inċertezza,” stqarr wara l-laqgħa.

29 ta' Ġunju

Laqgħa informali tas-27 kap ta' stat jew ta' gvern tal-UE

"Ninsabu determinati li nibqgħu magħqudin u li naħdmu fil-qafas tal-UE biex nindirizzaw l-isfidi tas-seklu 21 u nsibu soluzzjonijiet fl-interess tan-nazzjonijiet u tal-popli tagħna," qalu s-27 mexxej fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom wara l-laqgħa informali tad-29 ta' Ġunju. Huma talbu wkoll lill-gvern tar-Renju Unit biex jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-UE malajr kemm jista' jkun.

Is-27 mexxej ser jerġgħu jiltaqgħu f'Settembru 2016 biex ikomplu t-taħditiet dwar il-futur tal-UE.

28 ta' Ġunju

Kunsill Ewropew, 28 ta' Ġunju 2016

Il-Kunsill Ewropew iffoka fuq l-eżitu tar-referendum tar-Renju Unit. Il-Prim Ministru David Cameron spjega s-sitwazzjoni fir-Renju Unit wara r-referendum. Dan kien segwit mill-ewwel skambju ta’ fehmiet.

"Il-mexxejja jifhmu li issa jinħtieġ xi żmien biex is-sitwazzjoni fir-Renju Unit terġa' tiġi għan-normal. Iżda huma jistennew ukoll li l-gvern tar-Renju Unit jispeċifika l-intenzjonijiet tiegħu mill-aktar fis possibbli," qal il-President Tusk fil-konferenza stampa wara l-laqgħa.

24 ta' Ġunju

Dikjarazzjoni għall-istampa mill-President Donald Tusk dwar l-eżitu tar-referendum tar-Renju Unit

"Aħna ninsabu lesti għal dan ix-xenarju negattiv. Mhu ser ikun hemm l-ebda vojt ġuridiku," qal il-President Donald Tusk wara r-riżultati uffiċjali tar-referendum tar-Renju Unit.

24 ta' Ġunju

Dikjarazzjoni konġunta tal-mexxejja tal-UE u l-Presidenza Netherlandiża dwar ir-riżultat tar-referendum tar-Renju Unit

“Fi process ħieles u demokratiku, il-poplu Brittanniku esprima r-rieda tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Aħna jiddispjaċina minn din id-deċiżjoni iżda nirrispettawha,” qalu l-President Tusk, il-President Juncker, il-President Schulz u l-Prim Ministru Netherlandiż Rutte fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom.

“Kif ġie maqbul, is-‘Soluzzjoni l-Ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea’, li ntlaħqet fil-Kunsill Ewropew fit-18 u d-19 ta' Frar 2016, issa mhijiex se tidħol fis-seħħ u ma tibqax teżisti. Mhu se jkun hemm l-ebda negozjazzjoni mill-ġdid,” żiedu jgħidu.

23 ta' Ġunju

Ir-referendum fir-Renju Unit

Fit-23 ta’ Ġunju 2016 il-maġġoranza taċ-ċittadini tar-Renju Unit ivvotat biex titlaq mill-Unjoni Ewropea. Il-votazzjoni saret wara negozjati intensi dwar ftehim li kien isaħħaħ l-istatus speċjali tal-Gran Brittanja fl-UE.