Objettivi ewlenin:

  • jikkontribwixxu biex jiżgura konverġenza u stabbiltà fl-UE 
  • jikkontribwixxu biex jiżgura finanzi pubbliċi sodi
  • irawmu t-tkabbir ekonomiku 
  • jipprevjenu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fl-UE
  • jimplimentaw l-istrateġija Ewropa 2020

Is-Semestru Ewropew huwa ċiklu ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika u fiskali fl-UE. Huwa parti mill-qafas tal-governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea.

Huwa jiffoka fuq il-perjodu ta' sitt xhur li jibda mill-bidu ta' kull sena, u għalhekk jissejjaħ is-'semestru'.

Matul is-Semestru Ewropew l-istati membri jallinjaw il-politiki baġitarji u ekonomiċi tagħhom mal-objettivi u r-regoli miftiehma fil-livell tal-UE. 

Liema politiki jiġu kkoordinati matul is-Semestru Ewropew?

Is-Semestru Ewropew ikopri 3 blokok ta' koordinazzjoni  tal-politika ekonomika:

  • ir-riformi strutturali, li jiffokaw fuq il-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi f'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020
  • il-politiki fiskali, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi  f'konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir
  • il-prevenzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi

Għaliex inħoloq is-Semestru Ewropew?

Il-kriżi ekonomika reċenti wriet ħtieġa għal governanza ekonomika aktar b'saħħitha u koordinazzjoni aħjar tal-politika bejn l-istati membri tal-UE.

F'Unjoni ta' ekonomiji integrati ħafna, koordinazzjoni mtejba tal-politika tista' tgħin fil-prevenzjoni tad-diskrepanzi u tikkontribwixxi għall-kisba ta' konverġenza u stabbiltà fl-UE inġenerali u fl-istati membri tagħha.

Il-proċeduri tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika li kienu jeżistu sal-2010 kienu jitwettqu indipendentement minn xulxin.

Għalhekk, l-istati membri raw il-ħtieġa li jissinkronizzaw l-iskedi ta' żmien ta' dawn il-proċeduri sabiex iħaffu l-proċess u jallinjaw aħjar il-miri tal-politiki nazzjonali baġitarji u dawk tat-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li jieħdu kont tal-objettivi li stabbilixxew fil-livell tal-Unjoni.

Barra minn hekk, kien hemm il-ħtieġa li l-oqsma ta' sorveljanza u koordinazzjoni jiġu estiżi għal politiki makroekonomiċi usa'.

Għal dawn ir-raġunijiet u bħala parti minn riforma usa' tal-governanza ekonomika tal-UE, fl-2010 l-Kunsill Ewropew iddeċieda li jistabbilixxi s-Semestru Ewropew. Il-bażi legali għall-proċess huwa l-hekk imsejjaħ 'six-pack' - pakkett ta' 6 atti leġislattivi li rriformaw il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. L-ewwel ċiklu tas-Semestru Ewropew seħħ fl-2011.