Kif jaħdem is-Semestru Ewropew

Is-Semestru fih skeda ta' żmien ċara, li tiddetermina meta l-istati membri jirċievu parir fil-livell tal-UE ("gwida") u mbagħad jippreżentaw il-pjanijiet ta' politika tagħhom ("programmi nazzjonali ta' riforma" u "programmi ta' stabbiltà jew ta' konverġenza") sabiex jiġu vvalutati fil-livell tal-UE.

Wara l-evalwazzjoni ta' dawn il-pjanijiet, l-istati membri jingħataw rakkomandazzjonijiet individwali ("rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż") għall-politiki baġitarji u ta' riforma nazzjonali tagħhom. L-istati membri jkunu mistennija jikkunsidraw dawn ir-rakkomandazzjonijiet meta jiddefinixxu l-baġit tagħhom għas-sena ta' wara u meta jieħdu deċiżjonijiet dwar il-politiki ekonomiċi, dawk dwar l-impjiegi u l-edukazzjoni u politiki oħra tagħhom.

Jekk ikun meħtieġ, huma jirċievu wkoll rakkomandazzjonijiet biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi.

Fażi preparatorja: analiżi tas-sitwazzjoni u segwitu tas-sena preċedenti

Novembru u Diċembru

Il-Kummissjoni toħroġ stħarriġ annwali dwar it-tkabbir u rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija għas-sena ta' wara. Hija tipproponi wkoll abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro.

L-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir jippreżenta l-fehma tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet ta’ politika tal-UE għas-sena ta' wara. L-istati membri jkunu mistiedna jieħdu kont tagħhom meta jfasslu l-politiki ekonomiċi tagħhom għas-sena ta' wara.

Ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija janalizza l-iżviluppi makroekonomiċi fl-istati membri individwali tal-UE.

Abbażi tar-rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li twettaq analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi fejn ir-riskju ta' żbilanċi makroekonomiċi potenzjali jitqies li jkun għoli.

Analiżi bħal din tgħin biex jiġi identifikat jekk ikunx hemm żbilanċi makroekonomiċi potenzjali, u jekk ikun hemm, in-natura u l-ambitu preċiżi tagħhom. Huma jippermettu wkoll li l-Kummissjoni tippreżenta rakkomandazzjonijiet ta’ politika lill-istati membri.

L-abbozz ta’ rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro jistieden lill-istati membri taż-żona tal-euro biex jimplimentaw politiki li jkunu speċifiċi għalihom bħala membri taż-żona tal-euro. L-għan hu li tinkiseb integrazzjoni aħjar tad-dimensjonijiet taż-żona tal-euro u dawk nazzjonali fir-rigward tal-governanza ekonomika tal-UE.

L-ewwel fażi: gwida politika fil-livell tal-UE

Jannar u Frar

Il-Kunsill tal-UE jiddiskuti l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir, jistabbilixxi linji gwida politiċi ġenerali, u jadotta konklużjonijiet.

Barra minn hekk, huwa jiddiskuti, jemenda jekk ikun hemm bżonn, u japprova l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro.

Is-Semestru għandu implikazzjonijiet għal firxa ta' politiki, il-Kunsill tal-UE jiddiskutih fid-diversi konfigurazzjonijiet tiegħu.

Il-Parlament Ewropew jiddiskuti wkoll l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir u jista' jippubblika rapport fuq inizjattiva proprja tiegħu. Huwa joħroġ opinjoni dwar il-linji gwida dwar l-impjiegi.

Il-Parlament huwa wkoll involut fis-Semestru permezz tad-djalogu ekonomiku. Il-Parlament Ewropew jista' jistieden lill-President tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u, jekk ikun xieraq, lill-President tal-Kunsill Ewropew jew lill-President tal-Grupp tal-euro biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mas-Semestru Ewropew. Stati membri individwali jistgħu wkoll jiġu offruti l-opportunità li jipparteċipaw fi skambju ta' fehmiet.

Marzu

Il-Kummissjoni tippubblika rapporti għal kull pajjiż għall-istati membri kollha li jipparteċipaw fis-Semestru Ewropew. Ir-rapporti għal kull pajjiż jinkludu analiżi fil-fond ta' żbilanċi makroekonomiċi għal dawk l-istati membri fejn ir-riskju ta' żbilanċi bħal dawn kien stmat għoli.

Abbażi ta' dawn l-analiżi, il-Kummissjoni tista' tfassal rakkomandazzjonijiet lill-istati membri biex jikkoreġu l-iżbilanċi li jiġu identifikati. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinħarġu fl-istess żmien ta' meta tinħareġ l-analiżi fil-fond jew aktar tard, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet oħra speċifiċi għall-pajjiż.

Il-Kunsill Ewropew jipprovdi orjentazzjonijiet ta’ politika, abbażi tal-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir u tal-analiżi u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE.

L-istati membri huma mistiedna jieħdu kont ta' dawn l-orjentazzjonijiet u s-sejbiet tar-rapporti għal kull pajjiż meta jkunu qed iħejju l-programmi ta' stabbiltà jew ta' konverġenza nazzjonali u l-programmi ta' riforma nazzjonali tagħhom. Il-programmi jiddeskrivu l-politiki baġitarji u l-politiki li jippromwovu t-tkabbir u l-kompetittività tal-istati membri.

It-tieni fażi: objettivi, politiki u pjanijiet speċifiċi għall-pajjiż

April

L-istati membri jippreżentaw il-pjanijiet ta’ politika tagħhom:

  • programmi ta' stabbiltà u ta' konverġenza li jiddeskrivu l-istrateġija baġitarja tal-istati membri għall-perjodu medju u
  • programmi nazzjonali ta' riforma li jiddeskrivu l-pjanijiet ta' riforma strutturali tal-istati membri, iffokati fuq il-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi

L-istati membri jkunu mistennija jippreżentaw dawn il-programmi sal-15 ta' April, u mhux aktar tard mill-aħħar ta' April.

Mejju

Il-Kummissjoni Ewropea tevalwa l-pjanijiet ta’ politika nazzjonali u tippreżenta abbozz ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

Ġunju

Il-Kunsill tal-UE jiddiskutir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż proposti u jaqbel dwar il-verżjoni finali tagħhom.

Il-Kunsill Ewropew imbagħad japprova r-rakkomandazzjonijiet finali.

Lulju

Il-Kunsill tal-UE jadotta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u l-istati membri jiġu mistiedna jimplimentawhom.

It-tielet fażi: implimentazzjoni

Lulju - l-aħħar tas-sena

Matul is-6 xhur li jifdal tas-sena, li ġieli jissejjaħ "is-semestru nazzjonali", l-istati membri jieħdu kont tar-rakkomandazzjonijiet meta jfasslu l-baġits nazzjonali għas-sena ta' wara.

L-istati membri fiż-żona tal-euro jridu jippreżentaw l-abbozz tal-pjanijiet baġitarji tagħhom lill-Kummissjoni u lill-Grupp tal-euro sa nofs Ottubru.

L-istati membri jadottaw il-baġits nazzjonali tagħhom fl-aħħar tas-sena.

Il-bidu taċ-ċiklu ta' wara

Iċ-ċiklu jerġa' jibda lejn l-aħħar tas-sena, meta l-Kummissjoni tipprovdi ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni ekonomika fl-istħarriġ annwali tagħha dwar it-tkabbir għas-sena ta' wara.

Il-Kummissjoni tibda tieħu kont tal-progress miksub minn pajjiżi individwali fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.