Rispons għall-ġellieda terroristi barranin u l-attakki terroristiċi reċenti fl-Ewropa

Kronoloġija: ġellieda terroristi barranin u l-attakki terroristiċi reċenti fl-Ewropa

22/06/2017

Il-mexxejja tal-UE jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jikkooperaw fil-livell tal-UE

09/06/2017

Il-Kunsill jaġġorna l-linji gwida dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għat-terroriżmu

27/03/2017

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar

07/03/2017

Il-Kunsill jadotta direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

07/03/2017

Il-Kunsill jadotta regolament biex jissaħħu l-kontrolli fuq il-fruntieri esterni

It-theddida kkawżata mill-Ewropej li qed jiġu radikalizzati, li ħafna minnhom qegħdin ukoll jivvjaġġaw barra mill-pajjiż biex jiġġieldu, x’aktarx li ser tkompli tippersisti fis-snin li ġejjin. Rispons effettiv għal dawn il-kwistjonijiet jeħtieġ approċċ komprensiv u impenn fit-tul.

Ir-responsabbiltà primarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu hija f'idejn l-istati membri. Madankollu, l-UE tista' u għandu jkollha rwol ta' sostenn li jgħin fir-reazzjoni għan-natura transkonfinali tat-theddida.

Ir-rwol tal-Kunsill

Sa mill-bidu tal-2013, il-problemi tar-radikalizzazzjoni u tal-ġellieda terroristi barranin kienu punti regolari fuq l-aġenda tal-Kunsill tal-UE u tal-Kunsill Ewropew. Dawn żviluppaw rispons komprensiv, li jinkludi linji ta' azzjoni interni kif ukoll esterni.

Wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi f’Jannar 2015, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li ssaħħaħ ir-rispons tagħha u taċċellera l-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma. Fit-12 ta' Frar, il-mexxejja tal-UE kellhom dibattitu dwar it-triq 'il quddiem u qablu dwar dikjarazzjoni li tiggwida l-ħidma tal-UE u tal-istati membri fix-xhur li ġejjin. Din id-dikjarazzjoni talbet biex jittieħdu miżuri speċifiċi, li jiffokaw fuq tliet oqsma ta' azzjoni:

  • l-iżgurar tas-sigurtà taċ-ċittadini
  • il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u s-salvagwardja tal-valuri
  • il-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali tagħna

Id-dikjarazzjoni tal-mexxejja tal-UE ssawret fuq il-ħidma li għamlu l-ministri għall-affarijiet interni, il-ġustizzja, l-ekonomija u l-affarijiet barranin matul ix-xhur preċedenti.

F’Diċembru 2015, il-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern tal-UE nnotaw li l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri definiti fid-dikjarazzjoni kienet għadha prijorità.

Miri ewlenin biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-UE

Kontrolli mtejba tal-armi tan-nar

Fil-25 ta’ April 2017, il-Kunsill adotta direttiva dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi. Id-direttiva għandha l-għan li ttejjeb il-leġislazzjoni eżistenti wara l-attakki terroristiċi l-aktar reċenti fl-Ewropa.

Din id-direttiva tinkludi miżuri biex tittejjeb it-traċċabbiltà tal-armi tan-nar u biex tiġi evitati r-riattivazzjoni jew il-konverżjoni ta’ armi tan-nar. Hemm ukoll regoli aktar stretti għall-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar l-aktar perikolużi.

Infografika - Nagħmlu lill-Ewropa aktar sikura: qsim ta’ informazzjoni

Nagħmlu lill-Ewropa aktar sikura: qsim ta’ informazzjoni

Il-kriminalizzazzjoni ta’ reati terroristiċi

Fis-7 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Ir-regoli l-ġodda jsaħħu l-qafas legali tal-UE għall-prevenzjoni ta’ attakki terroristiċi u jindirizzaw il-fenomenu tal-ġellieda terroristi barranin. Id-direttiva tikkriminalizza atti bħat-taħriġ jew l-ivvjaġġar għal finijiet terroristiċi, kif ukoll l-organizzazzjoni jew il-faċilitazzjoni ta’ dawn il-vjaġġi.

Kontrolli msaħħa fil-fruntieri esterni

Fis-7 ta' Marzu 2017, il-Kunsill adotta wkoll regolament li jemenda l-kodiċi tal-fruntieri ta’ Schengen biex jissaħħu l-verifiki ma' bażijiet ta' data rilevanti fil-fruntieri esterni. L-emenda tobbliga lill-istati membri jwettqu verifiki sistematiċi ma' bażijiet ta' data rilevanti fuq il-persuni kollha meta jaqsmu l-fruntieri esterni.

Il-Kummissarju l-ġdid għall-unjoni tas-sigurtà

Fid-19 ta’ Settembru 2016, Julian King inħatar mill-Kunsill bħala l-kummissarju l-ġdid għall-unjoni tas-sigurtà, bi qbil komuni mal-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker. B’dan il-portafoll ġdid, il-kummissarju ser jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar is-sigurtà.

Infografika - Nagħmlu l-Ewropa aktar sigura: nikkonnettjaw il-bażijiet tad-data

Nagħmlu l-Ewropa aktar sigura: nikkonnettjaw il-bażijiet tad-data

Titjib tal-iskambju ta' informazzjoni

Il-Kunsill Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2015, fil konklużjonijiet tiegħu, appella għal titjib urġenti tal-interoperabbiltà tas-sistemi tal-informazzjoni. Fl-10 ta’ Ġunju 2016, il-Ministri approvaw pjan direzzjonali għat-titjib tal-iskambju tal-informazzjoni u l-ġestjoni tal-informazzjoni inkluż soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà.

Fid-9 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill adotta konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib fl-iskambju ta’ informazzjoni u l-iżgurar tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE. Dawn il-konklużjonijiet isegwu r-rapport finali tal-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli dwar is-sistemi tal-informazzjoni u l-interoperabbiltà, li twaqqaf mill-Kummissjoni fl-2016.

Ċentru Ewropew għall-ġlieda kontra t-terroriżmu

F’Jannar 2016, tnieda ċ-Ċentru Ewropew għall-ġlieda kontra t-terroriżmu (ECTC) wara deċiżjoni mill-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-20 ta’ Novembru 2015. Dan huwa pjattaforma li permezz tagħha l-istati membri jistgħu jżidu l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali fir-rigward tal-monitoraġġ u l-investigazzjoni ta’ ġellieda terroristiċi barranin kif ukoll it-traffikar ta’ armi tan-nar illegali u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni online

F’Marzu 2015, il-Kunsill ta mandat lill-Europol biex toħloq unità ddedikata biex tindirizza l-propaganda terroristika fuq l-internet. L-unità tal-UE ta’ indikazzjoni ta' kontenut fuq l-internet (EU IRU) ġiet stabbilita f’Lulju 2015. Din għandha l-għan li tidentifika kontenut terroristiku u estremist vjolenti online u li tagħti pariri lill-istati membri dwar din il-kwistjoni, fost oħrajn.

Fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2017, il-mexxejja tal-UE appellaw lill-industrija biex tgħin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità online. Il-mexxejja jistennew li l-industrija tistabbilixxi forum tal-industrija u li ttejjeb is-sejbien u t-tneħħija awtomatiċi ta’ kontenut relatat mat-terroriżmu. Dan għandu jiġi kkumplimentat bil-miżuri leġislattivi rilevanti fil-livell tal-UE, jekk meħtieġ.

Kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi terzi

Fi Frar 2015, il-Kunsill iddeċieda li jintensifika l-azzjoni esterna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, b'mod partikolari fil-Mediterran, il-Lvant Nofsani, l‑Afrika ta’ Fuq, il-Golf u s-Saħel:

  • il-kooperazzjoni ma' sħab ewlenin ser tissaħħaħ
  • ser jitniedu proġetti ġodda biex jiġi appoġġat it-tisħiħ tal-kapaċitajiet
  • l-azzjoni biex jiġu miġġielda r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti ser tiġi intensifikata

F'Ottubru 2014 il-Kunsill adotta l-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu/il-ġellieda barranin li tiffoka fuq is-Sirja u l-Iraq. Din l-istrateġija tiddeskrivi diversi oqsma ta’ prijorità, inkluż it-titjib tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi biex jiġu identifikati n-netwerks ta’ reklutaġġ u l-ġellieda barranin.