Greċja: it-tielet programm ta’ aġġustament ekonomiku

Kronoloġija

15/06/2017

Il-Grupp tal-Euro jiffinalizza d-diskussjonijiet dwar it-tieni rieżami tal-programm

22/05/2017

Il-Grupp tal-Euro laqa’ l-progress u beda d-diskussjoni dwar is-sostenibbiltà tad-dejn

07/04/2017

Qbil dwar l-elementi ewlenin tar-riformi tal-politika

20/03/2017

Il-Grupp tal-Euro jinkoraġġixxi konklużjoni rapida tal-ftehim fil-livell tal-persunal

20/02/2017

Il-Grupp tal-Euro jilqa' l-progress li sar fit-taħditiet dwar il-programm tal-Greċja

It-tielet programm ta’ aġġustament ekonomiku għall-Greċja beda fid-19 ta’ Awwissu 2015 u huwa skedat li jibqa' għaddej sal-20 ta’ Awwissu 2018.

L-assistenza finanzjarja sa EUR 86 biljun taħt il-programm tiġi pprovduta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES).

Il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja jinkludu għadd ta’ miżuri u riformi li l-Greċja impenjat ruħha li timplimenta sabiex tindirizza l-isfidi ekonomiċi attwali tagħha.

L-għan ġenerali tal-programm huwa li jiżgura ritorn għal tkabbir ekonomiku sostenibbli fil-Greċja.

Ħarsa ġenerali

Il-Greċja għamlet talba uffiċjali għal għajnuna għall-istabbiltà fil-forma ta’ self lill-gvern mil-MES fit-8 ta’ Lulju 2015. Hija għamlet talba sabiex tissodisfa l-obbligi ta’ dejn tagħha u biex tiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

Fit-8 ta’ Lulju 2015, il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES inkariga lill-Kummissjoni Ewropea bil-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ riskji għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro, tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-Greċja u tal-ħtiġijiet potenzjali ta’ finanzjament tagħha. Din l-evalwazzjoni hija meħtieġa qabel ma jkunu jistgħu jibdew negozjati dwar programm.

Wara l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, imwettqa b’kooperazzjoni mal-BĊE u li ħarġet fl-10 ta’ Lulju 2015, il-bord tal-gvernaturi tal-MES qabel li seta' jibda n-negozjar ta’ programm ġdid ta’ assistenza finanzjarja għall-Greċja.

Sostenibbiltà tad-dejn

L-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn għall-Greċja, imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea b’kooperazzjoni mal-BĊE, ikkonkludiet li s-sostenibbiltà tad-dejn tista' tintlaħaq permezz ta’ programm ta’ riforma estensiv u kredibbli u miżuri addizzjonali relatati mad-dejn mingħajr telf impost (haircuts) nominali.

F'konformità mad-dikjarazzjoni tat-12 ta' Lulju tas-Summit taż-Żona tal-Euro, fl-14 ta’ Awwissu 2015 il-Grupp tal-Euro kkonferma li kien lest li jikkunsidra miżuri addizzjonali possibbli biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet ta’ finanzjament gross tal-Greċja jibqgħu f’livell sostenibbli. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-possibbiltà ta’ perijodi itwal ta’ grazzja u ta’ ripagament u ser ikunu kondizzjonali fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma fil-programm.

Fil-laqgħa tiegħu fl-24 ta’ Mejju 2016, il-Grupp tal-Euro qabel dwar għadd ta’ miżuri biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tal-Greċja. Il-miżuri huma maqsuma fuq perijodu qasir, medju u twil. Uħud minnhom għandhom jiġu implimentati qabel it-tmiem tal-programm, u oħrajn ladarba jitlesta b’suċċess il-programm. L-ambitu ta’ dawn tal-aħħar ser jiġi determinat abbażi ta’ analiżi aġġornata tas-sostenibbiltà tad-dejn.

Fil-5 ta’ Diċembru 2016, il-Grupp tal-Euro approva s-sett sħiħ ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tad-dejn għall-perijodu qasir għall-Greċja. Dawn il-miżuri ser ikollhom impatt pożittiv sinifikanti fuq is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tal-Greċja. Huma jinkludu:

  • il-profil tal-ħlas lura tal-Greċja isir aktar uniformi fil-limiti tal-maturità medja ponderata ta’ self sa 32 sena u nofs
  • jitnaqqas ir-riskju relatat mar-rata tal-imgħax billi tintuża l-istrateġija ta’ finanzjament tal-EFSF u l-MES, mingħajr ma jinħolqu aktar spejjeż għall-pajjiżi li kienu diġà fil-programm
  • rinunzja għaż-żieda fil-marġni tar-rata tal-imgħax għall-2017, relatata mas-segment tad-dejn tax-xiri lura tat-tieni programm Grieg

Il-bord tad-diretturi tal-MES u l-EFSF adottaw il-miżuri formalment fit-23 ta’ Jannar 2017 u fetħu t-triq għall-implimentazzjoni tagħhom.

Azzjonijiet preliminari

Wara l-valutazzjoni tar-riskju, tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament u tas-sostenibbiltà tad-dejn, fit-13 ta’ Lulju 2015 il-mexxejja tal-pajjiżi taż-żona tal-euro waslu għal qbil mal-Greċja dwar sett ta’ azzjonijiet preliminari li jeħtieġu li jiġu implimentati sabiex jinbdew negozjati dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti f’memorandum ta’ qbil.

L-azzjonijiet a priori maqbula inkludew:

  • miżuri ta’ riforma tal-VAT u tal-pensjonijiet
  • it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek (regoli dwar l-unjoni bankarja)
  • is-salvagwardja tal-indipendenza tal-awtorità Griega tal-istatistika (ELSTAT)
  • l-adozzjoni ta’ Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

Il-Greċja implimentat dawn l-azzjonijiet preliminari maqbula sal-14 ta’ Awwissu 2015.

Il-Grupp tal-Euro qabel li jibda negozjati dwar il-programm il-ġdid fis-16 ta’ Lulju 2015, u l-bord tal-gvernaturi tal-MES iddeċieda, fil-prinċipju, li jagħti għajnuna għall-istabbiltà lill-Greċja fis-17 ta’ Lulju 2015.

Memorandum ta' qbil

Il-bord tal-gvernaturi tal-MES approva memorandum ta’ qbil, li jispeċifika l-politiki ta’ riforma li l-Greċja hija mistennija li tissodisfa, fid-19 ta’ Awwissu 2015, wara li ġie approvat mill-istati membri tal-MES f'konformità mal-proċeduri nazzjonali tagħhom.

Fl-istess jum, il-bord tal-gvernaturi approva wkoll il-ftehim dwar self (il-'Ftehim qafas dwar Faċilità ta’ assistenza finanzjarja').

F’Ġunju 2016, matul l-ewwel reviżjoni tal-programm, ġie ffirmat memorandum ta’ qbil supplementari. Huwa aġġorna l-kondizzjonalità sat-tielet kwart tal-2017 billi jispeċifika r-riżultati fl-oqsma tal-memorandum ta’ ftehim oriġinali.

Il-programm tal-Greċja: punti ewlenin

Ir-riformi miftiehma fil-memorandum ta’ qbil jistgħu jinġabru f’erba’ oqsma ewlenin:

  • ir-restawr tas-sostenibbiltà fiskali
  • is-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja
  • l-implimentazzjoni ta’ riformi li jwasslu għal tkabbir u impjiegi
  • il-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku

Fost kondizzjonijiet oħra miftiehma, il-Greċja impenjat ruħha li tagħmel użu sħiħ mill-assistenza teknika disponibbli tal-UE għat-tfassil tar-riformi. Tali assistenza teknika hija kkoordinata mis-Servizz ġdid ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali (SRSS) tal-Kummissjoni Ewropea.

Ir-restawr tas-sostenibbiltà fiskali

X'inhu bilanċ pożittiv primarju?

Gvern jitqies bħala li jkun kiseb bilanċ pożittiv primarju meta d-dħul kurrenti tiegħu huwa ogħla mill-infiq kurrenti tiegħu (minbarra l-imgħax fuq id-dejn). Li jkun hemm bilanċi pożittivi primarji fuq perijodu medju jagħmilha possibbli li jitnaqqas id-dejn pubbliku u tiġi restawrata s-sostenibbiltà fiskali, li huwa essenzjali għar-ritorn tal-ekonomija lejn tkabbir sostenibbli.

Il-Greċja hija mistennija timmira għal bilanċ pożittiv primarju fuq perijodu medju ta’ 3.5% tal-PDG. Dan għandu jintlaħaq primarjament permezz ta’:

  • riformi fiskali, inkluż riformi tas-sistemi tal-VAT u tal-pensjoni, sostnuti minn programm ambizzjuż biex tissaħħaħ il-konformità fiskali u l-ġestjoni finanzjarja pubblika
  • il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni xierqa tal-gruppi vulnerabbli

Il-perkors maqbul ta’ aġġustament fiskali biex jinkiseb il-bilanċ pożittiv primarju huwa kif ġej:

  • -0.25% fl-2015
  • 0.5% fl-2016
  • 1.75% fl-2017
  • 3.5% fl-2018

Is-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja

Il-Greċja mistennija tieħu miżuri li jqiegħdu s-settur finanzjarju tagħha fuq bażi soda.

Il-kondizzjonijiet miftiehma fil-memorandum ta’ qbil jinkludu:

  • l-indirizzar ta’ self improduttiv (NPLs) fis-settur bankarju
  • ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek
  • it-tisħiħ tal-governanza tal-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja (HFSF) kif ukoll dik tal-banek

Rikapitalizzazzjoni tal-banek

Il-valutazzjoni komprensiva u l-analiżi tal-kwalità tal-assi tal-banek Griegi ewlenin twettqet mill-BĊE fil-ħarifa tal-2015. Wara l-valutazzjoni, il-banek affettwati ġew rikapitalizzati kif maqbul fid-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tal-14 ta’ Awwissu 2015.

Għal dan l-għan, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà żborża €5.4 biljun lill-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja biex jikkomplementa l-kapital privat miġbur mill-banek, wara d-deċiżjonijiet meħtieġa tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat.

Tkabbir, kompetittività u investiment

Il-Greċja mistennija li tfassal u timplimenta firxa kbira ta’ riformi li jwasslu għal tkabbir, kompetittività u investiment akbar. Ir-riformi huma mistennija partikolarment fis-swieq tax-xogħol u fis-swieq tal-prodotti, inkluż is-suq tal-enerġija. Ir-riformi għandhom jiżguraw konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-UE u għandhom l-għan li jikkonverġu lejn l-aħjar prattiki Ewropej.

Ir-riformi tas-suq tax-xogħol huma mistennija jirrevedu l-oqfsa għan-negozjar kollettiv u l-iffissar tal-pagi, l-azzjoni industrijali u s-sensji kollettivi. L-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat għandu jkun ukoll fost il-prijoritajiet.

Programm ta’ privatizzazzjoni

Il-Greċja hija mistennija wkoll li timplimenta programm ta’ privatizzazzjoni kif ukoll politiki li jsostnu l-investiment. L-awtoritajiet Griegi impenjaw ruħhom li jadottaw leġislazzjoni li tiżgura privatizzazzjoni trasparenti.

Barra minn hekk, fost il-kondizzjonijiet tal-programm hemm rekwiżit li jiġi stabbilit fond indipendenti, li għandu jiġi ġestit mill-awtoritajiet Griegi taħt is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE. Il-kompitu tal-fond huwa li jipprivatizza assi statali tal-Greċja evalwati b'mod indipendenti.

Skont id-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Euro tat-12 ta’ Lulju 2015, il-fondi li l-programm ta’ privatizzazzjoni mistenni li jiġġenera ser jintużaw:

  • għar-ripagament tar-rikapitalizzazzjoni tal-banek u assi oħra
  • għat-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn tal-Greċja għall-PDG
  • investimenti

Il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-istat u dik pubblika

Il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-istat u dik pubblika hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-programm. Mira partikolarment importanti hija dik li tiżdied l-effiċjenza tas-settur pubbliku fl-għoti ta’ beni u servizzi pubbliċi essenzjali.

Il-programm jinkludi miżuri biex tissaħħaħ l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Jeħtieġ ukoll li tissaħħaħ l-indipendenza istituzzjonali u operattiva tal-istituzzjonijiet nazzjonali bħall-amministrazzjoni tad-dħul u l-awtorità tal-istatistika (ELSTAT).

Assistenza finanzjarja taħt il-programm

Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jinsab lest li jipprovdi assistenza finanzjarja sa €86 biljun. Il-MES jiġbor il-fondi fis-swieq finanzjarji u mbagħad jipprovdi self lill-gvern Grieg.

Programm ġdid tal-Fond Monetarju Internazzjonali għall-Greċja jnaqqas l-ammont meħtieġ mill-MES.

Barra minn hekk, l-ammont ta’ assistenza finanzjarja meħtieġa għall-Greċja jkun jista’ jitnaqqas jekk il-pajjiż jerġa’ jikseb l-aċċess għas-self fis-swieq finanzjarji matul l-implimentazzjoni tal-programm. L-ammont ser ikun affettwat ukoll mis-suċċess tal-miżuri ta’ riforma mwettqa mill-Greċja, inkluża l-privatizzazzjoni ta’ assi statali.

Appoġġ mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM)

Waqt in-negozjati dwar il-programm il-ġdid, f'Lulju 2015, l-EFSM ipprovda lill-Greċja self tranżitorju ta’ EUR 7 biljun.

Is-self tħallas lura meta beda l-programm tal-MES, u ġie inkluż fl-ammont globali ta’ EUR 86 biljun allokati għall-programm tal-MES.

Pagament tal-assistenza finanzjara

Assistenza finanzjarja għall-Greċja hija pprovduta f’segmenti separati, li mbagħad jiġu diviżi ulterjorment f’subsegmenti u ħlasijiet parzjali.

Il-ħruġ ta’ kull ħlas parzjali jiddependi fuq l-implimentazzjoni b’suċċess tal-kondizzjonijiet miftiehma.

L-ewwel segment skont il-programm tal-MES jammonta għal €26 biljun; ġie rilaxxat wara l-approvazzjoni mill-bord tal-gvernaturi tal-MES fid-19 ta’ Awwissu 2015, u tħallas lill-Greċja l-ammont globali ta’ €24.1 biljun.

Fl-24 ta’ Mejju 2016, il-Grupp tal-Euro approva il-qbil fil-livell tal-persunal dwar l-ewwel rieżami tal-programm, li witta t-triq għall-iżborż mill-MES tat-tieni segment (€10.3 biljun) ta’ assistenza finanzjarja f’diversi pagamenti, b’segwitu għall-proċeduri rilevanti ta’ approvazzjoni mill-MES u l-istati membri taż-żona tal-euro.

Fid-9 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat rapport dwar il-konformità mal-memorandum ta’ qbil fil-kuntest tal-ewwel reviżjoni tal-programm. Ir-rapport dwar il-konformità, li jinkludi wkoll analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn aġġornata, ta evalwazzjoni ġenerali pożittiva tal-implimentazzjoni tal-programm u ħareġ opinjoni li r-rilaxx li jmiss tal-għajnuna finanzjarja biex tkopri l-ħtiġijiet għall-ħlas tad-dejn u jinfdew l-arretrati kien possibbli.

SegmentAmmontDisponibbiltà
L-ewwel segment€26 biljunRilaxxat wara l-approvazzjoni tal-assistenza finanzjarja mill-bord ta’ gvernaturi tal-MES fid-19 ta’ Awwissu 2015.
L-ewwel subsegment€10 biljunAllokat għar-rikapitalizzazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-banek. Kien disponibbli mit-23 ta’ Novembru 2015. F’Diċembru 2015, ġew rilaxxati €5.4 biljun mill-fondi minn kont segregat tal-MES lill-HFSF (Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja), wara d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat. L-ammont li jifdal li ma ntużax.
It-tieni subsegment€16 biljunŻborżat f’bosta ħlasijiet parzjali.
It-tieni subsegment, l-ewwel ħlas parzjali€13 biljunRilaxxat fl-20 ta’ Awwissu 2015.
It-tieni subsegment, it-tieni ħlas parzjali,€2 biljunRilaxxat fl-24 ta’ Novembru 2015, wara l-implimentazzjoni b’suċċess tal-ewwel sett ta’ stadji ewlenin.
It-tieni subsegment, it-tielet ħlas parzjali€1 miljunRilaxxat fit-23 ta’ Diċembru 2015, wara l-implimentazzjoni b’suċċess tat-tieni sett ta’ stadji ewlenin.
It-tieni segment €10.3 biljun It-tieni segment kien awtorizzat mill-bord tad-diretturi tal-MES fis-17 ta’ Ġunju 2016.
It-tieni segment, l-ewwel subsegment €7.5 biljunL-iżborż awtorizzat mill-bord tad-diretturi tal-MES fis-17 ta’ Ġunju 2016.
It-tieni segment, it-tieni subsegment €1.1 biljun

L-approvazzjoni politika tal-Grupp tal-euro ngħatat fl-10 ta’ Ottubru 2016. Il-bord ta’ gvernaturi tal-MES awtorizza l-iżborż fil-25 ta' Ottubru. Dan l-ammont għandu jintuża għall-ħlas tad-dejn.

It-tieni segment, it-tielet subsegment €1.7 biljun Il-bord tad-diretturi tal-MES awtorizza l-iżborż fil-25 ta' Ottubru, wara li rċieva valutazzjoni pożittiva tal-fidi tal-arretrati netti mill-Greċja. Dan l-ammont ser jiġi żborżat f'kont dedikat biex jinfdew l-arretrati.

 

Stadji ewlenin

L-istadji ewlenin huma l-kondizzjonijiet fil-programm li l-implimentazzjoni tagħhom tippermetti l-iżborż ta’ ħlas parzjali maqbul ta’ assistenza finanzjarja. Pereżempju, il-pagament ta’ żewġ ħlasijiet parzjali tal-ewwel segment kienu marbuta ma’ żewġ settijiet ta’ riżultati importanti.

Matul l-ewwel reviżjoni tal-programm, l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet Griegi qablu dwar 15-il mira speċifika li għandhom jiġu implimentati sal-aħħar ta’ Settembru 2016. Dawn kienu relatati mar-riżultati li ġejjin tal-programm:

  • ir-riformi tal-pensjonijiet
  • il-governanza tal-bank
  • ir-riformi fis-settur tal-enerġija
  • it-tlestija tat-twaqqif tal-fond ta’ privatizzazzjoni
  • l-istabbiliment tal-aġenzija tad-dħul

(Il-lista dettaljata tal-passi importanti hija disponibbli fir-rapport dwar il-konformità ta’ Ġunju 2016, il-kapitolu 5).

Fl-10 ta’ Ottubru, il-Grupp tal-euro laqa’ l-implimentazzjoni tal-15-il mira maqbula mill-Greċja u qies li s-subsegment li jmiss - € 1.1 biljun - jista’ jiġi żburżat għall-ħtiġijiet ta’ ħlas tad-dejn tal-Greċja, soġġett għall-awtorizzazzjoni tal-bord tal-gvernaturi tal-MES.

L-involviment tal-FMI

Skont it-Trattat dwar il-MES, programm tal-FMI ġeneralment ikun mfittex flimkien mal-programm tal-MES. Fil-każ tat-tielet programm għall-Greċja, id-deċiżjoni tal-Fond li jipprovdi appoġġ finanzjarju ulterjuri lill-Greċja ser tiddependi fuq il-valutazzjoni tiegħu dwar jekk:

  • ikunux ġew ikkompletati r-riformi fiskali, strutturali u dawk tas-settur finanzjarju kollha li huma inklużi fl-ewwel rieżami tal-implimentazzjoni tal-programm tal-MES
  • tkun ġietx ikkunsidrata l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali
  • ikunx intlaħaq qbil dwar il-ħelsien possibbli mid-dejn biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn

Fl-24 ta’ Mejju 2016, il-FMI esprima l-intenzjoni tiegħu li jirrakkomanda lill-Bord Eżekuttiv tal-FMI japprova arranġament finanzjarju qabel it-tmiem tal-2016, li ser jappoġġa l-implimentazzjoni tar-riformi maqbula fil-Greċja.

Monitoraġġ

Il-progress tal-implimentazzjoni tal-programm huwa mmonitorjat mill-Kummissjoni Ewropea, b’kollaborazzjoni mal-BĊE, il-MES u, kulfejn possibbli, mal-FMI. Il-missjonijiet ta’ rieżami f’Ateni għandhom isiru kull tliet xhur u jistgħu jiġu ssupplimentati b’missjonijiet interim.

Ir-rieżamijiet, skont il-progress miksub mill-awtoritajiet Griegi fl-implimentazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-programm, jipprovdu opportunità biex jiġu aġġornati s-suppożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet makroekonomiċi tal-programm.

Programmi preċedenti

Il-Greċja kellha żewġ programmi ta’ aġġustament fil-perijodu 2010–2015.

L-ewwel programm

Il-finanzjament matul l-ewwel programm ta’ aġġustament ingħata abbażi ta’ self bilaterali mill-istati membri fiż-żona tal-euro lill-Greċja permezz tal-mekkaniżmu ta’ 'Faċilità ta’ Self għall-Greċja'. Dan tħabbar mill-Grupp tal-Euro fit-2 ta’ Mejju 2010.

Taħt l-ewwel programm, il-Greċja rċeviet it-total ta’ €52.9 biljun f'assistenza finanzjarja. Il-FMI żborża ammont addizzjonali ta’ madwar €20 biljun.

It-tieni programm

It-tieni programm ta’ aġġustament issostitwixxa l-ewwel wieħed. Dan ġie approvat mill-Grupp tal-Euro fid-9 ta’ Marzu 2012 u baqa' sejjer sa Ġunju 2015.

Il-finanzjament ġie pprovdut mill-istati membri taż-żona tal-euro permezz tal-mekkaniżmu tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF). F’dan il-perijodu, l-EFSF żborżat €141.8 biljun u l-FMI madwar €12-il biljun.