Dikjarazzjoni u Pjan Direzzjonali ta’ Bratislava

Kunsill Ewropew

Id-Dikjarazzjoni ta' Bratislava

Illum iltqajna fi Bratislava f'mument kritiku għall-proġett Ewropew tagħna. Is-Summit ta' Bratislava ta' 27 Stat Membru kien iddedikat biex nanalizzaw flimkien il-qagħda attwali tal-Unjoni Ewropea u niddiskutu l-futur komuni tagħna. Ilkoll qbilna dwar il-prinċipji ġenerali li ġejjin.

Minkejja li pajjiż wieħed iddeċieda li jitlaq, l-UE tibqa' indispensabbli għall-bqija tagħna. Fiż-żmien ta' wara l-gwerer u d-diviżjonijiet profondi fil-kontinent tagħna, l-UE żgurat il-paċi, id-demokrazija u ppermettiet li l-pajjiżi tagħna jiffjorixxu. Bosta pajjiżi u reġjuni barra minnha għadhom qegħdin jirsistu biex jiksbu dan. Aħna determinati li nagħmlu suċċess mill-UE b'27 Stat Membru, billi nibnu fuq din l-istorja konġunta.

L-UE mhijiex perfetta iżda hija l-aħjar strument li għandna biex nindirizzaw l-isfidi ġodda li qegħdin niffaċċjaw. Neħtieġu li l-UE mhux biss tiggarantixxi l-paċi u d-demokrazija iżda wkoll is-sigurtà tal-popli tagħna. Neħtieġu li l-UE taqdi aħjar il-bżonnijiet u x-xewqat ta' għajxien, studju, ħidma, moviment u prosperità liberi tagħhom fil-kontinent tagħna u jibbenefikaw mill-wirt kulturali Ewropew għani.

Jeħtieġ li ntejbu l-komunikazzjoni bejnietna - fost l-Istati Membri, mal-istituzzjonijiet tal-UE, iżda l-iktar importanti maċ-ċittadini tagħna. Irridu nżidu ċ-ċarezza fid-deċiżjonijiet tagħna. Nużaw lingwaġġ ċar u onest. Niffokaw fuq l-aspettattivi taċ-ċittadini filwaqt li b'kuraġġ nindirizzaw is-soluzzjonijiet simplistiċi ta' forzi politiċi estremi jew populisti.

Fi Bratislava impenjajna ruħna li fix-xhur li ġejjin noffru liċ-ċittadini tagħna viżjoni ta' UE attraenti li jistgħu jafdaw u jappoġġaw. Ninsabu kunfidenti li għandna r-rieda u l-kapaċità li niksbu dan.

Ilqajna b'sodisfazzjon id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni. Kellna dibattitu wiesa' dwar il-prijoritajiet ewlenin għax-xhur li ġejjin. Abbażi ta' dan, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-Presidenza tal-Kunsill u tal-Kummissjoni pproponew il-programm ta' ħidma li ġej (il-"Pjan Direzzjonali ta' Bratislava"):

Il-Pjan Direzzjonali ta' Bratislava

I. Dijanjożi ġenerali u objettiv

  • Determinati li l-UE b'27 pajjiż tkun ta' suċċess
  • Bosta sfidi komuni quddiemna: in-nies huma inkwetati minħabba nuqqas perċepit ta' kontroll u biżgħat relatati mal-migrazzjoni, it-terroriżmu u l-insikurezza ekonomika u dik soċjali. Jeħtieġ li dawn il-kwistjonijiet jiġu ttrattati bħala prijorità fix-xhur li ġejjin
  • Billi jaħdmu flimkien, l-UE 27 għandhom il-mezzi biex jittrattaw dawn l-isfidi. Aħna determinati li nsibu soluzzjonijiet komuni anke fir-rigward ta' kwistjonijiet li ma naqblux dwarhom; il-prijorità immedjata hija li nuru unità u niżguraw kontroll politiku fuq l-iżviluppi sabiex nibnu l-futur komuni tagħna
  • Jeħtieġ li nkunu ċari dwar x'tista' tagħmel l-UE, u xi jridu jagħmlu l-Istati Membri, sabiex niżguraw li nistgħu nwettqu l-wegħdiet tagħna

II. Il-migrazzjoni u l-fruntieri esterni

Objettiv

  • Qatt aktar ma jerġa' jkun hemm flussi bla kontroll bħal dawk tas-sena l-oħra u jkompli jitnaqqas l-għadd ta' migranti irregolari
  • Jiġi żgurat kontroll sħiħ tal-fruntieri esterni tagħna u nerġgħu lura għal Schengen
  • Jitwessa' l-kunsens tal-UE dwar il-politika tal-migrazzjoni fit-tul u jiġu applikati l-prinċipji ta' responsabbiltà u solidarjetà

Miżuri konkreti

a) impenn sħiħ biex tiġi implimentata d-dikjarazzjoni UE-Turkija kif ukoll appoġġ kontinwu għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent

b) impenn mil-lum minn għadd ta' Stati Membri biex tingħata assistenza immedjata biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-fruntiera tal-Bulgarija mat-Turkija, u jitkompla l-appoġġ għal Stati oħra fil-fruntiera

c) qabel tmiem is-sena, kapaċità sħiħa għal reazzjoni rapida tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li issa tinsab iffirmata bħala liġi

d) patti dwar il-migrazzjoni għall-kooperazzjoni u d-djalogu ma' pajjiżi terzi biex iwasslu għal flussi mnaqqsa ta' migrazzjoni illegali u rati miżjuda ta' ritorn, li għandhom jiġu vvalutati fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru

e) ħidma li għandha tkompli biex twessgħa l-kunsens tal-UE fir-rigward tal-politika dwar il-migrazzjoni fit-tul, inkluż dwar kif jiġu applikati l-prinċipji tar-responsabbiltà u s-solidarjetà fil-futur

III. Is-sigurtà interna u esterna

Is-sigurtà interna

Objettiv

  • Isir dak kollu li hemm bżonn biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri biex jiżguraw is-sigurtà interna u jiġġieldu kontra t-terroriżmu

Miżuri konkreti

a) kooperazzjoni intensifikata u skambju ta' informazzjoni bejn is-servizzi tas-sigurtà tal-Istati Membri

b) adozzjoni tal-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li l-persuni kollha, inklużi ċ-ċittadini mill-Istati Membri tal-UE, li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni jiġu vverifikati mal-bażijiet tad-data rilevanti, li għandhom ikunu interkonnessi

c) jibda l-istabbiliment ta' Sistema ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) biex ikunu jistgħu jsiru verifiki avvanzati u, jekk meħtieġ, jiġi rrifjutat id-dħul ta' persuni eżentati mill-viża li jkunu qed jivvjaġġaw

d) sforz sistematiku kontra r-radikalizzazzjoni, inkluż permezz ta' tkeċċijiet u projbizzjonijiet fuq id-dħul fejn meħtieġ, kif ukoll appoġġ mill-UE għall-azzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-prevenzjoni

Is-sigurtà esterna u d-difiża

Objettiv

  • F'ambjent ġeopolitiku mimli sfidi, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-UE fir-rigward tas-sigurtà esterna u d-difiża

Miżuri konkreti

a) fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru jiġi deċiż pjan ta' implimentazzjoni konkret dwar is-sigurtà u d-difiża u dwar kif isir użu aħjar mill-għażliet fit-Trattati, speċjalment rigward il-kapaċitajiet

b) tibda tiġi implimentata d-dikjarazzjoni konġunta man-NATO immedjatament

IV. L-iżvilupp ekonomiku u soċjali, iż-żgħażagħ

Objettiv

  • Jinħoloq futur ekonomiku promettenti għal kulħadd, jiġi ssalvagwardjat l-istil tal-ħajja tagħna u jiġu pprovduti opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ

Miżuri konkreti

a) f’Diċembru: deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi fid-dawl tal-evalwazzjoni

b) fil-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa 2017: rieżami tal-progress fir-rigward tat-twettiq tal-istrateġiji differenti tas-Suq Uniku (inkluż is-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Unjoni tal-Enerġija)

c) il-Kunsill Ewropew ta' Ottubru ser jindirizza kif ser tiġi żgurata politika robusta dwar il-kummerċ li tibbenefika mis-swieq miftuħa filwaqt li jitqies it-tħassib taċ-ċittadini

d) f'Diċembru - deċiżjonijiet dwar appoġġ mill-UE lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-qagħad fost iż-żgħażagħ u dwar programmi tal-UE msaħħa ddedikati liż-żgħażagħ

V. It-triq 'il quddiem

  • Jitwettqu l-wegħdiet: jissaħħaħ il-mekkaniżmu għar-rieżami tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda. Il-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni leali tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet
  • Bratislava hija l-bidu ta' proċess. Il-laqgħat formali tal-Kunsill Ewropew li ġejjin ser jippermettu biex isir segwitu konkret dwar it-temi msemmija hawnhekk. Il-Kapijiet tas-27 pajjiż ser jiltaqgħu formalment fil-bidu tal-2017 fil-Belt Valletta. Iċ-ċelebrazzjonijiet ta' Marzu tal-2017 tas-60 anniversarju mit-Trattati ta' Ruma ser jiġbru flimkien il-Kapijiet f'Ruma u ser jintużaw biex jingħalaq il-proċess imniedi fi Bratislava, u biex jiġu stabbiliti l-orjentazzjonijiet għall-futur komuni tagħna flimkien.