Protezzjoni u promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem

Fl-2000, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill ipproklamaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Dan id-dokument jiddefinixxi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea.

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-2009, id-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji mfissra fil-karta saru jorbtu legalment lill-UE u lill-istati membri meta jimplimentaw il-liġi tal-UE.

It-Trattat jitlob ukoll li l-Unjoni Ewropea taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

It-Trattat ta' Lisbona jipprevedi l-obbligu:

  • tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea
  • tal-avvanz u l-konsolidament tad-drittijiet tal-bniedem fl-azzjoni esterna tal-UE

Il-Kunsill jieħu ħsieb li l-iżvilupp tal-leġislazzjoni u l-azzjoni tal-UE jikkunsidra d-drittijiet fundamentali. Huwa jaħdem ukoll favur il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE u mal-istituzzjonijiet internazzjonali, kif ukoll fin-negozjar ta' ftehimiet internazzjonali.

Id-drittijiet tal-bniedem fl-UE

Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija kwistjoni orizzontali, li tolqot l-oqsma kollha tal-attività tal-UE. Dan ifisser li jridu jiġu kkunsidrati mill-korpi kollha tal-Kunsill waqt ħidmiethom, irrispettivament mil-livell tagħhom jew is-suġġetti li jkopru.

Barra minn hekk, hemm korp speċjalizzat li jittratta l-kwistjonijiet kollha relatati direttament mad-drittijiet fundamentali: il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet Fundamentali, id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Moviment Liberu tal-Persuni (FREMP).

Uħud mill-oqsma ewlenin tal-azzjoni tal-Kunsill dwar id-drittijiet fundamentali jinkludu:

  • l-implimentazzjoni tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali
  • l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

Implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

Riforma tal-protezzjoni tad-data

Il-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali skont il-liġi tal-UE. F'April 2016, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw pakkett leġislattiv biex jirriforma u jimmodernizza l-protezzjoni tad-data personali.

Fejn meħtieġ, l-UE tadotta leġislazzjoni li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet kif definiti fil-karta. Dan jinkludi kwistjonijiet bħad-dritt għal proċess ġust u l-protezzjoni tad-data personali.

Barra minn hekk, fl-2011 il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jiddefinixxu r-rwol tiegħu li jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-karta tal-UE. Dawn il-konklużjonijiet jiddefinixxu l-ħtieġa ta' azzjoni tal-Kunsill f’diversi oqsma, inkluż fuq tliet punti prinċipali deskritti hawn taħt:

1. Rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Karta

Kull rebbiegħa l-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-karta. Dan ir-rapport jagħti lill-Kunsill opportunità li jorganizza d-dibattitu annwali tiegħu dwar il-Karta.

Wara skambju ta' fehmiet, il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar ir-rapport tal-Kummissjoni.

Fl-2017, dawn il-konklużjonijiet ffukaw fuq diversi kwistjonijiet, inkluż l-asil u l-migrazzjoni, id-drittijiet tat-tfal, ir-razziżmu u l-ksenofobija, u l-vjolenza kontra n-nisa.

2. Kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali

Il-Kunsill għandu kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali. Dan jinkludi:

  • l-adozzjoni tal-bażi legali u l-qafas pluriennali tal-aġenzija
  • li jkun hemm segwitu għar-rapport annwali tal-aġenzija u għal studji u rapporti oħra rilevanti għall-ħidma tal-Kunsill

Fl-2016, is-segwitu ta' dan ir-rapport annwali ġie inkluż bħala parti mill-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-karta fl-2015.

3. Id-drittijiet fundamentali fil-proċedura leġislattiva

Kull korp preparatorju tal-Kunsill jrid jiżgura li d-drittijiet fundamentali jkunu rispettati fit-testi li jiddiskuti. Biex iħaffef dan, il-grupp ta' ħidma dwar il-FREMP, flimkien mas-servizz legali tal-Kunsill, fassal ġabra ta' linji gwida dwar il-verifika tal-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali. Dawn il-linji gwida ġew aġġornati l-aħħar fl-2014.

L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fl-1950, ġiet ratifikata mis-47 pajjiż membru tal-Kunsill tal-Ewropa. Kull wieħed mit-28 stat membru tal-UE huwa parti għall-konvenzjoni.

Biex jiżgura li l-UE u l-liġi tal-UE jkunu soġġetti għall-istess standards bħall-istati membri, it-Trattat ta’ Lisbona jistipula l-obbligu li l-Unjoni Ewropea taderixxi mal-konvenzjoni.

L-adeżjoni tikkompleta l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u ssaħħaħ il-valuri fundamentali. Barra minn hekk tagħmel il-liġi tal-UE aktar effettiva u ttejjeb il-konsistenza tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Ewropa.

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tat opinjoni negattiva dwar il-kompatibbiltà tal-abbozz tal-ftehim mat-trattati tal-UE. Qed tiġi diskussa soluzzjoni ġdida li tagħmilha possibbli li l-obbligu tal-adeżjoni stabbilit fit-trattat ikun rispettat u li tqis l-aspetti kollha msemmija mill-Qorti fl-opinjoni tagħha.

Id-drittijiet tal-bniedem barra mill-UE

Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa parti fundamentali mir-relazzjonijiet kollha tal-UE mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE u mal-istituzzjonijiet internazzjonali.

Pereżempju, it-trattati u l-ftehimiet kollha ffirmati mill-UE jeħtieġu jkunu konformi mad-drittijiet tal-bniedem kif definiti mill-karta tal-UE. Dan ifisser li jeħtieġ li l-korpi kollha tal-Kunsill li jittrattaw l-affarijiet barranin jinkorporaw id-drittijiet tal-bniedem fil-ħidma tagħhom.

Barra minn hekk, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija wkoll prijorità fiha nfisha. Ir-referenza li tiggwida l-ħidma tal-UE f'dan il-qasam huwa l-pjan ta' azzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, adottat f'Lulju 2015 għall-perjodu 2015-2019.

Fis-16 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-pjan ta' azzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija.

Fil-Kunsill, korp speċjalizzat, il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM), jiffoka fuq kwistjonijiet internazzjonali marbuta direttament mad-drittijiet tal-bniedem.

Uħud mill-aspetti ewlenin tal-ħidma tal-Kunsill dwar id-drittijiet fundamentali jinkludu:

  • l-iffissar tal-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem
  • l-adozzjoni ta' linji gwida tematiċi li jsostnu l-azzjoni esterna tal-UE
  • il-ftuħ ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE
  • l-adozzjoni ta' rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija

L-iffissar tal-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU

Il-Kunsill jaqbel ukoll dwar il-prijoritajiet tal-UE fl-Assemblea Ġenerali tan-NU.

Fis-17 ta' Lulju 2017, il-Kunsill adotta l-prijoritajiet tal-UE għat-72 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li jinkludu diversi punti dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kunsill hu inkarigat li jiddefinixxi l-prijoritajiet strateġiċi għall-Unjoni Ewropea fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem. Għal dan l-għan, huwa jadotta konklużjonijiet darba fis-sena li jistabbilixxu l-linji ta' azzjoni prinċipali għall-UE fix-xhur li jmiss. Uħud mill-punti identifikati għall-2017 kienu li:

  • tippromwovi ambjent sikur u abilitanti għall-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem
  • tiżgura li s-sitwazzjoni mwiegħra tad-drittijiet tal-bniedem u dik umanitarja fis-Sirja tingħata attenzjoni sħiħa
  • tiġbed l-attenzjoni għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-konflitt fil-lvant tal-Ukrajna
  • tappella kontra l-eżekuzzjonijiet u favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt
  • tibqa' soda dwar il-projbizzjoni assoluta tat-tortura fi kwalunkwe ċirkostanza
  • tikkundanna l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn gruppi terroristiċi kontra nisa u tfal, inkluż mid-Da'esh u minn Boko Haram
  • tippromwovi l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin u l-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni
  • tipproteġi d-drittijiet tal-persuni li qed ifittxu l-asil, ir-refuġjati, il-migranti u l-persuni spostati kollha

Adozzjoni ta' linji gwida tematiċi

Il-Kunsill ifassal u jadotta wkoll linji gwida tematiċi. Dawn il-linji gwida jappoġġaw l-azzjoni esterna tal-UE u jipprovdu informazzjoni prattika lill-uffiċjali tal-UE dwar kif jippromwovu drittijiet speċifiċi.

Ftuħ ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem

L-Unjoni Ewropea, permezz tas-Servizz għall-Azzjoni Esterna tagħha, torganizza djalogi regolari dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE. Kull djalogu hu stabbilit skont il-linji gwida tal-UE dwar djalogi fuq id-drittijiet tal-bniedem, adottati mill-Kunsill fl-2001 u aġġornati l-aħħar fl-2008.

Skont dawn il-linji gwida, kwalunkwe deċiżjoni biex jinbeda djalogu l-ewwel teħtieġ evalwazzjoni tal-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż konċernat. Din l-evalwazzjoni ssir mill-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, f'koordinazzjoni ma' gruppi ta' ħidma oħra rilevanti.

Wara d-definizzjoni tal-għanijiet li jridu jinkisbu u sensiela ta' taħditiet esplorattivi mal-pajjiż, deċiżjoni finali dwar il-ftuħ tad-djalogu tittieħed mill-Kunsill permezz tal-adozzjoni ta' konklużjonijiet.

Rapportar: id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija

Il-ħidmiet u l-kisbiet kollha tal-UE fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-azzjoni esterna tagħha jiġu ppreżentati fid-dettall fir-rapport dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, li jiġi adottat mill-Kunsill darba fis-sena.

Fis-16 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill adotta r-rapport annwali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja (2016).