Ara l-kontenut
Abbonament bl-email

Pjan ta' investiment għall-Ewropa

Ħarsa ġenerali

Il-pjan ta’ investiment għall-Ewropa huwa inizjattiva tal-UE biex jiżdied l-investiment fl-UE kollha u tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku fit-tul

Ċentru Ewropew ta' konsulenza għall-investimenti u portal Ewropew ta' proġetti ta' investiment

Iċ-ċentru ta' konsulenza u l-portal ta' proġetti nħolqu biex jappoġġaw l-għanijiet tal-fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi

Fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi

Ħarsa lejn l-iskop, ir-rwol u t-tħaddim tal-fond

Objettivi ewlenin:

  • li jiġu mobilizzati €315-il biljun ta’ investiment addizzjonali sal-2018
  • li jiġi żgurat li l-investiment jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ekonomija reali
  • jittejjeb l-ambjent tal-investiment

Il-pjan ta’ investiment għall-Ewropa għandu l-għan li jimmobilizza mill-inqas €315-il biljun f’investiment privat u pubbliku sal-2018. L-għanijiet tiegħu huma:

  • li jagħti spinta lill-investiment
  • li iżid il-kompetittività
  • li jappoġġa t-tkabbir ekonomiku fit-tul fl-UE

Il-pjan ġie propost mill-Kummissjoni Ewropea f’Novembru 2014, wara l-appell tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2014 biex jiġu indirizzati l-livelli baxxi ta’ investiment fl-UE sabiex tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi.

Pjan ta' investiment għall-Ewropa: tliet pilastri

Il-pjan ta’ investiment għall-Ewropa għandu tliet elementi ewlenin:

  • Fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi
  • jiġi żgurat li l-finanzjament għall-investiment jilħaq l-ekonomija reali
  • it-titjib tal-ambjent tal-investiment
Il-fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi nħoloq fi ħdan il-Bank Ewropew tal-Investiment, proprjetà tal-istati membri kollha tal-UE. Il-BEI jaħdem ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE biex jimplimenta l-politika tal-UE.
Il-fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi nħoloq fi ħdan il-Bank Ewropew tal-Investiment, proprjetà tal-istati membri kollha tal-UE. Il-BEI jaħdem ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE biex jimplimenta l-politika tal-UE.
© © European Investment Bank 2015

1. Fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi

Il-fond twaqqaf bħala kont ġestit fi ħdan il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fl-2015. Huwa juża fondi pubbliċi biex jimmobilizza investiment privat addizzjonali u jagħti protezzjoni tal-kreditu għall-finanzjament ipprovdut mill-BEI u l-fond Ewropew tal-investiment (FEI).

Waħda mill-funzjonijiet tal-fond hija li jieħu ftit mir-riskju mġarrab mill-BEI, li għalhekk ser ikun jista' jinvesti fi proġetti aktar riskjużi. Il-parteċipazzjoni tal-BEI mistennija tattira l-investiment privat lejn proġetti bħal dawn.

Il-fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi (FEIS) jikkonċentra fuq l-investiment f’firxa wiesgħa ta’ setturi, inkluż l-infrastruttura, l-enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-broadband u l-edukazzjoni. Il-fond lest ukoll li jappoġġa lil negozji żgħar u ta’ daqs medju (l-aktar permezz tal-fond Ewropew tal-investiment).

Il-fond bħalissa jikkonsisti minn garanzija ta' €16-il biljun mill-baġit tal-UE u €5 biljun mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

Il-fond - il-€21 biljun - huwa mistenni li jikseb effett multiplikatur ġenerali ta’ 1:15 u b’hekk ser jiġġenera sa €315-il biljun f’investiment totali. Dan ifisser li €1 mill-flejjes pubbliċi użati mill-fond huwa mistenni li jiġġenera €12 minn investituri privati u €3 mill-BEI. L-effett multiplikatur eżatt ser ikun differenti għal kull proġett.

Proposta ġdida dwar il-FEIS

F’Diċembru 2016, il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu fuq proposta ġdida għal regolament li għandu l-għan li jtawwal it-terminu tal-fond sal-31 ta' Diċembru 2020, u jintroduċi titjib tekniku għall-fond u għaċ-ċentru Ewropew ta' konsulenza dwar l-investiment.

Minbarra l-estensjoni tat-terminu tal-fond, il-bidliet ewlenin għall-FEIS maqbula mill-Kunsill jinkludu:

  • żieda fil-mira tal-investiment għal €500 biljun
  • żieda fil-garanzija tal-baġit tal-UE għal €26 biljun (li minnhom €16-il biljun ser ikunu disponibbli għal talbiet għal ħlas ta' garanzija sa nofs l-2018)
  • żieda fil-kontribuzzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment għal €7.5 biljun (mill-€5 biljun bħalissa)

Barra minn hekk, it-titjib għandu l-għan li jiżgura li l-appoġġ tal-fond ikopri kemm jista’ jkun pajjiżi tal-UE possibbli, li jiffinanzja firxa usa’ ta’ setturi minn qabel, bħall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd u partijiet oħra tal-bijoekonomija kif ukoll ta’ azzjoni relatata mal-klima.

Ikopri wkoll setturi eliġibbli għall-appoġġ tal-BEI fl-inqas reġjuni żviluppati ta’ tranżizzjoni. It-titjib jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza.

Il-Kunsill ser jibda diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew dwar il-verżjoni finali tal-abbozz ta’ regolament meta l-Parlament jaqbel dwar il-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu.

2. L-iżgurar li l-finanzjament għall-investiment jilħaq l-ekonomija reali

Twaqqfu l-portal Ewropew ta' proġetti ta' investiment u ċentru Ewropew ta' konsulenza għall-investiment sabiex jgħinu l-finanzjament tal-investiment jilħaq l-ekonomija reali.

Iċ-ċentru jipprovdi assistenza u appoġġ tekniċi. Huwa jorbot flimkien il-programmi eżistenti ta’ assistenza teknika tal-BEI u jipprovdi servizzi konsultattivi addizzjonali għal każijiet mhux koperti mill-programmi eżistenti.

Il-portal ta' proġetti ser jgħin lil investituri potenzjali jsibu informazzjoni dwar kull proġett u opportunitajiet ta’ investiment.

F’Diċembru 2016 il-Kunsill qabel il-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu dwar proposta li jiġi introdott titjib tekniku fiċ-ċentru Ewropew ta' konsulenza għall-investiment.

Il-proposta għandha l-għan li tiffaċilita l-għoti ta' servizzi ta' assistenza teknika aktar immirata fil-livell lokali fl-UE kollha miċ-ċentru Ewropew ta' konsulenza dwar l-investiment. Għandha wkoll l-għan li tiffaċilita li l-finanzjament tal-FEIS jingħaqad ma' appoġġ ipprovdut minn sorsi oħra ta' finanzjament tal-UE, inkluż il-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej.

3. Titjib tal-ambjent tal-investiment

L-għan huwa li tingħata spinta lill-investiment permezz tat-titjib tal-ambjent tan-negozju u l-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-finanzjament, partikolarment għan-negozji żgħar u ta’ daqs medju.

L-għan ġenerali huwa li jitneħħew l-ostakli għall-investiment u tinħoloq regolamentazzjoni aktar sempliċi, aktar prevedibbli u aħjar fl-UE, speċjalment fis-setturi tal-infrastruttura, fejn l-investimenti jinfirxu fuq diversi snin jew għexieren ta’ snin.

Biex jgħin it-titjib tal-kondizzjonijiet ta’ finanzjament fl-UE, il-pjan jipprevedi l-ħolqien ta’ unjoni tas-swieq kapitali biex titnaqqas il-frammentazzjoni fis-swieq finanzjarji u tiżdied il-provvista ta’ kapital għan-negozji u għall-proġetti ta' investiment.

F’Diċembru 2016 il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar għadd ta' kwistjonijiet li jaffettwaw lill-investiment fl-UE, kif identifikati mill-Kumitat tal-Politika Ekonomika. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill għandhom jikkontribwixxu għar-rakkomandazzjonijiet lill-istati membri fil-qafas tas-Semestru Ewropew, il-proċess ta' monitoraġġ tal-politika tal-UE.

Fil-Kunsill

6 ta’ Diċembru 2016: il-Kunsill adotta l-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu dwar il-proposta l-ġdida dwar il-FEIS, li ttawwal it-tul ta’ żmien tal-fond sal-2020 u żżid il-mira tal-investiment tal-fond għal €500 biljun, il-garanzija tal-baġit tal-UE għal €26 biljun, u l-kontribuzzjoni tal-BEI għal €7.5 biljun. Il-ftehim jippermetti lill-presidenza tal-Kunsill tinnegozja l-liġi finali mal-Parlament Ewropew ladarba dan jadotta l-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu.

20-21 ta' Ottubru 2016: il-Kunsill Ewropew appella lill-Kunsill biex jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu ta' negozjar rigward il-proposta l-ġdida dwar il-FEIS f'Diċembru 2016, b'kont meħud tal-evalwazzjoni indipendenti esterna li mistennija titlesta f'Novembru.

Settembru 2016: il-Kunsill beda l-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jestendi t-tul ta' żmien tal-fond Ewropew għal investimenti strateġiċi kif ukoll li jintroduċi tisħiħ tekniku lill-fond u liċ-ċentru Ewropew ta' konsulenza għall-investiment.

12 ta’ Lulju 2016: il-Kunsill eżamina l-ħidma li saret għat-tneħħija tal-ostakli għall-investiment - it-tielet pilastru tal-pjan ta’ investiment għall-Ewropa. Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) identifika tliet oqsma fejn jistgħu jittieħdu passi mill-istati membri: l-oqfsa ta’ insolvenza, l-aċċess għall-finanzjament u s-sinerġiji transkonfinali, partikolarment fl-industriji tan-netwerks. Il-Kunsill talab lill-KEF biex ikompli b’ħidmitu fuq is-suġġett u ser jerġa' jiddiskutih f’laqgħa fil-ġejjieni.

25 ta' Ġunju 2015: il-Kunsill adotta r-regolament dwar il-fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi (FEIS), wara approvazzjoni mill-Parlament Ewropew fl-24 ta' Ġunju. Ir-regolament tal-FEIS daħal fis-seħħ fil-bidu ta’ Lulju 2015.

28 ta' Mejju 2015: il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar l-abbozz tar-regolament tal-FEIS.

23 ta' April 2015: il-Kunsill u l-Parlament Ewropew bdew in-negozjati dwar il-verżjoni finali tar-regolament tal-FEIS.

10 ta' Marzu 2015: il-Kunsill adotta l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu (l-approċċ ġenerali) fuq l-abbozz ta' regolament.

19 ta' Jannar 2015: il-Kunsill beda jaħdem fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-FEIS, maħruġa aktar kmieni dak ix-xahar.

18 ta' Diċembru 2014: il-Kunsill Ewropew ta l-appoġġ tiegħu għall-pjan ta' investiment għall-Ewropa.

Għaliex hemm bżonn ta' aktar investiment?

Għal għadd ta' snin, il-livelli ta' investiment fl-UE kienu sostanzjalment aktar baxxi mil-livelli ta’ qabel il-kriżi rreġistrati fl-2007.

Il-livell baxx ta’ investiment huwa meqjus bħala waħda mir-raġunijiet għalfejn l-irkupru ekonomiku fl-UE, u speċjalment fiż-żona tal-euro, kien bil-mod. Barra minn hekk, investiment persistentement dgħajjef jista’ jkollu impatt negattiv fuq it-tkabbir u l-kompetittività fit-tul.

Sfond

L-għoti ta' spinta lill-investiment huwa wieħed mill-oqsma prijoritarji strateġiċi tal-Ewropa għall-2014-2019, kif stabbiliti fl-aġenda strateġika għall-UE. Huwa wkoll waħda mill-prijoritajiet tal-politika ekonomika tal-UE, flimkien mar-riformi strutturali u r-responsabbiltà fiskali.