Biex ikunu jistgħu jidħlu fiż-żona tal-euro, l-istati membri tal-UE huma meħtieġa jissodisfaw l-hekk imsejħa 'kriterji ta' konverġenza'. Dawn huma kondizzjonijiet ekonomiċi u legali maqbula fit-Trattat ta' Maastricht fl-1992 u huma magħrufa wkoll bħala l-'kriterji ta' Maastricht'. 

Id-deċiżjoni finali dwar id-dħul ta' pajjiż tal-UE fiż-żona tal-euro tittieħed mill-Kunsill tal-UE, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni u wara li jkun ġie kkonsultat il-Parlament Ewropew.  

L-istati membri kollha tal-UE impenjaw ruħhom li jintroduċu l-euro, ħlief id-Danimarka u r-Renju Unit li għandhom l-hekk imsejħa 'klawżoli ta' non-parteċipazzjoni' fit-trattati tal-UE, li jeżentawhom milli jadottaw l-euro. Madankollu dawn iż-żewġ pajjiżi jistgħu japplikaw għal sħubija fiż-żona tal-euro jekk jiddeċiedu hekk.

Attwalment iż-żona tal-euro fiha 19-il stat membru: l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja.

Fatti ewlenin dwar l-euro

  • l-euro attwalment hu l-munita ta' 19-il stat membru u jintuża minn kważi 337.5 miljun ċittadin tal-UE
  • l-euro ġie introdott bħala munita ta' kontabilità fi 11-il stat membru fl-1 ta' Jannar 1999
  • il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro bdew jiċċirkolaw fl-1 ta' Jannar 2002