L-UE qed taħdem biex iżżid il-mobbiltà ġusta tal-ħaddiema fl-Ewropa billi tneħħi l-ostakli li jxekkluha.

L-UE tappoġġa l-mobbiltà billi tgħin lil min ifittex ix-xogħol u min iħaddem ġewwa l-Ewropa jsibu lil xulxin, kull fejn ikunu. Tieħu ħsieb ukoll li l-ħaddiema mobbli tal-UE ma jiġux abbużati u tgħin fil-koordinazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

Mobbiltà tal-ħaddiema fl-UE

  • 6.9 miljun ċittadin tal-UE jgħixu u jaħdmu barra f'pajjiż ieħor tal-UE
  • hemm 'il fuq minn 1.1 miljun ħaddiem transkonfinali jew transfruntier, jiġifieri ċittadini tal-UE li jaħdmu f'pajjiż tal-UE li mhux dak fejn jgħixu

Kamp ta' applikazzjoni tal-politika

1. Riforma tal-EURES, in-netwerk Ewropew ta' servizzi pubbliċi għall-impjieg

Ir-riforma għandha l-għan li żżid in-numru ta' impjiegi disponibbli fuq il-portal tal-internet EURES u li tagħmilha eħfef biex dawn jinstabu. Hija trid ukoll ittejjeb l-għajnuna fit-tiftix tax-xogħol u r-reklutaġġ madwar l-Ewropa u tiżgura l-aħjar tqabbil bejn min iħaddem u min ifittex ix-xogħol.

Wara ftehim mal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti approva r-regoli l-ġodda fit-2 ta' Diċembru 2015.

2. Ħolqien ta' pjattaforma Ewropea kontra x-xogħol mhux iddikjarat

Il-pjattaforma ġdida tippermetti skambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki billi ġġib flimkien lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat. Eventwalment il-pjattaforma ser tibda tippromwovi taħriġ għal persunal minn diversi pajjiżi u spezzjonijiet konġunti transkonfinali.

Id-deċiżjoni dwar l-istabbiliment tal-pjattaforma ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-11 ta' Marzu 2016. Il-pjattaforma tnediet uffiċjalment f'Mejju 2016.

3. Infurzar aħjar tar-regoli tal-UE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema

Id-direttiva għall-infurzar tal-leġislazzjoni dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema għandha l-għan li ssaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati, tiffaċilita l-forniment ta' servizzi transkonfinali u tiġġieled kontra d-dumping soċjali. L-għan tagħha hu li ttejjeb l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti, mingħajr ma tibdilhom.

Id-direttiva ġiet adottata mill-Kunsill fit-13 ta' Mejju 2014. Wara l-adozzjoni, hija daħlet fis-seħħ. L-istati membri issa għandhom sat-18 ta' Ġunju 2016 biex jittrasponu d-direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.