L-instabbiltà dejjem akbar fil-viċinat tan-nofsinhar tal-UE żiedet l-għadd ta' persuni li qed jippruvaw jidħlu fl-Unjoni Ewropea. L-UE u l-istati membri tagħha qegħdin jintensifikaw l-isforzi biex jistabbilixxu politika Ewropea effettiva, umanitarja u sikura dwar il-migrazzjoni.

Il-Kunsill Ewropew jaqdi rwol importanti f’dan l-isforz, billi jiffissa l-prijoritajiet strateġiċi. Abbażi ta’ dawn il-prijoritajiet, il-Kunsill tal-UE jistabbilixxi ċerti linji ta’ azzjoni u jipprovdi l-mandati għal negozjati ma’ pajjiżi terzi. Huwa jadotta wkoll il-leġislazzjoni u jiddefinixxi programmi speċifiċi.

Matul l-aħħar xhur, il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew ħadmu biex isawru rispons qawwi f’diversi oqsma. Il-kronoloġija dwar il-pressjonijiet migratorji tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi ewlenin fil-ħidma tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew sabiex isawru rispons tal-UE għall-pressjonijiet migratorji.

Mappa interattiva tas-summit tal-Belt Valletta
Agħfas fuq l-istampa biex tidħol fil-mappa interattiva (disponibbli bl-Ingliż u l-Franċiż biss)

Il-presidenza tal-Kunsill attivat ukoll l-arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR). Dawn jipprovdu għodda biex jiżdied l-appoġġ għar-rispons tal-Kunsill f’każ ta’ kriżi, kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak ta’ ħidma, mal-Kummissjoni, is-SEAE u l-aġenziji rilevanti.

Il-politika migratorja tal-UE tinkludi l-elementi li ġejjin:

  • ħidma mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' transitu
  • tisħiħ tal-fruntieri esterni tal-UE
  • ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni u ġlieda kontra l-attivitajiet tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' migranti
  • riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-asil
  • ħolqien ta' mogħdijiet ta' migrazzjoni legali
  • promozzjoni tal-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi

Ħidma mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' transitu

L-approċċ globali għall-migrazzjoni u l-mobilità (GAMM) huwa l-qafas ġenerali għar-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi. Taħt il-GAMM, tniedu u ġew żviluppati diversi djalogi dwar il-migrazzjoni, u ġew stabbiliti oqsfa ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi rilevanti. Fl-2015, il-mexxejja tal-UE qablu dwar pjan ta’ azzjoni fil-Belt Valletta biex jirrispondu għall-influss ta’ migranti lejn l-UE, primarjament minn pajjiżi Afrikani. Fl-2016, il-Kunsill Ewropew approva l-istabbiliment ta’ qafas ġdid ta’ sħubija ġdid dwar il-migrazzjoni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ewlenin ta’ oriġini. Fl-istess sena, ġiet adottata d-dikjarazzjoni UE-Turkija biex jiġi indirizzat il-fluss tal-migrazzjoni irregolari mit-Turkija lejn l-UE. Barra minn hekk, l-UE qiegħda tieħu azzjoni biex tissodisfa l-bżonnijiet umanitarji urġenti tar-refuġjati Sirjani fit-Turkija, il-Ġordan u l-Libanu.

Tisħiħ tal-fruntieri esterni tal-UE

Ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-UE hija essenzjali biex il-moviment liberu fi ħdan l-UE jaħdem sew. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tnediet f’Ottubru 2016, wara l-appell tal-Kunsill Ewropew f’Settembru 2015 biex jissaħħu l-kontrolli fil-fruntieri esterni. Qed tiġi nnegozjata l-adozzjoni ta’ kontrolli msaħħa fil-fruntieri esterni, kif ukoll it-tisħiħ tal-kontrolli permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda.

Kunċetti prinċipali

Ftehim ta’ riammissjoni: jistabbilixxi r-regoli għal residenti irregolari li jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ transitu tagħhom.

Rilokazzjoni: trasferiment ta’ persuna li applikat għal protezzjoni internazzjonali mill-istat membru inkarigat li jeżamina l-applikazzjoni tagħha (bħalissa l-Greċja jew l-Italja) lejn stat membru ieħor tal-UE.

Risistemazzjoni: persuni spostati li mhumiex mill-UE bi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali jiġu ttrasferiti minn pajjiż li mhux fl-UE lejn stat membru tal-UE.

Ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni u l-ġlieda kontra l-persuni li jiffaċilitaw il-migrazzjoni illegali

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni hija l-prevenzjoni tal-migrazzjoni illegali kif ukoll ir-ritorn tal-migranti irregolari lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom. Id-direttiva dwar ir-ritorn tistipula regoli ċari, trasparenti u ġusti għar-ritorn ta’ ċittadini irregolari ta' pajjiżi terzi. Il-ftehimiet tal-UE dwar ir-riammissjoni huma kruċjali għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar ir-ritorn. L-UE stabbilixxiet ukoll serje ta’ operazzjonijiet navali biex tipproteġi l-fruntieri tal-UE, issalva l-ħajjiet ta' migranti fuq il-baħar, u tiġġieled in-netwerks tat-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin.

Riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-asil

Il-kriżi tal-migrazzjoni enfasizzat il-ħtieġa li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (CEAS) tiġi riformata. Skont il-qafas eżistenti, l-applikanti għall-asil mhumiex itrattati b’mod uniformi u r-rati ta’ rikonoxximent ivarjaw, xi ħaġa li tista’ tinkoraġġixxi movimenti sekondarji u shopping għal asil. Il-Kunsill qiegħed jeżamina seba’ proposti leġislattivi magħmula mill-Kummissjoni Ewropea biex tirriforma is-CEAS.

Ħolqien ta' mogħdijiet ta' migrazzjoni legali

L-UE hija impenjata biex tipprovdi rotot sikuri u legali lejn l-Ewropa għal dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. F’Lulju 2015, l-istati membri qablu li jirrisistemaw 22,504 persuna. Id-dikjarazzjoni UE-Turkija ta’ Marzu 2016 tipprevedi li għal kull Sirjan li jintbagħat it-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor jiġi risistemat mit-Turkija lejn l-UE. Fit-13 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni pproponiet qafas ta’ risistemazzjoni permanenti tal-UE biex tistabbilixxi standards u proċeduri komuni. Barra minn hekk, il-Kunsill qiegħed jeżamina proposta biex tittejjeb id-direttiva dwar il-karta blu bl-għan li jiġu attirati persuni b’ħiliet ta’ livell għoli meħtieġa għall-ekonomija tal-UE.

Promozzjoni tal-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi

Il-miżuri ta’ rilokazzjoni u ta’ risistemazzjoni adottati b'rispons għall-kriżi tar-refuġjati u l-migranti enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-istati membri li għandhom inqas esperjenza fl-integrazzjoni. Fil-fatt, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi madwar l-UE spiss iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli fir-rigward tal-impjiegi, l-edukazzjoni, u l-inklużjoni soċjali. Fil-konklużjonijiet tiegħu f’Diċembru 2016, il-Kunsill stieden lill-istati membri biex jiskambjaw l-aħjar prattika dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, biex itejbu l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-integrazzjoni, u biex jindirizzaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-ħiliet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.