Riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-asil

Is-sistema Ewropea komuni tal-asil (SEKA) tistabbilixxi standards minimi komuni għat-trattament tal-applikanti u l-applikazzjonijiet kollha għall-asil.

Fil-prattika, dawk li qed ifittxu l-asil jiġu ttrattati b’mod differenti, u r-rati ta’ rikonoxximent ivarjaw minn stat membru għal ieħor.

Dawn id-diverġenzi jistgħu jinkoraġġixxu movimenti sekondarji u shopping għall-asil, li komplew jiggravaw minħabba l-kriżi tar-refuġjati u l-migranti mill-bidu tal-2015. B’riżultat ta’ dan, diversi stati membri stabbilixxew kontrolli temporanji fuq il-fruntieri interni.

Ir-riforma tas-sistema Ewropea komuni tal-asil għandha l-għan li:

  • tagħmel is-sistema aktar effiċjenti u aktar reżistenti għall-pressjoni migratorja
  • telimina l-fatturi ta' attrazzjoni kif ukoll l-movimenti sekondarji
  • tiġġieled l-abbuż u tipprovdi appoġġ adegwat lill-istati membri l-aktar milquta

 

2017

23 ta' Ġunju

Il-mexxejja tal-UE jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għar-riforma tas-SEKA

Fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju, il-mexxejja tal-UE tennew il-ħtieġa ta' riforma tas-sistema komuni tal-asil. "Bis-saħħa tal-progress li sar taħt il-presidenza Maltija, hemm fehim komuni li jeħtieġ li s-SEKA riformata issib l-aħjar bilanċ bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà", qalu l-mexxejja.

Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill biex ikompli n-negozjati u jemenda l-proposti leġislattivi kif meħtieġ, bl-għajnuna tal-Kummissjoni.

Kontrolli temporanji fuq il-fruntieri interni

Bosta Stati Membri qed jiffaċċaw nuqqasijiet fl-iżgurar ta' kontrolli effiċjenti fuq il-fruntieri esterni, b’riżultat tal-kriżi migratorja u tar-refuġjati. Dawn in-nuqqasijiet ipprovokaw il-movimenti sekondarji ta’ migranti irregolari, u b'hekk ikkawżaw theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna f’diversi stati membri.

Fi Frar 2017, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni biex jiġu estiżi l-kontrolli temporanji fuq il-fruntieri interni fl-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja. Il-kontrolli jistgħu jsiru biss f’partijiet speċifiċi tal-fruntieri tagħhom u għal mhux aktar minn tliet xhur. Din id-deċiżjoni ssegwi estensjoni ta’ sitt xhur fir-rigward tal-kontrolli interni temporanji f’dawn il-pajjiżi, li ġiet adottata f’Mejju 2016 u li ġiet estiża mill-ġdid bi tliet xhur f’Novembru 2016.

Id-deċiżjoni inizjali ta' Mejju 2016 issegwi l-adozzjoni fi Frar 2016 ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex jiġu indirizzati serje ta’ nuqqasijiet identifikati fl-applikazzjoni mill-Greċja tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntiera esterna.

Il-kodiċi tal-fruntieri ta’ Schengen jistabbilixxi li, jekk wara tliet xhur mill-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni bħal din jippersistu nuqqasijiet serji u l-miżuri meħuda ma jkunux biżżejjed, il-Kummissjoni tista’ tiskatta l-applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-artikolu 29.

Din il-proċedura tippermetti lill-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjoni, li trid tiġi adottata mill-Kunsill, biex il-kontrolli fuq il-fruntieri jiġu introdotti mill-ġdid fuq fruntiera interna waħda jew aktar. Dawn il-kontrolli jistgħu jiġu introdotti għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur. Il-kontrolli jistgħu jiġu estiżi b'perjodi addizzjonali ta' sitt xhur għal perjodu ta’ mhux aktar minn sentejn.