Fit-22 ta' Ġunju, fil-marġni tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50), il-mexxejja tal-UE 27 approvaw il-proċedura għar-rilokazzjoni tal-aġenziji tal-UE li bħalissa jinsabu fir-Renju Unit: l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA).

Infografika - Brexit: rilokazzjoni tal-aġenziji tal-UE bbażati fir-Renju Unit

Infografika - Ir-rilokazzjoni taż-żewġ aġenziji tal-UE li bħalissa huma bbażati fir-Renju Unit

Kif taħdem il-proċedura ta' rilokazzjoni?

Il-proċedura tikkonsisti f':

  1. l-offerti mill-istati membri biex jospitaw aġenzija waħda jew it-tnejn li huma, ġew ippreżentati sal-31 ta’ Lulju 2017
  2. valutazzjoni tal-offerti mill-Kummissjoni abbażi tal-kriterji ppubblikati fit-30 ta’ Settembru 2017
  3. diskussjoni politika bbażata fuq il-valutazzjoni tal-Kummissjoni fil-marġini tal-laqgħa tal-KAĠ (Art. 50) fis-17 ta’ Ottubru 2017
  4. deċiżjoni mis-27 stat membru permezz ta’ vot fil-marġni tal-laqgħa tal-KAĠ (Art. 50) fl-20 ta' Novembru 2017

1. Offerti mill-istati membri biex jospitaw l-aġenziji

Kien hemm offerti minn 8 stati membri biex jospitaw l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u 19-il proposta biex jospitaw l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA).

2. Kriterji għall-valutazzjoni

Fit-22 ta’ Ġunju, 27 mexxej tal-UE qablu dwar 6 kriterji:

  • l-assigurazzjoni li l-aġenzija tkun operazzjonali meta r-Renju Unit joħroġ mill-UE
  • aċċessibbiltà tal-post
  • skejjel għat-tfal tal-persunal tal-aġenzija
  • aċċess għas-suq tax-xogħol u l-kura tas-saħħa għall-konjuġi u t-tfal tal-impjegati
  • kontinwità tal-operat
  • firxa ġeografika

Fit-30 ta’ Settembru, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-valutazzjoni tal-offerti bbażata fuq is-6 kriterji maqbula mill-UE27.

Liema huma l-aġenziji tal-UE li bħalissa huma bbażati fir-Renju Unit?

L-Unjoni Ewropea għandha żewġ aġenziji stabbiliti fir-Renju Unit. It-tnejn li huma jinsabu Londra.

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)

Imwaqqfa fl-1995, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) hija responsabbli għall-valutazzjoni xjentifika, is-superviżjoni u l-monitoraġġ tas-sikurezza tal-mediċini fl-UE.

L-EMA hija essenzjali għall-funzjonament tas-suq uniku għall-mediċini fl-UE.

B’mod konkret, il-kompiti ewlenin tal-EMA jinkludu:

  • il-faċilitazzjoni tal-iżvilupp u l-aċċess għall-mediċini
  • l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni
  • il-monitoraġġ tas-sikurezza tal-mediċini tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom
  • l-għoti ta informazzjoni lill-professjonisti fil-kura medika u lill-pazjenti

L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA)

L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) taħdem biex tiżgura r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali effettivi u konsistenti fis-settur bankarju Ewropew kollu. L-objettivi ġenerali tagħha huma:

  • il-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja fl-UE
  • is-salvagwardja tal-integrità, l-effikaċja u l-operat ordnat tas-settur bankarju

Il-kompitu ewlieni tal-EBA huwa li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Ktieb wieħed tar-regoli Ewropej fis-settur bankarju.

Il-Ktieb wieħed tar-regoli għandu l-għan li jipprovdi ġabra unika ta’ regoli prudenzjali armonizzati għall-istituzzjonijiet finanzjarji fl-UE kollha. Dan huwa maħsub biex joħloq kondizzjonijiet ekwi u jipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni għad-depożitanti, l-investituri u l-konsumaturi.

L-EBA ngħatat ukoll il-mandat li tevalwa r-riskji u l-vulnerabbiltajiet fis-settur bankarju tal-UE permezz ta’ rapporti regolari dwar il-valutazzjoni tar-riskju u simulazzjonijiet ta' kriżi pan-Ewropej.