Il-miżuri restrittivi jew is-'sanzjonijiet' huma għodda essenzjali tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) tal-UE. Dawn jintużaw mill-UE bħala parti minn approċċ ta' politika integrat u komprensiv, li jinvolvi djalogu politiku, sforzi komplementari u l-użu ta' strumenti oħra għad-dispożizzjoni tagħha.

Objettivi ewlenin fl-adozzjoni ta' sanzjonijiet

  • salvagwardja tal-valuri, l-interessi fundamentali u s-sigurtà tal-UE
  • preservazzjoni tal-paċi
  • konsolidazzjoni u appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali
  • prevenzjoni ta' konflitti u tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali

Is-sanzjonijiet jippruvaw iwasslu għal bidla fil-politika jew l-imġiba ta' dawk fil-mira, bil-ħsieb li jiġu promossi l-objettivi tal-PESK. Dawn jista' jkollhom fil-mira:

  • gvernijiet ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE, minħabba l-politiki tagħhom
  • entitajiet (kumpaniji) li jipprovdu l-mezzi biex jitwettqu l-politiki fil-mira
  • gruppi jew organizzazzjonijiet bħalma huma gruppi terroristiċi
  • individwi li jappoġġaw il-politiki fil-mira, involuti f’attivitajiet terroristiċi, eċċ.

Huma żviluppati b'tali mod li jimminimizzaw il-konsegwenzi negattivi għal dawk mhux responsabbli għall-politiki jew l-azzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni ta' sanzjonijiet. B'mod partikolari, l-UE taħdem biex timminimizza l-effetti fuq il-popolazzjoni ċivili lokali u fuq attivitajiet leġittimi fil-pajjiż ikkonċernat jew miegħu.

Il-miżuri restrittivi kollha adottati mill-UE huma kompletament konformi mal-obbligi skont id-dritt internazzjonali, inkluż dawk relatati mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Linji gwida dwar miżuri restrittivi

Fl-2004, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà laħaq qbil dwar xi prinċipji bażiċi rigward:

  • l-użu ta' sanzjonijiet
  • l-implimentazzjoni tagħhom
  • kif jitkejjel u jiġi kkontrollat l-impatt tagħhom

Dawn il-prinċipji bażiċi huma inklużi fil-"linji gwida dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' miżuri restrittivi" li ġew adottati għall-ewwel darba mill-Kunsill fl-2003 u li ġew rieżaminati u aġġornati fl-2005, l-2009 u l-2012.