Linji strateġiċi għall-ġustizzja u l-affarijiet interni

It-Trattat ta' Lisbona jistabbilixxi li l-Unjoni Ewropea għandha tikkostitwixxi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, fejn id-drittijiet fundamentali jiġu rispettati bis-sħiħ. Sabiex dan jintlaħaq, huwa jagħti lill-Kunsill Ewropew l-impenn li jiddefinixxi l-linji gwida għall-ippjanar leġislattiv u operazzjonali f'dik iż-żona. Il-linji gwida jkopru aspetti bħall-kontroll fuq il-fruntiera, il-politika dwar il-migrazzjoni u l-asil u l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja.

F'Ġunju 2014, il-Kunsill Ewropew iddefinixxa l-linji gwida strateġiċi fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja matul is-snin li ġejjin. Dawn il-linji gwida huma allinjati mal-prijoritajiet stabbiliti fl-aġenda strateġika għall-UE, li ġiet adottata f'Ġunju wkoll. Dawn jibnu fuq il-progress li sar mill-programm ta' Stokkolma, il-programm pluriennali għall-ġustizzja u l-affarijiet interni għall-2010-2014.

Ser isir rieżami ta' nofs it-term ta' dawn il-linji gwida fl-2017.

Fid‑dettall

Wara l-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, l-UE kkonċentrat fuq l-iżvilupp ta' leġislazzjoni biex jinbena qafas b'saħħtu għall-ġustizzja u l-affarijiet interni. Wara li l-linji gwida strateġiċi ġew adottati f'Ġunju 2014, l-enfasi issa qiegħda fuq l-implimentazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-istrumenti legali u l-miżuri ta' politika eżistenti. F'dan is-sens, il-linji gwida strateġiċi jenfasizzaw il-bżonn ta':

  • implimentazzjoni konsistenti u b'mod effettiv tal-miżuri fis-seħħ
  • intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni
  • titjib tar-rwol tal-aġenziji tal-UE
  • esplorazzjoni tal-potenzjal tat-teknoloġiji ġodda

Il-Kunsill Ewropew semma wkoll il-bżonn li titjieb ir-rabta bejn il-politiki interni u esterni tal-UE. Jeħtieġ li l-oqsma bħall-migrazzjoni u l-asil, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-protezzjoni tad-data personali, li għandhom aspett globali, jiġu indirizzati kemm fl-UE kif ukoll fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi.

Flimkien ma' dawn l-aspetti ġenerali, il-linji gwida strateġiċi ddeskrivew f'aktar dettall il-prijoritajiet ewlenin għall-oqsma differenti tal-ġustizzja u l-affarijiet interni.

1. Protezzjoni u promozzjoni tad-drittijiet fundamentali

L-UE jeħtieġ tiżgura l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Fost dawn id-drittijiet, ingħatat attenzjoni speċjali għall-protezzjoni tad-data. F'dan il-qasam, wieħed mill-għanijiet stabbiliti mil-linji gwida strateġiċi kien li jiġi adottat qafas ġenerali għall-protezzjoni tad-data.

2. Migrazzjoni, asil u fruntieri

L-għanijiet ewlenin stabbiliti f’dan il-qasam kienu:

  • l-ottimizzazzjoni tal-benefiċċji li l-migrazzjoni legali ġġib magħha fl-UE
  • l-għoti ta' protezzjoni lil dawk li għandhom bżonnha
  • it-trattament tal-migrazzjoni illegali, u li jiġi evitat li jmutu migranti li jkunu qed jippruvaw jaslu l-Ewropa

Dan għandu jsir billi jitqiesu l-prinċipji ta' solidarjetà u tal-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà.

Migrazzjoni legali

Biex tiġi indirizzata din l-isfida li tirriżulta minn popolazzjoni li qed tixjieħ, l-Ewropa trid tibqa' destinazzjoni attraenti għat-talent u tagħmel dak kollu li tista' mill-opportunitajiet li ġġib magħha l-migrazzjoni legali. Il-linji gwida strateġiċi talbu biex issir diskussjoni mal-komunità tan-negozju u l-imsieħba soċjali l-oħrajn, kif ukoll li jiġu adottati regoli koerenti u effiċjenti, u politiki ta' integrazzjoni attivi min-naħa tal-istati membri.

Asil

L-impenn tal-UE għall-protezzjoni internazzjonali jeħtieġ politika tal-asil Ewropea b'saħħitha. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin stabbiliti mil-linji gwida strateġiċi kienet it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil. Fl-aħħar mill-aħħar din ser tippermetti lill-persuni li jfittxu asil li jkollhom l-istess garanziji proċedurali u protezzjoni f'kull pajjiż tal-UE.

Il-Kunsill Ewropew appella wkoll għal rwol imsaħħaħ għall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO), l-aġenzija tal-UE inkarigata mit-titjib tal-kooperazzjoni u l-appoġġ tal-istati membri fi kwistjonijiet ta' asil.

Migrazzjoni illegali

Rigward il-kwistjoni tal-migrazzjoni illegali, il-linji gwida strateġiċi talbu azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi oriġinali ta' dan il-fenomenu u jiġu ttrattati l-flussi migratorji. F'dawn iż-żewġ aspetti, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' transitu tal-migrant għandha rwol fundamentali. Din il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet migratorji hija definita fl-approċċ globali għall-migrazzjoni u l-mobbiltà, il-qafas tal-UE għad-djalogu u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi ta' oriġini, pajjiżi terzi ta' transitu u pajjiżi terzi ta' destinazzjoni.

L-objettivi ewlenin stabbiliti mill-Kunsill Ewropew fir-rigward tal-migrazzjoni illegali kienu:

  • it-tisħiħ u l-espansjoni tal-programmi ta' protezzjoni reġjonali
  • li jiġu indirizzati b'mod qawwi l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u t-traffikar ta' bnedmin
  • l-istabbiliment ta' politika komuni ta' ritorn effettiva

Fruntieri u viżi

In-nuqqas ta' kontrolli fuq il-fruntieri interni u l-għadd li qed jikber ta' vjaġġaturi li jaslu fl-UE jeħtieġu ġestjoni effiċjenti u moderna tal-fruntieri esterni komuni tal-UE. Il-Kunsill Ewropew appella għal:

  • modernizzazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri b'mod kosteffettiv
  • tisħiħ tal-assistenza mogħtija mill-Frontex u s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) il-ġdida
  • studju tal-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema Ewropea ta' gwardji tal-fruntiera
  • modernizzazzjoni tal-politika komuni dwar il-viżi

3. Sigurtà: ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu

Fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja u organizzata, il-linji gwida strateġiċi appellaw għal:

  • mobilizzazzjoni tal-istrumenti kollha ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija
  • tisħiħ tar-rwol tal-Europol u tal-Eurojust

Dan għandu jingħata sostenn minn:

  • rieżami tal-istrateġija dwar is-sigurtà interna
  • l-iżvilupp ta' approċċ komprensiv għaċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberkriminalità
  • il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu u reazzjoni għall-kwistjoni tal-ġellieda barranin

4. Kooperazzjoni ġudizzjarja

Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa għal spazju Ewropew ta' ġustizzja tabilħaqq, fejn is-sistemi legali differenti jiġu rispettati u titjieb il-fiduċja reċiproka fis-sistemi ġudizzjarji ta' xulxin. Xi wħud mill-oqsma ta' azzjoni ewlenin huma:

  • il-promozzjoni tal-konsistenza u ċ-ċarezza tal-leġislazzjoni tal-UE
  • is-simplifikazzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja
  • it-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuna akkużata u t-tisħiħ tal-protezzjoni tal-vittmi
  • titjib tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet u sentenzi
  • progress fin-negozjati dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
  • faċilitazzjoni tal-attivitajiet transkonfinali, il-kooperazzjoni operazzjonali u t-taħriġ

5. Moviment liberu

Il-Kunsill Ewropew tenna l-bżonn ta' protezzjoni għad-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu liberament u jirrisjedu u jaħdmu fi stati membri oħra, waqt li jiġu indirizzati l-użu ħażin possibbli u l-pretensjonijiet frodulenti.