Ftehimiet kummerċjali tal-UE

Il-kummerċ fil-merkanzija u s-servizzi jagħti kontribut sinifikanti biex jiżdied it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi. Aktar minn 30 miljun impjieg diġà jiddependu fuq l-esportazzjonijiet barra mill-UE. 90% tat-tkabbir dinji fil-ġejjieni ser iseħħ barra mill-fruntieri tal-Ewropa. Għalhekk - il-kummerċ huwa mezz ta’ tkabbir u prijorità ewlenija għall-UE.

Il-Kunsill huwa impenjat favur sistema ta' kummerċ multilaterali b'saħħitha u bbażata fuq ir-regoli. Politika kummerċjali responsabbli tal-UE hija akkumpanjata minn livell għoli ta’ trasparenza u komunikazzjoni effettiva maċ-ċittadini dwar il-benefiċċji u l-isfidi tal-kummerċ u s-swieq miftuħa.

X’inhuma l-ostakli għall-kummerċ?

Il-gvernijiet jistgħu jimponu ċerti ostakli għall-kummerċ sabiex jagħmlu l-prodotti lokali aktar kompetittivi fil-konfront tal-importazzjonijiet.

Hemm diversi tipi ta’ ostakli għall-kummerċ. It-tariffi huma dazji doganali fuq l-importazzjoni. Dawn jagħtu vantaġġ fil-prezz lill-oġġetti prodotti lokalment fuq oġġetti simili importati. Ladarba jitneħħew id-dazji doganali, il-kummerċ xorta jista’ jiffaċċa ħafna ostakli minn regolamenti tekniċi differenti applikabbli għal prodotti u servizzi.

Ostakli nontariffarji (ONT) jirreferu għal restrizzjonijiet li jirriżultaw minn projbizzjonijiet, kundizzjonijiet jew rekwiżiti speċifiċi tas-suq li jagħmlu l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti diffiċli u/jew għalja.

X’inhuma ftehimiet kummerċjali?

L-UE timmaniġġja relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi fil-forma ta’ ftehimiet kummerċjali. Dawn huma mfassla biex joħolqu opportunitajiet kummerċjali aħjar u jegħlbu l-ostakli għall-kummerċ.

Il-politika kummerċjali tintuża wkoll bħala mezz ta' promozzjoni tal-prinċipji u l-valuri Ewropej, kemm id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll il-fehmiet tal-UE dwar l-ambjent, id-drittijiet soċjali u tax-xogħol jew l-iżvilupp. B’hekk, il-Kunsill jiżgura li l-ftehimiet kummerċjali jissalvagwardjaw il-valuri, l-istandards u l-prattiki regolatorji tal-UE. Dan jinkludi:

  • żvilupp sostenibbli
  • governanza tajba
  • kummerċ ħieles, ġust u etiku
  • ħarsien ambjentali
  • drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol
  • saħħa u protezzjoni tal-konsumaturi
  • trattament xieraq tal-annimali
  • protezzjoni tad-diversità kulturali

X’tip ta’ ftehimiet kummerċjali jeżistu?

Il-politika kummerċjali komuni tal-UE hija bbażata fuq l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). In-negozjar ta’ ftehimiet kummerċjali ssir skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 218 (TFUE).

L-ismijiet tal-ftehimiet kummerċjali jvarjaw skont il-kontenut tal-ftehim: Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika ma’ sħab bħal pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku prinċipalment għandhom l-għan li jappoġġaw l-iżvilupp. Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles ma’ pajjiżi żviluppati u ekonomiji emerġenti huma xprunati ekonomikament u bbażati fuq il-ftuħ reċiproku tas-swieq. Huma jagħtu aċċess preferenzjali għas-swieq tal-pajjiżi involuti. Xi ftehimiet kummerċjali huma parti minn ftehimiet politiċi usa', dan huwa pereżempju l-każ ta’ xi Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni. L-UE tidħol ukoll fi ftehimiet kummerċjali mhux preferenzjali, bħala parti minn ftehimiet usa’ bħal Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK).

Liema ftehimiet kummerċjali jeżistu bejn l-UE u pajjiżi terzi?

L-UE kkonkludiet b’suċċess għadd ta’ ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi sħab.

Infografika - Mappa kummerċjali tal-UE

Mappa kummerċjali tal-UE

Proċessi ta’ negozjati kummerċjali li għaddejjin bħalissa jinkludu:

  • Negozjati dwar Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) mal-Istati Uniti
  • Negozjati dwar Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-UE u l-Kanada
  • Negozjati dwar Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun
  • Negozjati dwar Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA) minn 23 membru tad-WTO, inkluża l-UE

X’inhuma l-benefiċċji ta’ ftehimiet kummerċjali?

Il-kummerċ għandu jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd - il-konsumaturi, il-ħaddiema u n-negozji - u għandu jipprovdi opportunitajiet indaqs madwar l-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE.

Ftehimiet kummerċjali jista’ jkollhom ħafna benefiċċji:

  • ftuħ ta’ swieq ġodda għall-prodotti u s-servizzi tal-UE
  • żieda fl-opportunitajiet ta’ investiment u l-protezzjoni tal-investimenti fi spirtu ta’ reċiproċità u benefiċċju reċiproku
  • kummerċ irħas bit-tneħħija tad-dazji doganali u t-tnaqqis tal-burokrazija
  • kummerċ aktar rapidu bl-iffaċilitar tat-transitu doganali u l-istabbiliment ta’ regoli komuni dwar standards tekniċi u sanitarji
  • ambjent ta’ politika aktar prevedibbli bit-teħid ta’ impenn konġunt dwar oqsma li jaffettwaw il-kummerċ bħad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ, ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-qafas għal deċiżjonijiet pubbliċi ta’ akkwist
  • appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli bit-trawwim tal-kooperazzjoni, it-trasparenza u d-djalogu mas-sħab dwar kwistjonijiet soċjali u ambjentali

Infografika - Negozjati kummerċjali tal-UE

Negozjati kummerċjali tal-UE

L-immodernizzar tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ tal-UE

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tal-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tan-negozjar tal-Kunsill dwar proposta biex jiġu mmodernizzati l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ tal-UE - l-ewwel reviżjoni fundamentali tagħhom mill-1995. Il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex timmodernizza l-istrumenti eżistenti f’April 2013. Ir-regolament propost jemenda r-regolamenti attwali kontra d-dumping u kontra s-sussidji għal rispons aħjar għal prattiki kummerċjali inġusti. L-għan huwa li l-produtturi tal-UE jkunu protetti mid-dannu kkawżat minn kompetizzjoni inġusta, bl-iżgurar ta’ kummerċ ħieles u ġust.

X’inhu r-rwol tal-Kunsill fin-negozjati kummerċjali?

Il-politika tal-kummerċ u implimentazzjoni aħjar tal-ftehimiet tal-UE huma responsabbiltà konġunta tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill għandu rwol kruċjali matul il-proċess li bih jissawwar ftehim kummerċjali ġdida: Huwa jawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim kummerċjali ġdid f’isem l-UE - f’dokument komunement magħruf bħala "mandat ta' nnegozjar”. Fl-awtorizzazzjoni tiegħu, il-Kunsill jagħti d-direttivi ta’ negozjati xierqa, inklużi l-objettivi, il-kamp ta’ applikazzjoni tan-negozjati, il-limiti ta’ żmien li jista’ jkun hemm.

Imbagħad il-Kummissjoni tinnegozja mal-pajjiż sieħeb f’isem l-UE, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Hija tirrapporta regolarment lill-Kunsill u lill-Parlament dwar kif għaddejjin in-negozjati. Matul in-negozjati, il-Kummissjoni tikkonsulta lill-Kunsill.

Meta t-test ta’ ftehim jiġi maqbul mas-sħab, abbozzat u tradott fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, il-Kummissjoni tissottometti proposti formali għall-adozzjoni lill-Kunsill.

Wara diskussjonijiet fil-Kunsill, u wara r-reviżjoni legali u lingwistika tat-test, il-Kunsill jadotta deċiżjoni għall-iffirmar. Il-Kunsill jiddeċiedi wkoll jekk proviżorjament japplikax il-Ftehim b’mod sħiħ jew parzjalment - jekk il-ftehim huwa ta’ natura mħallta, jkopri mhux biss l-oqsma ta’ kompetenzi tal-UE iżda wkoll kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-Istati Membri.

Imbagħad il-ftehim jiġi formalment iffirmat mill-partijiet. Il-Presidenza tal-Kunsill taħtar lill-persuna li tiffirma f’isem l-UE. Jekk il-ftehim ikopri kwistjonijiet ta’ responsabbiltà mħallta (jiġifieri ma jkoprix biss l-oqsma ta’ kompetenza tal-UE iżda wkoll kwistjonijiet fil-kompetenza tal-Istati Membri), jeħtieġ li l-Istati Membri kollha jiffirmaw ukoll.

Wara l-iffirmar, il-Kunsill jippreżenta l-ftehim flimkien mal-abbozz ta’ deċiżjoni biex jiġi konkluż lill-Parlament Ewropew għall-kunsens.

Il-Kunsill jadotta d-deċiżjoni biex jiġi konkluż biss wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Jekk il-ftehim ikopri suġġetti ta’ responsabbiltà mħallta, il-Kunsill jista’ jikkonkludih biss wara r-ratifika mill-Istati Membri kollha.

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar ftehimiet kummerċjali individwali fil-bażi tad-data tal-ftehimiet u l-konvenzjonijiet tal-Kunsill.