L-UE tistimula l-impjieg taż-żgħażagħ b'miżuri bħal pereżempju għajnuna sabiex żgħażagħ taħt il-25 sena jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u jsibu traineeships u xogħol.

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE-28: fatti u ċifri, April 2017

  • 3.9 miljun persuna żagħżugħa (taħt il-25 sena) kienu qiegħda fl-UE fi Frar 2017
  • il-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas b’475 000 fl-UE meta mqabbel ma’ Frar 2016
  • fi Frar 2017 ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kienet ta’ 17.3% fl-UE, meta mqabbel ma’ 19.3% fi Frar 2016
  • id-differenzi fir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ bejn il-pajjiżi tal-UE huma kbar: minn 6.6% fil-Ġermanja sa kważi 45.2% fil-Greċja, 41.5% fi Spanja u 35.2% fl-Italja

Sors: Eurostat

4 miżuri biex jitkattru l-impjiegi fost iż-żgħażagħ

  • skemi ta' garanzija għaż-żgħażagħ: jgħinu biex jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha ta' taħt il-25 sena jirċievu offerta ta' kwalità tajba għal impjieg, kontinwazzjoni tal-edukazzjoni, apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur minn meta jħallu l-iskola jew jisfgħu qiegħda
  • Inizjattiva favur l-impjieg taż-żgħażagħ: finanzjament tal-UE b'appoġġ għaż-żgħażagħ fir-reġjuni fejn ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ huma ogħla minn 25%
  • traineeships u apprendistati ta' kwalità: itejbu t-transizzjoni mill-iskola għad-dinja tax-xogħol
  • mobilità tal-ħaddiema: tagħmilha aktar faċli biex iż-żgħażagħ Ewropej isibu impjieg, traineeship jew apprendistat f'pajjiż ieħor tal-UE

Il-Kunsill Ewropew jieħu azzjoni dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ

Fil-laqgħa tiegħu tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill Ewropew ħa passi deċiżivi biex jindirizza l-problema urġenti tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Id-deċiżjonijiet tagħhom kienu jinkludu:

  • tħaffif u antiċipazzjoni tal-inizjattiva favur l-impjieg taż-żgħażagħ
  • tħaffif tal-implimentazzjoni tal-garanzija għaż-żgħażagħ
  • aktar mobilità taż-żgħażagħ u involviment tas-sħab soċjali

Inizjattiva favur l-impjieg taż-żgħażagħ

Il-mexxejja tal-UE qablu li s-€6 biljun tal-inizjattiva favur l-impjieg taż-żgħażagħ jintefqu matul l-2014 u l-2015 minflok bejn l-2014 u l-2020, kif kien previst fil-bidu.

Barra minn hekk, intlaħaq qbil biex il-fondi tal-UE li ma ntefqux jintużaw primarjament b'appoġġ għall-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ, iżda wkoll f'oqsma ta' tkabbir bħall-innovazzjoni u r-riċerka.

Għajnuna biex iż-żgħażagħ isibu impjieg f'pajjiżi oħra

Il-mexxejja qablu li jsaħħu l-inizjattivi eżistenti, bħal 'L-ewwel impjieg EURES tiegħek' u 'Erasmus +’ , li wkoll jippromwovi t-taħriġ vokazzjonali transkonfinali.

EURES

EURES bħalissa jipprovdi aċċess għal aktar minn 1.4 miljun post tax-xogħol vakanti, 300 000 CV u kważi 9000 impjegatur reġistrat minn madwar l-UE.

Barra minn hekk, l-istati membri kienu mħeġġa jużaw parti mill-allokazzjonijiet tagħhom mill-Fond Soċjali Ewropew biex jappoġġaw skemi ta' mobilità transkonfinali.

Apprendistati

Il-mexxejja tal-UE qablu li jistabbilixxu l-qafas ta' kwalità għat-traineeships. Dan għandu l-għan li jikkollega lis-settur privat, is-sħab soċjali u n-negozji biex joħolqu apprendistati ta' kwalità għolja.