Laqgħa informali tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern Brussell, 12 ta’ Frar 2015 - Dikjarazzjoni mill-membri tal-Kunsill Ewropew

Kunsill Ewropew
  • 12/02/2015
  • 21:30
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 56/15
  • Ġustizzja
  • Affarijiet Interni
12/02/2015

L-Ewropej irreaġixxew b'diqa kbira u għaqda qawwija għall-attakki terroristiċi reċenti f'Pariġi. Dawn l-attakki kienu mmirati lejn il-valuri fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem li qegħdin fil-qalba tal-Unjoni Ewropea - is-solidarjetà, il-libertà, inkluż il-libertà tal-espressjoni, il-pluraliżmu, id-demokrazija, it-tolleranza u d-dinjità tal-bniedem. Iċ-ċittadini kollha għandhom id-dritt li jgħixu mingħajr biża', huma x'inhuma l-fehmiet jew il-konvinzjonijiet tagħhom. Aħna ser nissalvagwardjaw il-valuri komuni tagħna u nħarsu lil kulħadd mill-vjolenza msejsa fuq motivazzjonijiet etniċi jew reliġjużi u fuq ir-razziżmu.

Dan ifisser ukoll ġlieda kontra l-għedewwa tal-valuri tagħna. Aħna ser inkomplu nsaħħu l-azzjoni kontra t-theddid terroristiku, f'konformità sħiħa mad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Illum qbilna dwar dan li ġej biex jiggwida l-ħidma matul ix-xhur li ġejjin:

1. L-iżgurar tas-sigurtà taċ-ċittadini

Is-sigurtà taċ-ċittadini hija bżonn immedjat. Aħna għandna nimplimentaw aħjar u niżviluppaw aktar l-għodod li għandna, b'mod partikolari biex nindividwaw u nħarbtu vjaġġar marbut mat-terroriżmu, b'mod partikolari ta' ġellieda terroristi barranin. Aħna nitolbu li:

  • il-leġislaturi tal-UE jadottaw b'mod urġenti direttiva b'saħħitha u effettiva dwar sistema Ewropea tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri b'salvagwardji b'saħħithom tal-protezzjoni tad-data;
  • isir użu sħiħ mill-qafas ta' Schengen eżistenti biex jissaħħaħ u jiġi mmodernizzat il-kontroll tal-fruntieri esterni: naqblu li nkomplu naħdmu mingħajr dewmien għal kontrolli sistematiċi u kkoordinati fuq individwi li jgawdu mid-dritt ta' moviment ħieles bi tqabbil mal-bażijiet ta' data rilevanti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu abbażi ta' indikaturi komuni tar-riskju; il-Kummissjoni għandha toħroġ malajr linji gwida operazzjonali dwar dan; ser nikkunsidraw ukoll emenda għal dan il-għan fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen fejn meħtieġ biex jiġu previsti kontrolli permanenti, fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni;
  • l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji jżidu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali, inkluż permezz tal-Europol u l-Eurojust;
  • l-awtoritajiet kompetenti kollha jżidu l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar, inkluż b'adattament rapidu tal-leġislazzjoni rilevanti;
  • is-servizzi tas-sigurtà tal-Istati Membri japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom;
  • l-Istati Membri jimplimentaw malajr regoli msaħħa li jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u li l-awtoritajiet kompetenti kollha jżidu l-azzjoni biex jittraċċaw flussi finanzjarji u biex jiffriżaw b'mod effettiv assi użati għall-finanzjament tat-terroriżmu;
  • il-ħidma għall-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni tavvanza malajr, minħabba l-importanza taċ-ċibersigurtà.

2. Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u s-salvagwardja tal-valuri

Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni hija element ewlieni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Jeħtieġ li jinġabru flimkien l-istrumenti f'approċċ komprensiv biex jiġi indirizzat dan il-fenomenu. Aħna nappellaw:

  • li jittieħdu miżuri adegwati, f'konformità mal-kostituzzjonijiet nazzjonali, biex jinstab u jitneħħa kontenut fuq l-internet li jippromwovi t-terroriżmu jew l-estremiżmu, inkluż permezz ta' kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat fil-livell tal-UE, b'ħidma wkoll mal-Europol biex jiġu stabbiliti kapaċitajiet ta' indikazzjoni ta' kontenut simili fuq l-internet;
  • għal strateġiji ta' komunikazzjoni biex jiġu promossi t-tolleranza, in-nondiskriminazzjoni, il-libertajiet fundamentali u s-solidarjetà madwar l-UE, inkluż billi jissaħħaħ id-djalogu bejn twemmin differenti u djalogu ma' komunitajiet oħra, u permezz ta' narrattivi kontra ideoloġiji terroristiċi, inkluż l-għoti ta' leħen lill-vittmi;
  • għal inizjattivi li jirrigwardaw l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, l-opportunitajiet ta' xogħol, l-integrazzjoni soċjali u r-riabilitazzjoni fil-kuntest ġudizzjarju biex jiġu indirizzati fatturi li jikkontribwixxu għar-radikalizzazzjoni, inkluż f'ħabsijiet.

3. Il-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali tagħna

Ir-relazzjonijiet esterni tal-UE għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-ġlieda kontra t-theddida terroristika, li qed teskala f'ċerti partijiet tal-viċinat tal-UE, b'mod partikolari fis-Sirja u l-Libja. Aħna neħtieġu:

  • nindirizzaw il-kriżijiet u l-kunflitti, partikolarment fil-Viċinat tan-Nofsinhar tagħna, billi b'mod strateġiku nirrevedu l-approċċ tagħna;
  • ninvolvu ruħna aktar ma' pajjiżi terzi fir-rigward ta' kwistjonijiet tas-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, partikolarment fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq u fis-Saħel, iżda wkoll fil-Balkani tal-Punent, inkluż permezz ta' proġetti ġodda ta' bini tal-kapaċitajiet (eż. kontrolli fuq il-fruntieri) ma' sħab u assistenza tal-UE mmirata aħjar;
  • involviment internazzjonali sostnut u koordinat man-NU u l-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu kif ukoll fl-inizjattivi reġjonali rilevanti;
  • djalogu fost il-kulturi u ċ-ċiviltajiet biex flimkien nippromwovu l-libertajiet fundamentali.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat il-Kunsill intensifika l-ħidma tiegħu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-Unjoni Ewropea ser tmexxi din il-ħidma 'l quddiem minnufih, filwaqt li tinvolvi b'mod sħiħ lir-Rappreżentant Għoli, lill-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u lill-Istati Membri. F'April, il-Kummissjoni ser tippreżenta proposta għal Aġenda Ewropea komprensiva dwar is-Sigurtà. Il-Kunsill ser jirrapporta dwar l-implimentazzjoni dettaljata ta' dawn l-orjentazzjonijiet sal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju.