Laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew, 23 ta' April 2015 - dikjarazzjoni

Kunsill Ewropew
  • 23/04/2015
  • 22:15
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 204/15
  • Affarijiet Interni
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
23/04/2015

1. Is-sitwazzjoni fil-Mediterran hija traġedja. L-Unjoni Ewropea ser timmobilizza l-isforzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tipprevjeni t-telf ta' aktar ħajjiet fil-baħar u biex tindirizza l-għeruq tal-emerġenza umana li qed inħabbtu wiċċna magħha, f'kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' transitu. Il-prijorità immedjata tagħna hija li nipprevjenu li aktar nies imutu fil-baħar.

2. Għaldaqstant iddeċidejna li nsaħħu l-preżenza tagħna fil-baħar, niġġieldu t-traffikanti, nipprevjenu l-flussi ta' migrazzjoni illegali u nsaħħu s-solidarjetà u r-responsabbiltà interni. Minħabba li l-instabbiltà fil-Libja qed toħloq ambjent ideali għall-attivitajiet kriminali tat-traffikanti, ser nappoġġaw b'mod attiv l-isforzi kollha mmexxija min-NU biex terġa' tiġi stabbilita l-awtorità tal-gvern fil-Libja. Ser inżidu wkoll l-isforzi biex jiġu indirizzati l-konflitti u l-instabbiltà bħala fatturi ewlenin li jimmotivaw il-migrazzjoni, inkluż fis-Sirja.

3. Illum aħna nikkommettu ruħna li:

Insaħħu l-preżenza tagħna fil-baħar

a) insaħħu malajr l-Operazzjonijiet Triton u Poseidon tal-UE billi mill-inqas nittriplaw ir-riżorsi finanzjarji għal dan l-iskop fl-2015 u l-2016 u nżidu n-numru ta' mezzi, u b'hekk ikunu jistgħu jiżdiedu l-possibbiltajiet ta' tfittxija u salvataġġ fil-mandat tal-FRONTEX. Nilqgħu l-impenji li diġà saru mill-Istati Membri li ser jippermettu li nilħqu dan l-objettiv fil-ġimgħat li ġejjin;

Il-ġlieda kontra t-traffikanti skont il-liġi internazzjonali

b) infixklu n-netwerks ta' traffikar, inressqu l-atturi tar-reat quddiem il-ġustizzja u nissekwestraw l-assi tagħhom, permezz ta' azzjoni rapida mill-awtoritajiet tal-Istati Membri f'kooperazzjoni mal-EUROPOL, il-FRONTEX, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u l-EUROJUST, kif ukoll permezz ta' aktar intelligence u kooperazzjoni tal-pulizija ma' pajjiżi terzi;

c) inwettqu sforzi sistematiċi biex jiġu identifikati, jinqabdu u jinqerdu bastimenti qabel ma jintużaw mit-traffikanti;

d) fl-istess waqt, ir-Rappreżentant Għoli mistiedna tibda immedjatament it-tħejjijiet għal operazzjoni possibbli tal-PSDK għal dan il-għan;

e) nużaw il-EUROPOL biex insibu u nitolbu t-tneħħija ta' kontenut fuq l-internet użat mit-traffikanti biex iħajjar lil migranti u refuġjati, skont il-kostituzzjonijiet nazzjonali;

Nipprevjenu l-flussi ta' migrazzjoni illegali

f) inżidu l-appoġġ lit-Tuneżija, l-Eġittu, is-Sudan, il-Mali u n-Niġer fost oħrajn, biex jissorveljaw u jikkontrollaw il-fruntieri u r-rotot tal-art, fuq il-bażi ta' operazzjonijiet attwali tal-PSDK fir-reġjun, kif ukoll ta' oqfsa ta' kooperazzjoni reġjonali (il-proċessi ta' Rabat u Khartoum); inżidu d-djalogu mal-Unjoni Afrikana fil-livelli kollha dwar dawn il-kwistjonijiet kollha;

g) insaħħu l-kooperazzjoni politika tagħna mas-sħab Afrikani fil-livelli kollha sabiex nindirizzaw il-kawża tal-migrazzjoni illegali u niġġieldu l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin. L-UE ser tqajjem dawn il-kwistjonijiet mal-Unjoni Afrikana u l-pajjiżi ewlenin ikkonċernati, u magħhom ser tipproponi li jsir summit f'Malta fix-xhur li ġejjin;

h) inżidu l-kooperazzjoni mat-Turkija fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u l-Iraq;

i) nibagħtu uffiċjali Ewropej ta' kollegament fir-rigward tal-migrazzjoni f'pajjiżi ewlenin biex jiġbru informazzjoni dwar il-flussi migratorji, jikkoordinaw mal-uffiċjali ta' kollegament nazzjonali, u jikkooperaw direttament mal-awtoritajiet lokali;

j) naħdmu mas-sħab reġjonali biex nibnu kapaċitajiet għall-ġestjoni tal-fruntieri tal-baħar u operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ;

k) inniedu programmi ta' Żvilupp u Protezzjoni Reġjonali għall-Afrika ta' Fuq u l-Qarn tal-Afrika;

l) nistiednu lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex jimmobilizzaw l-għodod kollha, inkluż permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' riammissjoni tal-UE u nazzjonali ma' pajjiżi terzi, biex tiġi promossa r-riammissjoni ta' migranti ekonomiċi mhux awtorizzati fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' transitu, filwaqt li naħdmu mill-qrib mal- Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni;

m) filwaqt li nirrispettaw id-dritt li wieħed jitlob asil, noħolqu programm ġdid ta' ritorn għar-ritorn rapidu ta' migranti illegali mill-Istati Membri l-aktar esposti, koordinat mill-FRONTEX;

Insaħħu s-solidarjetà u r-responsabbiltà interni

n) traspożizzjoni rapida u sħiħa u implimentazzjoni effettiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil mill-Istati Membri parteċipanti kollha, biex b'hekk jiġu żgurati standards Ewropej komuni taħt il-leġislazzjoni eżistenti;

o) inżidu l-għajnuna ta' emerġenza għall-Istati Membri l-aktar esposti u nikkunsidraw l-għażliet għall-organizzazzjoni ta' rilokazzjoni ta' emerġenza bejn l-Istati Membri kollha fuq bażi volontarja;

p) nibagħtu timijiet tal-EASO fl-Istati Membri l-aktar esposti għall-ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet ta' asil, inklużi r-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba';

q) noħolqu l-ewwel proġett pilota volontarju dwar ir-risistemazzjoni fl-UE kollha, li joffri postijiet lil persuni li jikkwalifikaw għall-protezzjoni.

4. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri ser jaħdmu immedjatament fuq l-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn l-orjentazzjonijiet. Il-ġimgħa d-dieħla, il-Presidenza u l-Kummissjoni ser jippreżentaw pjan direzzjonali li jiddeskrivi l-ħidma sa Ġunju.

5. Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda Ewropea għall-Migrazzjoni, sabiex jiġi żviluppat approċċ aktar sistemiku u ġeografikament komprensiv għall-migrazzjoni. Il-Kunsill Ewropew ser jibqa' infurmat dwar is-sitwazzjoni u ser jissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni ta' dawn l-orjentazzjonijiet. Il-Kunsill u l-Kummissjoni ser jirrappurtaw lill-Kunsill Ewropew f'Ġunju.