Kummenti mill-President Donald Tusk dwar l-eżitu maqbul tas-Summit taż-Żona tal-Euro dwar il-Greċja fis-7 ta’ Lulju 2015

Summit tal-euro
  • 07/07/2015
  • 23:15
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 562/15
  • Żona tal-euro
  • Ekonomija u finanzi
07/07/2015
Kuntatti għall-istampa

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

Ser naqra d-dikjarazzjoni maqbula llejla mill-mexxejja waqt is-Summit taż-Żona tal-Euro:

1. Iltqajna llejla biex niddiskutu s-sitwazzjoni serja fil-Greċja. Innutajna li l-awtoritajiet taż-żona tal-euro huma lesti biex jagħmlu dak kollu meħtieġ biex jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi.

2. Wara r-referendum Grieg, il-Prim Ministru Tsipras impenja ruħu li jippreżenta talba ġdida għal programm fi ħdan il-qafas stabbilit mit-Trattat dwar il-MES, inkluż kondizzjonalità stretta ta' politika.

3. Qbilna biex b’mod urġenti neżaminaw jekk huwiex possibbli li tiġi stabbilita bażi biex jintlaħaq qbil li jirrispetta l-impenji eżistenti u r-regoli komuni tagħna.

4. Sa mhux aktar tard minn nhar il-Ħamis 9 ta' Lulju, il-Gvern Grieg għandu jistipula fid-dettall il-proposti tiegħu għal aġenda ta’ riforma komprensiva u speċifika għall-valutazzjoni mit-tliet Istituzzjonijiet biex tiġi ppreżentata lill-Grupp tal-Euro.

5. Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern ser jiltaqgħu nhar il-Ħadd 12 ta’ Lulju. 

***

Ippermettuli nżid ftit kliem mill-perspettiva tiegħi. In-naħat kollha tan-negozjati jikkondividu r-responsabbiltà għall-istatus quo attwali. Din hija r-raġuni għaliex illum appellajt lill-mexxejja kollha biex jippruvaw isibu kunsens, li ser ikun is-suċċess komuni tagħna, mingħajr ebda telliefa jew rebbieħa. Jekk dan ma jseħħx, ikun ifisser it-tmiem tan-negozjati bil-konsegwenzi kollha possibbli, inkluż l-agħar xenarju possibbli, fejn aħna lkoll inkunu telliefa. In-nuqqas tagħna li nilħqu qbil jista' jwassal għall-falliment tal-Greċja u l-insolvenza tas-sistema bankarja tagħha. U li hu żgur, ser ikun il-poplu Grieg li ser ibati l-aktar. M’għandi l-ebda dubju li din ser taffettwa l-Ewropa kollha, fis-sens ġeopolitiku wkoll. Jekk xi ħadd għandu xi illużjoni li mhux hekk, huma inġenwi.

Ir-realtà evidenti hi li fadlilna biss ħamest ijiem biex insibu l-qbil aħħari. S’issa, evitajt li nitkellem dwar skadenzi. Iżda llejla rrid ngħid ċar u tond li l-iskadenza finali tintemm din il-ġimgħa. Aħna lkoll responsabbli għall-kriżi u aħna lkoll għandna r-responsabbiltà li nsolvuha.