Kummenti mill-President Donald Tusk wara s-Summit taż-Żona tal-Euro tat-12 ta’ Lulju 2015 dwar il-Greċja

Summit tal-euro
  • 13/07/2015
  • 09:30
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 579/15
  • Żona tal-euro
  • Ekonomija u finanzi
13/07/2015
Kuntatti għall-istampa

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

L-għodwa t-tajba. Illum, kellna għan wieħed biss: li nilħqu qbil. Wara 17-il siegħa ta' negozjati, fl-aħħar ilħaqnieh. Wieħed jista' jgħid li għandna 'agreekment' (qbil Grieg). Il-mexxejja qablu fil-prinċipju li huma lesti jibdew negozjati dwar programm tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), li fi kliem ieħor ifisser appoġġ kontinwu għall-Greċja.

Iridu jitħarsu kundizzjonijiet stretti. Issa meħtieġa l-approvazzjoni minn għadd ta' parlamenti nazzjonali, inkluż il-parlament Grieg, biex jibdew b'mod formali negozjati dwar programm tal-MES.

Madankollu, id-deċiżjoni tagħti lill-Greċja ċans biex terġa' lura fit-triq it-tajba bl-appoġġ tas-sħab Ewropej. Tevita wkoll il-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u politiċi li eżitu negattiv kien ser ikollu. Nilqa' l-progress u l-pożizzjoni kostruttiva tal-Greċja li għenu biex jerġa' jkun hemm fiduċja fost is-sħab taż-żona tal-euro.

Wara l-proċeduri nazzjonali, il-Grupp tal-Euro ser jaħdem mal-Istituzzjonijiet biex in-negozjati jimxu 'l quddiem malajr. Il-ministri tal-finanzi ser jiddiskutu wkoll, bħala kwistjoni ta' urġenza, kif il-Greċja ser tiġi megħjuna tissodisfa l-ħtiġijiet finanzjarji tagħha fuq medda qasira ta' żmien, l-hekk imsejjaħ finanzjament transitorju. 

Nixtieq nirringrazzja lill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker u lill-President tal-Grupp tal-Euro Jeroen Dijsselbloem għad-dedikazzjoni u l-involviment tagħhom f'dan il-progress. Mingħajr il-ħidma tagħkom, il-qbil tal-lum ma kienx ikun possibbli. Grazzi.