Skip to content

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini f’isem l-Unjoni Ewropea wara l-elezzjoni presidenzjali fil-Burundi

Minkejja l-isforzi tal-komunità internazzjonali, u b’mod partikolari l-inizjattiva reċenti tal-President Museveni biex jiġi ffaċilitat id-djalogu fost il-Burundjani, jidher ċar li l-progress fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Unjoni Afrikana fit-13 ta’ Ġunju u mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant fis-6 ta’ Lulju mhuwiex biżżejjed. Hija biss l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn id-deċiżjonijiet li setgħet twitti t-triq għal elezzjonijiet kredibbli u inklużivi fil-Burundi li jwasslu għal riżultat rappreżentattiv. Bit-twettiq tal-elezzjonijiet, il-Gvern iddeċieda mod ieħor.

Fin-nuqqas ta’ djalogu nazzjonali sostanzjali li jista' jwassal għal kunsens politiku, il-Burundi mhux ser ikun jista' jerġa’ lura għat-triq tal-istabbiltà, id-demokrazija u l-iżvilupp li bdiet bl-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Arusha. Għalhekk, l-UE ser tibda bil-ħidma preparatorja għal konsultazzjonijiet speċifiċi kif previst fl-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou sabiex ikun żgurat li l-gvern Burundjan jieħu l-impenji meħtieġa biex tiġi rimedjata l-kriżi. Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għall-prinċipji demokratiċi u għall-istat tad-dritt huwa element essenzjali tar-relazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Burundi, li hija rregolata mill-Ftehim ta’ Cotonou.

L-UE tħeġġeġ lill-gvern u lill-partiti tal-oppożizzjoni biex jerġgħu lura għad-djalogu sabiex tinstab soluzzjoni kunsenswali li twassal għall-istabbiliment mill-ġdid ta' sistema politika inklużiva u demokratika. L-UE tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi li qed isiru għal dan il-għan mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, l-Unjoni Afrikana u n-Nazzjonijiet Uniti.

L-Unjoni Ewropea tinsab ferm imħassba dwar l-impatt umanitarju, soċjoekonomiku u dak relatat mas-sigurtà, tal-kriżi fil-pajjiż u fir-reġjun inġenerali. F’dan il-kuntest, aħna nilqgħu l-fatt li l-Unjoni Afrikana tibgħat osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u esperti militari biex jissorveljaw id-diżarm tal-gruppi affiljati mal-partiti politiċi. L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-ġenerożità tal-pajjiżi ġirien li qed jilqgħu r-refuġjati mill-Burundi u tirriafferma s-solidarjetà tagħha mal-poplu Burundjan u mal-komunitajiet ospitanti, fost l-oħrajn permezz tal-mobilizzazzjoni ta’ għajnuna umanitarja għall-eluf ta’ refuġjati.

L-UE tfakkar li l-vjolenza ma tistax tintuża għal skopijiet politiċi u għal darba oħra tappella lill-partijiet interessati u lill-mexxejja politiċi kollha biex jikkundannawha u jiskoraġġuha. Hawnhekk qed issir referenza, b'mod partikolari, għall-attivitajiet tal-gruppi armati, bħall-attakki li saru dan l-aħħar fil-provinċja ta’ Kayanza. L-Unjoni Ewropea qed tħejji, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2015, biex tadotta, fejn meħtieġ, miżuri restrittivi mmirati kontra dawk li l-azzjonijiet tagħhom setgħu wasslu jew jistgħu jwasslu għal atti ta’ vjolenza u ripressjoni u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u/jew li jistgħu jfixxklu l-ħidma biex tinstab soluzzjoni politika.

Il-Pajjiżi Kandidati l-Montenegro*, is-Serbja* u l-Albanija*, il-pajjiż tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u kandidat potenzjali l-Bożnija-Ħerzegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Armenja u l-Georgia jallinjaw ruħhom ma' din id-Dikjarazzjoni. 

* Il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni. 

L-aħħar reviżjoni: 14 Jannar 2024