Apparat mediku: il-Kunsill jagħti l-mandat lill-presidenza biex tibda taħditiet mal-PE

Kunsill tal-UE
  • 23/09/2015
  • 13:50
  • Stqarrija għall-istampa
  • 672/15
  • Saħħa
23/09/2015
Kuntatti għall-istampa

Jérôme Unterhuber
Uffiċjal tal-istampa
+32 22815394
+32 473923628

Fit-23 ta' Settembru 2015, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti ffinalizza l-pożizzjoni ta' negozjar tal-Kunsill dwar żewġ abbozzi ta' regolamenti bil-għan li jimmodernizzaw ir-regoli tal-UE dwar apparat mediku u apparat mediku dijanjostiku in vitro. Dan jippermetti lill-presidenza Lussemburgiża tibda taħditiet mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jintlaħaq qbil mill-aktar fis possibbli. L-ewwel diskussjonijiet tat-trilogu huma skedati għat-13 ta' Ottubru 2015. Il-pożizzjoni tal-Kunsill mistennija tiġi approvata mill-Kunsill EPSCO fil-5 ta' Ottubru.

Meta mqabbel mad-19 ta' Ġunju 2015, meta kien intlaħaq qbil dwar is-sustanza tal-pożizzjoni ta' negozjar tal-Kunsill, issa tlesta x-xogħol tekniku li kien fadal rigward prinċipalment il-preambolu taż-żewġ abbozzi ta' regolamenti. Madankollu, l-elementi fil-qalba tal-fehma tal-Kunsill baqgħu kif kienu.

Il-Kunsill u l-PE għandhom l-istess għan 

"Il-kuntatti li saru qabel mal-Parlament Ewropew għamluha ċara li l-Kunsill u l-Parlament għandhom l-istess għanijiet: li jaħdmu biex joħolqu qafas legali b'saħħtu li jippermetti lill-pazjenti jkollhom aċċess għal apparat mediku sikur u ta' kwalità għolja filwaqt li joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal suq tal-EU kompetittiv u innovattiv", qalet Lydia Mutsch, ministru għas-saħħa tal-Lussemburgu u President tal-Kunsill.

L-għan ewlieni taż-żewġ abbozzi ta' regolamenti huwa li jiġi żgurat li l-apparat mediku jkun sikur u ta' kwalità għolja. Dan jista' jinkiseb billi jissaħħu r-regoli dwar it-tqegħid fis-suq tal-apparat u b'sorveljanza aktar stretta ladarba dan ikun disponibbli.

Iż-żewġ abbozzi ta' regolamenti dwar l-apparat mediku jkopru firxa wiesgħa ta' prodotti, minn stikek sa proteżi għall-ġenbejn, pacemakers u testijiet tal-laboratorju għall-valutazzjoni ta' interventi mediċi.