Laqgħa informali tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern, 23 ta' Settembru 2015 - Dikjarazzjoni

Kunsill Ewropew
  • 24/09/2015
  • 01:30
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 673/15
  • Ġustizzja
  • Affarijiet Interni
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
24/09/2015
Kuntatti għall-istampa

Jüri Laas
Uffiċjal tal-istampa
+32 22815523
+32 470957561

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

Ester Arauzo-Azofra
Uffiċjal tal-istampa
+32 22815361
+32 473630723

Illejla ltqajna biex nittrattaw il-kriżi mingħajr preċedent ta' migrazzjoni u refuġjati li qed niffaċċjaw. Iddeċidejna dwar għadd ta' prijoritajiet immedjati u kellna diskussjoni fil-fond dwar kif nistgħu niksbu soluzzjonijiet sostenibbli fit-tul. Aħna lkoll irrikonoxxejna li ma hemm l-ebda soluzzjoni faċli u li nistgħu biss namministraw din l-isfida billi naħdmu flimkien, fi spirtu ta' solidarjetà u responsabbiltà. Sadanittant aħna lkoll irridu nirrispettaw, napplikaw u nimplimentaw ir-regoli eżistenti tagħna, inkluż ir-Regolament ta' Dublin u l-acquis ta' Schengen. 

Nitolbu lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Gvernijiet tagħna biex jaħdmu b'mod rapidu fuq l-Azzjonijiet Prijoritarji proposti mill-Kummissjoni. Irridu deċiżjonijiet operazzjonali dwar l-aktar kwistjonijiet urġenti qabel il-Kunsill Ewropew ta' Ottubru, skont l-orjentazzjonijiet li ġejjin: 

  • li jwieġbu għall-ħtiġijiet urġenti tar-refuġjati fir-reġjun billi jgħinu lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, il-Programm Dinji tal-Ikel u aġenziji oħra b'mill-inqas EUR 1 biljun addizzjonali;
  • li jassistu l-Libanu, il-Ġordan, it-Turkija u pajjiżi l-oħra sabiex jittrattaw il-kriżi tar-refuġjati Sirjani, inkluż permezz ta' żieda sostanzjali tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b'reazzjoni għall-Kriżi Sirjana (“il-Fond Madad”);
  • li jsaħħu d-djalogu mat-Turkija fil-livelli kollha, inkluż waqt iż-żjara li jmiss tal-President Tork (5 ta' Ottubru), sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tagħna biex nikkuntrastaw u namministraw il-flussi migratorji;
  • li jgħinu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fit-trattament tal-flussi tar-refuġjati, inkluż permezz ta' strumenti ta' qabel l-adeżjoni, kif ukoll li jiżguraw it-tħejjija rapida u solida tal-konferenza dwar ir-rotta tal-Balkani tal-Punent (8 ta' Ottubru);
  • li jiżdied il-finanzjament tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabbiltà u l-indirizzar tal-kawżi sottostanti tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fl-Afrika permezz ta' kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri, u biex tiġi żgurata l-aħjar tħejjija għas-Summit tal-Belt Valletta (11-12 ta' Novembru) biex jinkiseb l-akbar progress possibbli;
  • li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni drammatika fil-fruntieri esterni tagħna, u li jissaħħu l-kontrolli f'dawn il-fruntieri, inkluż permezz ta' riżorsi addizzjonali għall-Frontex, EASO u EUROPOL, u b'persunal u tagħmir mill-Istati Membri;
  • li jiġu sodisfatti t-talbiet mingħand l-Istati Membri l-aktar esposti għal għajnuna mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-Istati Membri l-oħra sabiex jiġu żgurati l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba' tal-migranti, (hotspots) u fl-istess waqt jiġu żgurati r-rilokazzjoni u r-ritorni, mhux aktar tard minn Novembru 2015;
  • li jissaħħaħ il-finanzjament tal-Fond ta' Emerġenza għall-Asil, l-Integrazzjoni u l-Migrazzjoni u tas-Sigurtà Interna-Fruntieri.

Fir-rigward tas-Sirja, aħna nappellaw għal sforz internazzjonali mġedded immexxi min-NU biex tintemm il-gwerra li kkawżat tant tbatija u wasslet lil madwar 12-il miljun persuna oħra sabiex iħallu djarhom; l-UE timpenja ruħha li tagħmel il-parti tagħha f'dan ir-rigward, kif ukoll għall-formazzjoni ta' gvern ta' unità nazzjonali fil-Libja. 

L-orjentazzjonijiet maqbula llum iridu jkunu kkomplementati mit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tar-regoli tas-Sistema Komuni tal-Asil mill-Istati Membri. F'dan il-kuntest, huwa importanti li jinħolqu l-kondizzjonijiet biex l-Istati Membri kollha jipparteċipaw bis-sħiħ fis-sistema ta' Dublin. 

Aħna nħeġġu lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-Istati Membri biex jaċċelleraw il-ħidma tagħhom dwar l-aspetti kollha tal-kriżi tal-migrazzjoni. Il-Kummissjoni ser tippreżenta proposti dwar il-mobilizzazzjoni tal-baġit tal-UE biex jiġu appoġġati dawn l-orjentazzjonijiet. L-Istati Membri ser iqabblu l-proposti mal-kontribuzzjonijiet tagħhom. 

Aħna ser nerġgħu lura għall-isfida tal-migrazzjoni fil-Kunsill Ewropew ta' Ottubru.