Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja

Kunsill tal-UE
  • 12/10/2015
  • 13:30
  • Stqarrija għall-istampa
  • 721/15
  • Sigurtà u difiża
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
12/10/2015
Kuntatti għall-istampa

Virginie Battu
Uffiċjal tal-istampa
+32 22815316
+32 470182405

  1. Mhu qed jidher ebda sinjal li l-konflitt fis-Sirja u t-tbatija tal-poplu Sirjan bdew ibattu. Il-kobor tat-traġedja, li qatlet 250 000 raġel, mara, tifel u tifla, spostat 7.6 miljun persuna ġewwa l-pajjiż, ġiegħlet 'il fuq minn 4 miljun ruħ jaħarbu lejn pajjiżi ġirien u pajjiżi oħrajn, issa hija l-akbar diżastru umanitarju fid-dinja, mingħajr paragun fl-istorja reċenti. L-UE, bħala l-akbar donatur, uriet ir-rieda u l-impenn tagħha li tagħmel li tista' biex ittaffi l-konsegwenzi umanitarji. Hekk kif il-kriżi tintensifika hemm ħtieġa dejjem aktar urġenti għal soluzzjoni dejjiema li ttemm dan il-konflitt. Huwa biss proċess politiku mmexxi mis-Sirjani li jwassal għal tranżizzjoni paċifika u inklużiva, abbażi tal-prinċipji tal-Komunikat ta’ Ġinevra tat-30 ta’ Ġunju 2012, li jista' jġib lura l-istabbiltà fis-Sirja, jippermetti l-paċi u r-rikonċiljazzjoni, joħloq l-ambjent meħtieġ għal sforzi effiċjenti kontra t-terroriżmu u jżomm is-sovranità, l-indipendenza, l-għaqda u l-integrità territorjali tal-Istat Sirjan. Ma jistax ikun hemm paċi dejjiema fis-Sirja taħt it-tmexxija attwali sakemm ma jiġux indirizzati l-ilmenti u l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-komponenti kollha tas-soċjetà Sirjana.

  2. Il-mira tal-UE hija li twassal biex jintemm il-konflitt u biex il-poplu Sirjan jgħix fil-paċi f'pajjiżu. Il-komunità internazzjonali għandha tingħaqad madwar żewġ linji komplementari u marbuta flimkien - waħda politika li għandha l-għan li ġġib fi tmiem il-gwerra ċivili billi tindirizza l-kawżi fundamentali tal-konflitt u tistabbilixxi proċess ta' tranżizzjoni politika inklużiva li ġġib il-paċi lura fil-pajjiż - u waħda ta' sigurtà li tiffoka fuq il-ġlieda kontra t-theddida reġjonali u globali tad-Da'esh.

  3. L-UE ttenni l-appoġġ sħiħ tagħha għall-isforzi mmexxija min-NU u għall-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tan-NU Staffan de Mistura biex jiżviluppa din il-linja politika. L-UE tisħaq fuq il-bżonn li tiżdied il-ħidma tal-komunità internazzjonali kollha fuq il-linja politika fil-qafas tal-proċess immexxi min-NU. L-UE diġà qed tikkontribwixxi attivament għall-inizjattivi tan-NU u ser iżżid il-ħidma diplomatika b'appoġġ għall-isforzi mmexxija min-NU, inkluża l-proposta tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għal gruppi ta' ħidma intra-Sirjani.

  4. Nappellaw lill-partijiet Sirjani kollha biex juru impenn ċar u konkret favur il-proċess immexxi min-NU u biex jieħdu sehem attiv fil-gruppi ta' ħidma. L-UE tenfasizza kemm huwa urġenti li l-oppożizzjoni politika moderata u gruppi assoċjati armati jingħaqdu għal approċċ komuni sabiex jippreżentaw alternattiva għall-poplu Sirjan. Dawn l-isforzi għandhom ikunu inklużivi u jinvolvu n-nisa u s-soċjetà ċivili. L-UE ser tkompli tagħti appoġġ lill-oppożizzjoni moderata, inkluża SOC, u tfakkar li hija element essenzjali fil-ġlieda kontra l-estremiżmu u għandha rwol ċentrali x’taqdi fit-tranżizzjoni politika.

  5. L-UE ser tkompli teżerċita l-pressjoni politika kollha tagħha, b'mod attiv u effettiv, favur l-isforzi internazzjonali mmexxija min-NU sabiex tinstab soluzzjoni politika għall-konflitt, u tistieden lis-sħab reġjonali u internazzjonali biex jagħmlu l-istess. Inħeġġu lil dawk kollha li għandhom influwenza fuq il-partijiet, inkluż fuq ir-reġim Sirjan, biex jużaw din l-influwenza biex jinkoraġġixxu rwol kostruttiv fil-proċess li jwassal għal tranżizzjoni politika u biex jintemm iċ-ċiklu tal-vjolenza. L-UE ser tinvolvi ruħha b’mod proattiv mal-atturi reġjonali ewlenin bħall-Arabja Sawdija, it-Turkija, l-Iran, l-Iraq u sħab internazzjonali fil-qafas tan-NU biex jinbnew il-kundizzjonijiet għal tranżizzjoni paċifika u inklużiva. F’dan il-kuntest, il-Kunsill ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu li jinkariga lir-RGħ/VP sabiex tesplora modi kif l-UE tista’ tippromwovi attivament kooperazzjoni reġjonali aktar kostruttiva.

  6. Il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fis-Sirja jeħtieġ li tkun prijorità għall-komunità internazzjonali. L-UE tikkundanna l-attakki eċċessivi, sproporzjonati u indiskriminati li r-reġim Sirjan qed ikompli jwettaq kontra l-poplu tiegħu stess. Ir-reġim ta' Assad għandu l-akbar responsabbiltà għall-mewt ta' 250.000 persuna fil-konflitt u għall-ispostament ta' miljuni ta' nies. L-UE tfakkar li l-liġi umanitarja internazzjonali tapplika għall-partijiet kollha, u d-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu rrispettati b'mod sħiħ. Nappellaw lill-partijiet kollha biex jieqfu minn kull forma ta' sparar u bumbardament indiskriminat fuq żoni u strutturi ċivili bħal ma huma sptarijiet u skejjel u, b'mod partikolari, lir-reġim Sirjan biex itemm il-bumbardamenti kollha mill-ajru, fosthom l-użu ta' bombi bettija, f'konformità mal-UNSCR 2139 u l-użu tal-armi kimiċi f'konformità mal-UNSCR 2209. L-immirar sistematiku mir-reġim fuq il-popolazzjoni ċivili wassal għal spostamenti massiċċi u inkoraġġixxa r-reklutaġġ u t-tisħiħ ta' gruppi terroristiċi fis-Sirja. Dan jitlob attenzjoni u azzjoni urġenti.

    L-UE ser issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tintensifika l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet 2139, 2165 u 2191 tal-KSNU biex titwassal assistenza transfruntiera u fuq kull naħa tal-konflitt sabiex tgħin lil dawk is-Sirjani li huma l-aktar dispratament fil-bżonn.

  7. L-UE tikkundanna bis-sħiħ l-attakki indiskriminati, l-atroċitajiet, il-qtil, il-vjolenza sesswali b'rabta mal-konflitt, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali li qed jitwettqu mid-Da'esh u minn gruppi terroristiċi oħra, kontra l-popolazzjonijiet ċivili, inkluż kontra l-insara u gruppi reliġjużi u etniċi oħra. L-UE tappoġġa l-isforzi u l-inizjattivi internazzjonali biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet. L-UE tikkundanna l-qerda intenzjonata mid-Da’esh tal-wirt kulturali fis-Sirja u l-Iraq, li skont id-dritt internazzjonali jikkostitwixxi delitt tal-gwerra.

  8. Dawk responsabbli għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità fis-Sirja jridu jinżammu responsabbli. L-UE tesprimi t-tħassib l-aktar serju tagħha dwar is-sejbiet tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Inkjesta dwar is-Sirja. L-allegazzjonijiet ta’ tortura u eżekuzzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza ppreżentata mir-rapport Caesar huma wkoll ta’ tħassib kbir. L-UE ttenni t-talba tagħha lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jirreferi l-qagħda fis-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali.

  9. L-UE tappoġġa l-isforzi tal-Koalizzjoni Dinjija biex tiġġieled kontra d-Da'esh fis-Sirja u l-Iraq. Bħala konsegwenza tal-politiki u l-azzjonijiet tiegħu, ir-reġim ta' Assad ma jistax ikun sieħeb fil-ġlieda kontra d-Dae'sh. L-azzjoni kontra d-Da'esh jeħtieġ li tiġi kkoordinata mill-qrib fost is-sħab kollha, u jeħtieġ li tkun immirata b'mod ċar lejn id-Da'esh, il-Jabhat Al-Nusra, u gruppi terroristiċi oħrajn indikati min-NU.

  10. L-attakki militari reċenti mir-Russja li jmorru lil hinn mid-Da'esh u gruppi terroristiċi oħra ddeżinjati min-NU, kif ukoll fuq l-oppożizzjoni moderata, iqanqlu tħassib kbir ukoll, u jeħtieġ li jieqfu minnufih. Daqstant ieħor għandu jieqaf il-ksur mir-Russja tas-sovranità tal-ispazju tal-ajru tal-pajjiżi ġirien.

    Hemm ir-riskju li din l-eskalazzjoni militari ttawwal il-konflitt, iddgħajjef proċess politiku, tiggrava s-sitwazzjoni umanitarja u żżid ir-radikalizzazzjoni. L-għan tagħna għandu jkun li l-konflitt ibatti. L-UE tappella lir-Russja biex tiffoka l-isforzi tagħha fuq l-għan komuni li tinkiseb soluzzjoni politika għall-konflitt. F’dan il-kuntest, tħeġġeġ lir-Russja biex tagħmel pressjoni favur it-tnaqqis tal-vjolenza u l-implimentazzjoni ta’ miżuri mir-reġim Sirjan biex isaħħu l-fiduċja skont id-dispożizzjonijiet tal-UNSCR 2139.

  11. L-UE ser tintensifika d-diplomazija umanitarja u tfittex modi kif ittejjeb l-aċċess u l-protezzjoni kif ukoll kif tippromwovi l-prinċipji umanitarji u l-kunsens lokali dwar il-linji gwida għall-għoti ta' għajnuna.

  12. L-UE żiedet sostanzjalment l-isforzi finanzjarji tagħha biex tappoġġa lil dawk li ħarbu mill-konflitt, ġewwa u barra s-Sirja, b'impenji ġodda għal għajnuna umanitarja u għal ħidma fit-tul li tappoġġa r-reżiljenza tar-refuġjati fil-viċinat. L-UE u l-Istati Membri tagħha diġà taw €4 biljun għall-assistenza ta' sokkors u rkupru lil dawk affettwati mill-konflitt fis-Sirja kif ukoll lir-refuġjati u l-komunitajiet li qed jospitawhom f’pajjiżi ġirien. L-UE u l-Istati Membri tagħha ser ikomplu jagħtu għajnuna umanitarja permezz tan-NU, l-ICRC u NGOs internazzjonali. Fl-istess ħin, l-UE ser iżżid l-assistenza tagħha fit-tul għall-iżvilupp u l-istabbilizzazzjoni, lil dawn is-sħab u oħrajn, inkluż permezz tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE stabbilit reċentement b’reazzjoni għall-kriżi fis-Sirja (il-“Fond Madad”) li issa rċieva 'l fuq minn €500 miljun finanzjament mill-UE li għandu jkun proporzjonat mal-isforzi mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi oħra. L-UE tappella lil pajjiżi oħra biex isostnu u jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom b'reazzjoni għall-kriżi fis-Sirja. Il-Kunsill qabel speċifikament dwar il-ħtieġa li jiżdied il-livell ta' kooperazzjoni u sħubija mal-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija biex ikunu żgurati aċċess ugwali għall-kenn, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-għajxien għar-refuġjati u l-komunitajiet li qed jospitawhom, bl-appoġġ ta' assistenza ulterjuri mill-UE.