Iffirmat il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo

Kunsill tal-UE
  • 27/10/2015
  • 14:00
  • Stqarrija għall-istampa
  • 762/15
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
27/10/2015
Kuntatti għall-istampa

Maja Kocijančič
Kelliem tas-SEAE
+32 22986570
+32 498984425

Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo kien iffirmat illum fi Strasburgu. Għan-naħa tal-UE, ġie ffirmat minn Federica Mogherini, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Johannes Hahn, Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati dwar it-Tkabbir, filwaqt li għan-naħa tal-Kosovo ġiet iffirmat mill-Prim Ministru Isa Mustafa u l-Ministru għall-Integrazzjoni Ewropea u Kap Negozjatur Bekim Çollaku.

"Dan il-Ftehim qed jiftaħ fażi ġdida fir-relazzjoni ta' bejn l-UE u l-Kosovo. Jirrappreżenta kontribut importanti għall-istabbiltà u l-prosperità fil-Kosovo u fir-reġjun inġenerali. Qed nistenna bil-ħerqa d-dħul fis-seħħ tiegħu," qalet ir-Rappreżentant Għoli Mogherini fl-okkażjoni tal-iffirmar.

"Dan il-Ftehim huwa pass importanti għar-relazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo. Dan se jgħin lill-Kosovo jwettaq riformi li tant huma meħtieġa u ser joħloq opportunitajiet ta’ kummerċ u investiment. Ser ipoġġi lill-Kosovo fit-triq lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli u jista' jwassal għal impjiegi tant meħtieġa għaċ-ċittadini tiegħu, speċjalment iż-żgħażagħ," żied jgħid il-Kummissarju Hahn.

Il-FSA ġie nnegozjat bejn Ottubru 2013 u Mejju 2014, kien inizjalat f’Lulju 2014 u l-Kunsill tal-UE qabel dwar l-iffirmar tiegħu fit-22 ta’ Ottubru 2015. Wara l-kunsens mill-Parlament Ewropew, il-FSA mistenni jidħol fis-seħħ fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla.

Ladarba jkun fis-seħħ, il-FSA ser jistabbilixxi relazzjoni kuntrattwali li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi u jkopri firxa wiesgħa ta’ setturi. Il-FSA jiffoka fuq ir-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi ewlenin u l-elementi ewlenin li huma fil-qalb tas-suq uniku tal-UE. Il-FSA ser jistabbilixxi żona li tippermetti l-kummerċ ħieles u l-applikazzjoni ta’ standards Ewropej f’oqsma oħra bħalma huma l-kompetizzjoni, l-għajnuna mill-istat u l-proprjetà intellettwali. Ser jgħin ukoll biex jiġu implimentati r-riformi mfassla sabiex iwasslu lill-Kosovo lejn l-adozzjoni tal-istandards Ewropej. Dispożizzjonijiet oħra jkopru d-djalogu politiku, il-kooperazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ setturi li jvarjaw mill-edukazzjoni u l-impjiegi għall-enerġija, l-ambjent u l-ġustizzja u l-affarijiet interni. 

L-Unjoni Ewropea ser tkompli tappoġġa l-progress tal-Kosovo fi triqtu lejn l-Ewropa permezz tal-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni, il-politika mfassla mill-UE biex titrawwem il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kif ukoll il-kooperazzjoni reġjonali. Il-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni huma komponent ewlieni ta’ dan il-proċess. Sabiex tappoġġa r-riformi neċessarji, l-UE tagħmel disponibbli l-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għall-Balkani tal-Punent u t-Turkija li tammonta għal madwar €11.7 biljun matul il-perjodu 2014-2020, li minnhom, €645.5 miljun huma allokati għall-Kosovo.

Il-Kosovo*

Ir-referenzi għall-Kosovo huma mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus. Dawn huma konformi mar-Riżoluzzjoni 1244/99 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.