Laqgħa tal-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE mat-Turkija, 29/11/2015 - Dikjarazzjoni UE-Turkija

Summit internazzjonali
  • 29/11/2015
  • 20:30
  • Brussell
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 870/15
  • Affarijiet Interni
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
  • Tkabbir
29/11/2015
Kuntatti għall-istampa

Jüri Laas
Uffiċjal tal-istampa
+32 22815523
+32 470957561

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

Ester Arauzo-Azofra
Uffiċjal tal-istampa
+32 22815361
+32 473630723

  1. Illum il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu fi Brussell mal-kontroparti Torka tagħhom. It-Turkija ilha kandidat mill-1999 u ilha tinnegozja għall-adeżjoni mill-2005.

  2. It-Turkija u l-UE ddiskutew l-importanza li jingħelbu l-isfidi komuni li hemm quddiemhom. F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Ottubru, huma qablu li l-proċess tal-adeżjoni jeħtieġ li jerġa' jingħata spinta. Huma kommessi li javvanzaw aktar ir-rabtiet u s-solidarjetà eżistenti tagħhom u jadottaw azzjoni orjentata lejn ir-riżultati biex jitħejja l-futur komuni tagħhom. Huma ddeterminati li jaffaċċjaw u jegħlbu r-riskji u t-theddid eżistenti flimkien biex jiġi rrinfurzat il-Proġett Ewropew. Filwaqt li jfakkru fid-dikjarazzjoni finali tal-aħħar G20 f'Antalja, kif ukoll fir-Riżoluzzjoni 2249 tal-KSNU, it-Turkija u l-UE jaffermaw mill-ġdid li l-ġlieda kontra t-terroriżmu tibqa' prijorità.

  3. Għal dan il-fini ġie maqbul li huwa essenzjali djalogu ta' livell għoli strutturat u aktar frekwenti biex jiġi esplorat il-potenzjal vast tar-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-UE, li s'issa għadu ma ġiex sfruttat kompletament. F'dan il-qafas, iż-żewġ naħat qablu li jkollhom Summits regolari darbtejn fis-sena, f'format xieraq. Is-summits regolari ser jipprovdu pjattaforma biex jiġi vvalutat l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-UE u jiġu diskussi kwistjonijiet internazzjonali. Id-diskussjonijiet regolari u l-kooperazzjoni dwar il-politika barranija u tas-sigurtà għandhom jissaħħu inkluż fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-isfond tal-isfidi serji għas-sigurtà b'mod partikolari t-theddida li qed tiżdied tat-terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu. F'dan il-kuntest, iż-żewġ naħat qablu li jkollhom laqgħat ta' djalogu politiku regolari u komprensivi fil-livell Ministerjali/tar-Rappreżentant Għoli/tal-Kummissarji. Dawn ser ikunu b'żieda mal-laqgħat regolari tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Id-djalogi ta' livell għoli għandhom jitwettqu wkoll fuq kwistjonijiet tematiċi ewlenin.

  4. Iż-żewġ naħat laqgħu t-tħabbira li ser issir il-Konferenza Intergovernattiva fl-14 ta' Diċembru 2015 għall-ftuħ tal-kapitolu 17. Barra minn hekk, huma ħadu nota tal-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tlesti, fl-ewwel trimestru tal-2016, il-ħidma preparatorja għall-ftuħ ta' għadd ta' kapitoli mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri. Il-ħidma preparatorja tista' sussegwentement tibda wkoll fuq aktar kapitoli.

  5. L-UE laqgħat l-impenn tat-Turkija li tħaffef il-pass sabiex jintlaħqu l-punti ta' riferiment tal-Pjan Direzzjonali dwar il-Viża fir-rigward tal-Istati Membri kollha li qed jipparteċipaw. Il-Kummissjoni Ewropea ser tippreżenta t-tieni rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni mit-Turkija tal-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża sa kmieni f' Marzu 2016. Iż-żewġ naħat jaqblu li l-ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija ser isir applikabbli kompletament minn Ġunju 2016 biex il-Kummissjoni tkun tista' tippreżenta t-tielet rapport ta' progress tagħha fil-Ħarifa tal-2016 bil-ħsieb li jiġi kkompletat il-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-viża, jiġifieri t-tneħħija tal-ħtieġa ta' viża għal ċittadini Torok fiż-żona Schengen sa Ottubru 2016 ladarba jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Pjan Direzzjonali.

  6. L-UE ser tipprovdi għajnuna umanitarja immedjata u kontinwa fit-Turkija. Ser twessa' wkoll b'mod sinifikanti l-appoġġ finanzjarju ġenerali tagħha. Ġiet stabbilita mill-Kummissjoni Faċilità ta' Appoġġ għar-Refuġjati fit-Turkija biex jiġu kkoordinati u ssimplifikati l-azzjonijiet iffinanzjati sabiex jingħata appoġġ effiċjenti u komplementari għas-Sirjani li jinsabu taħt protezzjoni temporanja u komunitajiet ospitanti fit-Turkija. L-UE hija impenjata li inizjalment tipprovdi 3 biljun Euro f'riżorsi addizzjonali. Il-ħtieġa għal dan il-finanzjament u n-natura tiegħu ser jiġu riveduti fid-dawl tas-sitwazzjoni li qed tiżviluppa. Minħabba li t-Turkija tospita aktar minn 2,2 miljun Sirjan u minħabba li nefqet 8 biljun Dollaru Amerikan, l-UE għalhekk issottolinjat l-importanza li jinqasam il-piż fil-qafas tal-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. F'dan il-kuntest, huma ssottolinjaw il-kontribuzzjoni mill-iskemi u l-programmi ta' risistemazzjoni tal-Istati Membri u dawk eżistenti tal-UE. 

  7. It-Turkija u l-UE ddeċidew li jattivaw il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt li kien sar qbil dwaru s'issa ad referenda fil-15 ta' Ottubru 2015, biex jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom għal appoġġ lis-Sirjani li jinsabu taħt protezzjoni temporanja u l-ġestjoni tal-migrazzjoni biex tiġi indirizzata l-kriżi li nħolqot minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja. Iridu jinkisbu riżultati partikolarment biex jitwaqqaf l-influss ta' migranti irregolari. L-UE u t-Turkija qablu li jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt li ser iwassal għal ordni fil-flussi migratorji u jgħin biex titwaqqaf il-migrazzjoni irregolari. B'konsegwenza, kif maqbul u b'effett immedjat, iż-żewġ naħat ser jintensifikaw il-kooperazzjoni attiva tagħhom dwar il-migranti li ma jeħtiġux protezzjoni internazzjonali, biex jipprevjenu l-ivvjaġġar lejn it-Turkija u l-UE, jiżguraw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet bilaterali u stabbiliti dwar ir-riammissjoni u jirritornaw malajr il-migranti li ma jeħtiġux protezzjoni internazzjonali lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom. Bl-istess mod, huma laqgħu l-intenzjoni tat-Turkija li tadotta miżuri immedjati biex ittejjeb aktar is-sitwazzjoni soċjoekonomika tas-Sirjani li huma taħt protezzjoni temporanja. Iż-żewġ naħat issottolinjaw l-impenn komuni tagħhom li jieħdu azzjoni deċiżiva u rapida biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra n-netwerks kriminali tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' persuni.

  8. Kif stipulat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar it-Tkabbir f'Diċembru 2014, it-Turkija u l-UE qed jaħdmu fuq l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu ta' Djalogu Ekonomiku ta' Livell Għoli li ser jikkontribwixxi għal aktar titjib tar-relazzjonijiet ekonomiċi u l-ħolqien ta' pjattaforma tan-negozju biex titlaqqa' l-komunità tan-negozju. Huma qablu li jneduha fl-ewwel trimestru tal-2016.

  9. Huma laqgħu l-istabbiliment ta' Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Enerġija u l-Kooperazzjoni Strateġika fil-qasam tal-Enerġija, li kienu mnedija f'Ankara fis-16 ta' Marzu 2015. Skambju regolari ta' informazzjoni dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija fil-livell globali u reġjonali huwa ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat. Qablu li ssir it-tieni laqgħa ta' dan it-tip fl-ewwel trimestru tal-2016.

  10. Huma ħadu nota tat-tnedija ta' passi preparatorji għat-titjib tal-Unjoni Doganali. Wara t-tlestija ta' din il-ħidma preparatorja miż-żewġ naħat, jistgħu jitnedew negozjati formali lejn tmiem l-2016.

  11. Dawn l-elementi kollha ser ikollhom jiġu avvanzati b'mod parallel u jiġu segwiti mill-qrib. It-Turkija u l-UE huma ddeterminati li javvanzaw flimkien l-ispettru mifrux tal-aġenda attwali tagħhom biex jiġi żgurat li dan l-impetu l-ġdid iwassal għal riżultati konkreti.