Ara l-kontenut
Abbonament bl-email
  • 17/02/2016
  • 18:00
  • Stqarrija għall-istampa
  • 70/16
  • Ekonomija u finanzi
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
  • Affarijiet Interni
  • Affarijiet istituzzjonali

Għada ser niltaqgħu fil-Kunsill Ewropew. Ser ikun mument kruċjali għall-għaqda tal-Unjoni tagħna u għall-ġejjieni tar-relazzjonijiet tar-Renju Unit fi ħdan l-Ewropa.

Wara l-konsultazzjonijiet tiegħi f’dawn l-aħħar sigħat ikolli nistqarr frankament li għad m’hemm l-ebda garanzija li ser nilħqu ftehim. Hemm xi kwistjonijiet politiċi li ma naqblux dwarhom u ninsab konxju ferm li ser ikun diffiċli biex negħlbuhom. Għalhekk qed inħeġġek biex nibqgħu kostruttivi.

In-negozjati jinsabu fi stadju avvanzat ħafna u jeħtieġ li nisfruttaw ir-ritmu preżenti. Mhux ser ikun hemm żmien aħjar għal kompromess. Hija l-għaqda tagħna li tagħtina s-saħħa u din m'għandniex nitilfuha. Tkun disfatta kemm għar-Renju Unit kif ukoll għall-Unjoni Ewropea, iżda rebħa ġeopolitika għal dawk li jixtiequ jifirduna.

Ser naħdmu abbażi tal-proposta li ressaqt fit-2 ta’ Frar, bi kjarifiki tekniċi u legali li tfasslu mix-Sherpas tagħna biex jiġu ċċirkolati llum. Iżda l-kwistjonijiet politiċi kollha ser jibqgħu miftuħa għal għada. L-għan kien ċar mill-bidu nett: li jintlaħaq ftehim legalment vinkolanti u irreversibbli li jindirizza l-preokkupazzjonijiet tar-Renju Unit, filwaqt li jkun sodisfaċenti għal kulħadd. Fl-istess ħin mhux ser nimminaw il-valuri fundamentali tagħna. L-għan tiegħi hu li nilħqu l-ftehim din il-ġimgħa.

Dwar il-koreografija: wara l-iskambju tradizzjonali ta’ fehmiet mal-President tal-Parlament Ewropew, u r-ritratt tal-grupp, ser nindirizzaw il-kwistjoni tar-Renju Unit waqt l-ewwel sessjoni ta’ ħidma tagħna nhar il-Ħamis waranofsinhar. Din ser tkun opportunità biex il-membri kollha jiddikjaraw il-pożizzjonijiet tagħhom u jesprimu l-preokkupazzjonijiet tagħhom. Peress li qed nitkellmu dwar ftehim legalment vinkolanti, aħna ser ikollna bżonn il-ħin biex nivvalutaw il-bidliet kollha meħtieġa matul il-lejl u nerġgħu lura għall-kwistjoni l-Ġimgħa filgħodu.

Matul l-ikla ta’ filgħaxija, ser niddiskutu l-aħħar żviluppi dwar il-migrazzjoni. F’Diċembru aħna qbilna dwar għadd ta’ prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati b’mod urġenti. Ir-rapporti dettaljati mħejjija mill-Presidenza Netherlandiża u mill-Kummissjoni juru li l-istrateġija li fassalna flimkien qed tibda tagħti r-riżultati iżda l-progress miksub s’issa mhux biżżejjed. Irrid li nżommu l-pressjoni fuq l-elementi kollha tal-istrateġija globali. Għandna naqblu dwar il-konklużjonijiet fi tmiem id-diskussjoni. Billi l-Pjan ta’ Azzjoni UE-Turkija għandu rwol kruċjali fl-istrateġija tagħna, ser niltaqa' mal-Prim Ministru Davutoglu minn qabel sabiex nivvalutaw il-progress u niddiskutu t-tħaffif tal-ftehim sabiex jinkiseb tnaqqis sostanzjali u sostenibbli tal-għadd ta’ daħliet illegali mit-Turkija lejn l-UE.

Nhar il-Ġimgħa filgħodu ser ikollna sessjoni informali b’diskussjoni dwar ir-Renju Unit. Għal dan id-dibattitu ser jingħaqad magħna l-President tal-Parlament Ewropew. Il-ħin preċiż għad irid jiġi deċiż peress li jista’ jkollna bżonn niltaqgħu għal konsultazzjonijiet bilaterali. Ladarba t-test finali jkun lest, ser nissoktaw is-sessjoni plenarja biex nadottawh formalment.

Iktar tard ser nikkunsidraw is-sitwazzjoni fis-Sirja u l-Libja, u nadottaw il-konklużjonijiet li jifdal. Fl-aħħar nett, ser napprovaw ir-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro, skont is-Semestru Ewropew imġedded. Nistenna bil-ħerqa li għada niltaqa’ miegħek fi Brussell.