Kunsill Ewropew 18-19 ta’ Frar 2016 - konklużjonijiet dwar il-migrazzjoni

Kunsill Ewropew
  • 19/02/2016
  • 5:30
  • Brussell
  • Stqarrija għall-istampa
  • 72/16
  • Ġustizzja
  • Affarijiet Interni
19/02/2016
Kuntatti għall-istampa

Jüri Laas
Uffiċjal tal-istampa
+32 22815523
+32 470957561

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

Ester Arauzo-Azofra
Uffiċjal tal-istampa
+32 22815361
+32 473630723

II. MIGRAZZJONI

4. B'reazzjoni għall-kriżi migratorja li qed tiffaċċja l-UE, l-objettiv għandu jkun li jitwaqqfu l-flussi b'mod rapidu, jiġu protetti l-fruntieri esterni tagħna, titnaqqas il-migrazzjoni illegali u tiġi salvagwardjata l-integrità taż-żona Schengen. Bħala parti minn dan l-approċċ komprensiv, il-Kunsill Ewropew ivvaluta, abbażi ta' rapporti dettaljati mill-Presidenza u l-Kummissjoni, l-istat tal-implimentazzjoni tal-orjentazzjonijiet maqbula f'Diċembru.

5. Il-Kunsill Ewropew jilqa' d-deċiżjoni tan-NATO li tassisti fit-twettiq ta' rikonjizzjoni, monitoraġġ u sorveljanza ta' qsim illegali fil-baħar Eġew u jappella lill-membri kollha tan-NATO biex jappoġġaw din il-miżura b'mod attiv. L-UE, b'mod partikolari FRONTEX, għandha tikkoopera mill-qrib man-NATO.
 
6. L-implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Turkija tibqa' prijorità, sabiex jitwaqqfu l-flussi migratorji u jiġu indirizzati n-netwerks tat-traffikanti u l-faċilitaturi. It-Turkija ħadet passi għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess minn refuġjati Sirjani għas-suq tax-xogħol tat-Turkija u l-kondiviżjoni ta' data mal-UE. Madankollu, il-flussi ta' migranti li jaslu l-Greċja mit-Turkija għadhom għoljin wisq. Jeħtieġ naraw tnaqqis sostanzjali u sostenibbli fl-għadd ta' dħul illegali mit-Turkija fl-UE. Dan jirrikjedi sforzi ulterjuri u deċiżivi wkoll min-naħa tat-Turkija biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Pjan ta' Azzjoni. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-qbil milħuq dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija u jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw malajr il-proġetti prijoritarji. Huwa jilqa' wkoll il-progress fit-tħejjija ta' programm kredibbli ta' ammissjoni umanitarja volontarja mat-Turkija.

7. Barra minn hekk,

a) rigward ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi rilevanti, il-pakketti komprensivi u mfassla apposta ta' inċentivi li qed jiġu żviluppati bħalissa għal pajjiżi speċifiċi biex jiżguraw ritorn u riammissjoni effettivi jeħtieġu l-appoġġ sħiħ tal-UE u l-Istati Membri. Il-Kunsill Ewropew jistieden ukoll lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri biex jissorveljaw u jindirizzaw kwalunkwe fattur li jista' jqanqal flussi migratorji;

b) għandhom jitkomplew u jissaħħu l-implimentazzjoni u s-segwitu operazzjonali għas-Summit tal-Belt Valletta, b'mod partikolari l-lista maqbula ta' 16-il azzjoni ta' prijorità;

c) għandha tkompli tingħata għajnuna umanitarja lir-refuġjati Sirjani u lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja. Din hija responsabbiltà dinjija urġenti. F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew jilqa' l-eżitu tal-Konferenza dwar appoġġ lis-Sirja u r-Reġjun li saret f'Londra fl-4 ta' Frar u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kontribwenti kollha biex jimplimentaw b'mod rapidu l-impenji tagħhom;
 
d) il-flussi kontinwi u sostnuti ta' migranti irregolari tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent jibqgħu ta' tħassib serju li jeħtieġ aktar azzjoni miftehma u t-tmiem tal-approċċ permissiv u tal-miżuri mhux koordinati tul ir-rotta, b'kont meħud tal-konsegwenzi umanitarji għall-Istati Membri milquta. Huwa wkoll importanti li wieħed jibqa' viġilanti fir-rigward tal-iżviluppi potenzjali rigward rotot oħra sabiex tkun tista' tittieħed azzjoni rapida u miftehma;

e) il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni fit-12 ta' Frar 2016. Huwa importanti li jerġa' jiġi stabbilit, b'mod miftiehem, il-funzjonament normali taż-żona Schengen, b'appoġġ sħiħ lill-Istati Membri li jiffaċċjaw ċirkostanzi diffiċli. Jeħtieġ li mmorru lura għal sitwazzjoni fejn il-Membri kollha taż-żona Schengen japplikaw bis-sħiħ il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u jirrifjutaw id-dħul fil-fruntieri esterni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet tad-dħul jew li ma ppreżentawx applikazzjoni għal asil, minkejja li kellhom l-opportunità li jagħmlu dan, filwaqt li jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet tal-fruntieri marittimi, inkluż bl-implimentazzjoni tal-aġenda UE-Turkija;

f) bl-għajnuna tal-UE, l-istabbiliment u l-funzjonament ta' hotspots qed jittejbu fir-rigward tal-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni, it-teħid tal-marki tas-swaba' u l-kontrolli tas-sigurtà tal-persuni u d-dokumenti tal-ivvjaġġar; madankollu, għad fadal ħafna x'isir, b'mod partikolari biex il-hotspots ikunu qed jaħdmu b'mod sħiħ, biex jiġu żgurati l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni totali tad-dħul kollu (inkluż verifiki tas-sigurtà sistematiċi ma' bażijiet tad-data Ewropej, b'mod partikolari s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, kif mitlub fil-liġi tal-UE), biex jiġi implimentat bis-sħiħ il-proċess ta' rilokazzjoni, biex jitwaqqfu l-flussi sekondarji ta' migranti irregolari u persuni li qed ifittxu l-asil u biex jiġu pprovduti l-faċilitajiet ta' akkoljenza sinifikanti li huma meħtieġa biex jiġu akkomodati l-migranti f'kundizzjonijiet umani sakemm tkun qed tiġi ċċarata s-sitwazzjoni tagħhom. Il-persuni li qed ifittxu l-asil ma għandhomx id-dritt jagħżlu l-Istat Membru li fih jixtiequ l-asil;
 
g) is-sitwazzjoni umanitarja tal-migranti tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent titlob azzjoni urġenti bl-użu tal-mezzi kollha tal-UE u dawk nazzjonali disponibbli biex tittaffa. Għal dan il-għan, il-Kunsill Ewropew iqis li jenħtieġ li issa tiġi stabbilita l-kapaċità biex l-UE tipprovdi għajnuna umanitarja internament, f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet bħall-UNHCR, biex jingħata appoġġ lil pajjiżi li qed jiffaċċjaw għadd kbir ta' refuġjati u migranti; filwaqt li tibni fuq l-esperjenza tad-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-UE. Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel proposti konkreti mill-aktar fis possibbli;

h) l-elementi kollha maqbula f'Diċembru li għadda għandhom jiġu implimentati malajr, inklużi d-deċiżjonijiet dwar ir-rilokazzjoni u miżuri biex jiġu żgurati r-ritorn u r-riammissjoni. F'dak li jirrigwarda l-proposta dwar il-'Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta', għandha tiġi aċċellerata l-ħidma bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim politiku taħt il-Presidenza Netherlandiża u biex is-sistema l-ġdida ssir operazzjonali mill-aktar fis possibbli;

i) il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jiżviluppa malajr ideat, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, dwar kif jista' jikkontribwixxi għar-reazzjoni tal-UE.

8. L-istrateġija komprensiva maqbula f'Diċembru tista' tagħti riżultati biss jekk l-elementi kollha tagħha jiġu segwiti b'mod konġunt u jekk l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jaġixxu flimkien u f'koordinazzjoni sħiħa. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jsir progress fir-riforma tal-qafas eżistenti tal-UE sabiex tiġi żgurata politika tal-asil umana u effiċjenti. Għal dan l-għan, wara d-diskussjoni fil-fond tal-lum, ser jiżdiedu t-tħejjijiet biex ikun possibbli dibattitu komprensiv fil-Kunsill Ewropew li jmiss, fejn, abbażi ta' valutazzjoni aktar definittiva, għandhom jiġu stabbiliti aktar orjentazzjonijiet u jsiru għażliet.