Kummenti mill-President Donald Tusk wara l-ewwel sessjoni tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew

Kunsill Ewropew
  • 18/02/2016
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 74/16
  • Affarijiet Interni
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
  • Affarijiet istituzzjonali
18/02/2016
Kuntatti għall-istampa

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

Il-lejla t-tajba. Bdejna l-Kunsill Ewropew billi esprimejna s-solidarjetà tagħna mat-Turkija u kkundannajna l-attakk terroristiku f'Ankara li żamm lill-Prim Ministru Davutoglu milli jkun fi Brussell.

Ħa nibda bil-migrazzjoni, li dwarha adottajna konklużjonijiet. Qbilna li l-pjan ta' azzjoni konġunt tagħna mat-Turkija jibqa' prijorità, u rridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex dan jirnexxi. Din hi r-raġuni għaliex biħsiebna norganizzaw laqgħa speċjali mat-Turkija fil-bidu ta' Marzu.

Iżda importanti daqs il-konklużjonijiet kienet id-diskussjoni tagħna f'dan il-mument kritiku tal-kriżi tal-migrazzjoni. Din id-diskussjoni saħħet aktar id-determinazzjoni tagħna li nibnu kunsens Ewropew dwar il-migrazzjoni.

Biex dan iseħħ, irridu l-ewwel nevitaw li jkun hemm battalja fost il-pjanijiet A, B u Ċ. Din ma tagħmel ebda sens, għax tkun qed toħloq firdiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Minflok, irridu nfittxu sintesi tal-approċċi differenti. M'hemm ebda alternattiva tajba għal pjan Ewropew komprensiv.

It-tieni, soluzzjoni Ewropea ma tirrigwardax biss deċiżjonijiet li nieħdu fi Brussell. Tirrigwarda wkoll, u anki qabel kollox, deċiżjonijiet li jittieħdu fl-ibliet kapitali. Dan irridu naċċettawh, iżda fl-istess ħin għandna nfittxu li ntejbu l-koordinazzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet.

U t-tielet, irridu nirrispettaw ir-regoli u l-liġijiet li adottajna flimkien. Dan jirrigwarda kemm id-deċiżjonijiet dwar ir-rilokazzjoni kif ukoll il-ħtieġa li bil-mod il-mod nerġgħu lura għal sitwazzjoni fejn il-Membri kollha taż-żona ta' Schengen japplikaw bis-sħiħ il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

Fl-aħħar nett, kif forsi tafu, ir-Renju Unit kien ukoll is-suġġett tat-taħditiet tagħna llum. Għalissa nista' ngħid biss li għamilna xi progress, iżda għad hemm ħafna xi jsir. Issa ser ikolli serje ta' laqgħat bilaterali, l-ewwel waħda mal-Prim Ministru Cameron, imbagħad mal-President Hollande, il-Prim Ministru Sobotka, u l-Prim Ministru Michel, ovvjament flimkien mal-President Junker tal-Kummissjoni li wkoll għandu rwol ċentrali f'dan il-proċess. Grazzi u nixtiqilkom il-lejl it-tajjeb.