Kummenti mill‑President Donald Tusk wara l‑laqgħa tal‑Kunsill Ewropew tad‑19 ta' Frar 2016

Kunsill Ewropew
  • 19/02/2016
  • 23:59
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 76/16
  • Affarijiet istituzzjonali
19/02/2016
Kuntatti għall-istampa

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

Il‑lejla t‑tajba, għadna kemm ksibna patt li jsaħħaħ l‑istatus speċjali tal-Gran Brittanja fl‑Unjoni Ewropea. Hija deċiżjoni legalment vinkolanti u irriversibbli tat‑28 mexxej kollha. Is‑soluzzjoni tindirizza t‑tħassib kollu tal‑Prim Ministru Cameron mingħajr ma tikkomprometti l‑valuri fundamentali tagħna.

Waqt id‑diskussjonijiet twal u ta' spiss jaħarqu tagħna, ħaqqaqnieha fuq l‑iċken dettalji tal‑patt. Jista' jkun li ma kienx spettaklu mill-isbaħ, u żgur mhux attraenti. Madankollu, dak li jimporta huwa li l‑mexxejja Ewropej ma abbandunawx il‑mejda tan‑negozjati, peress li kellha tiġi indirizzata kwistjoni ferm aktar importanti. Tajna sinjal li aħna lkoll lesti li nissagrifikaw parti mill‑interessi tagħna għall‑ġid komuni, li nuru l‑unità fostna.

Bil-kriżijiet kollha li qegħdin iseħħu madwarna, iż-żminijiet li qegħdin ngħixu fihom huma mqallba u imprevedibbli. Jekk taħsbu li qiegħed niddrammatizza żżejjed, kulma tridu tagħmlu huwa li tħarsu lejn dak li qiegħed jiġri bħalissa stess. L‑ikbar kriżi migratorja fl‑istorja tal‑Ewropa. It‑theddida imminenti tal‑għeluq tal‑fruntieri fil‑kontinent tagħna. Attakki terroristiċi fit‑Turkija, attakki mill‑ajru fil‑Libja, il‑gwerra li qiegħda tiskala fis‑Sirja. Il‑kunflitt li qiegħed dejjem jikber bejn ir‑Russja u t‑Turkija. Sfortunatament, nista' nibqa' sejjer. 

Żminijiet eċċezzjonali jeħtieġu kliem eċċezzjonali. U ħadd ma esprima lilu nnifsu aħjar minn Winston Churchill. Se nikkwota dak li qal f'Zurich fl‑1946. Kliemu jistgħu jinstemgħu wisq solenni. Iżda ta' min jiftakar fihom, biex ngħarfu li għalkemm kollox inbidel matul is‑snin, fil‑verità ma nbidel xejn. U mingħajr dubju ħaġa li ma nbidlitx huwa l‑fatt li l‑Ewropa kollha teħtieġ tibqa' maqgħuda.  

"Biex l‑Ewropa tiġi salvata minn miżerja infinita, kif qal Churchill, u tassew minn kundanna finali, irid ikun hemm att ta' fiduċja fil‑familja Ewropea. Jistgħu l‑popli Ewropej jilħqu l‑quċċata tar‑ruħ u tal‑istint u tal‑ispirtu tal‑bniedem? X'inhu r‑rimedju sovran? Dan huwa l‑ħolqien mill‑ġdid tan‑nisġa Ewropea, jew kemm nistgħu minnha, u li nagħtuha struttura li taħtha tista' tkompli teżisti fil‑paċi, is‑sigurtà u l‑libertà. Għalhekk ngħidilkom, ħallu lill‑Ewropa tqum." Tmiem il-kwotazzjoni.

Nemmen tassew li r‑Renju Unit jeħtieġ lill‑Ewropa, u l‑Ewropa teħtieġ lir‑Renju Unit. Li issa naqtgħu din ir‑rabta jmur għalkollox kontra l‑interessi reċiproki tagħna. Għamilna kulma stajna biex ma nħallux lil dan iseħħ. Iżda d‑deċiżjoni finali tinsab f'idejn il‑poplu Brittanniku.