Rapport mill-President Donald Tusk lill-Parlament Ewropew dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Frar

Kunsill Ewropew
  • 24/02/2016
  • 16:00
  • Diskors
  • 82/16
  • Affarijiet Interni
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
  • Affarijiet istituzzjonali
24/02/2016
Kuntatti għall-istampa

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

Kummenti ta' introduzzjoni

L-aħħar Kunsill Ewropew kien diffiċli daqs kwalunkwe wieħed li sar matul il-mandat tiegħi. U anki jekk sibna soluzzjoni komuni, it-test reali taż-żmien jinsab quddiemna, naturalment minħabba r-referendum fir-Renju Unit dwar jekk huwiex ser jibqa' membru tal-Unjoni Ewropea. Il-poplu Brittaniku biss jista' u ser jieħu din id-deċiżjoni. Min-naħa tagħna stajna naqblu fuq soluzzjoni ġdida għar-Renju Unit fl-UE. U hekk għamilna.

It-28 Kap ta’ Stat jew ta’ Gvern qablu unanimament u adottaw soluzzjoni legalment vinkolanti u irriversibbli għar-Renju Unit fl-UE. Id-deċiżjoni dwar soluzzjoni ġdida hija f’konformità mat-Trattati u ma tistax tiġi annullata mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Iżda ser tidħol fis-seħħ biss jekk il-poplu Brittaniku jivvota biex jibqa' fl-Unjoni. Jekk jivvutaw biex joħorġu, is-soluzzjoni tisfa fix-xejn.

Aħna qbilna li nagħmlu dan kollu b’mod li ma jiġux kompromessi l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħall-moviment ħieles u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. U mingħajr ma nikkompromettu l-iżvilupp futur tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Kieku qatt kelli xi dubju dwar dan qatt ma kont ser nipproponi tali soluzzjoni.

Minkejja ħafna diffikultajiet, il-mexxejja ma abbandunawx in-negozjar għaliex konna konxji mill-interessi involuti, jiġifieri ż-żamma tar-Renju Unit fl-UE u l-ġeopolitika futura tal-Ewropa.

Hawnhekk nixtieq nesprimi gratitudni sinċiera lill-President Juncker u t-tim kollu tiegħu li magħhom ħdimna flimkien matul il-proċess. Nixtieq nirringrazzja wkoll lin-negozjaturi tal-Parlament li kienu involuti fin-negozjati u li kienu effettivi ħafna biex jiksbu l-għanijiet tagħhom. Jiena nemmen bis-sħiħ li kellna ninvolvu għalkollox lill-Parlament Ewropew f’dan il-proċess. Jien dejjem niftakar dawn it-taħdidiet kruċjali mal-President Schulz, flimkien mal-mexxej tal-grupp Verhofstadt u mal-kollegi distinti Gualtieri u Brok. Bis-saħħa tagħkom dan il-ftehim tana l-opportunità li nqisu l-interessi tal-Unjoni inġenerali. Mingħajr l-għajnuna tagħkom dan il-ftehim ma kienx ikun possibbli. Grazzi ħafna mill-ġdid.

L-Unjoni Ewropea ser tirrispetta d-deċiżjoni tal-Brittaniċi. Jekk il-maġġoranza tivvota favur il-ħruġ, hekk fil-fatt jiġri. Dan l-avveniment jibdel lill-Ewropa għal dejjem. U din ser tkun bidla għall-agħar. Naturalment, din hija l-opinjoni personali tiegħi. It-Tnejn, il-Prim Ministru Cameron qal lill-House of Commons li issa mhux iż-żmien li l-Punent jinqasam. Naqbel mija fil-mija. Din hija r-raġuni għaliex għamilt l-almu tiegħi biex dan jiġi evitat.

Min-naħa l-oħra, jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li jibqa', nittama li dan il-Parlament ser jiżgura wkoll li s-soluzzjoni miftiehma tiġi ttrasferita fil-leġislazzjoni meħtieġa u li din tidħol fis-seħħ.

Ippermettuli issa ndur fuq il-kriżi tal-migrazzjoni. Il-mexxejja qablu li l-pjan ta’ azzjoni konġunt tagħna mat-Turkija jibqa’ prijorità, u għandna nagħmlu ħilitna biex dan jirnexxi. Fl-aħħar mill-aħħar dan ifisser li l-ammont kbir ta' nies li għadna naraw għandu jonqos, u dan irid isir malajr. Din hija wkoll ir-raġuni għaliex iddeċidejna li norganizzaw laqgħa speċjali mat-Turkija fis-7 ta’ Marzu.

Id-diskussjoni fost il-mexxejja ffokat fuq il-bini ta’ kunsens f’din il-kriżi. Biex isir dan, l-ewwel għandna nevitaw li jkun hemm battalja fost il-pjanijiet A, B u C. Dan ma jagħmel l-ebda sens, peress li dan joħloq biss qasma fl-Ewropa mingħajr ma jqarribna lejn xi soluzzjoni. Minflok, għandna nfittxu sintesi ta’ approċċi differenti. Ma hemm l-ebda alternattiva tajba għal pjan Ewropew komprensiv.

It-tieni, reazzjoni Ewropea mhijiex biss dwar id-deċiżjonijiet li jittieħdu fi Brussell. Hija wkoll, u aktar minn hekk, dwar id-deċiżjonijiet meħudin fl-ibliet kapitali. Dan għandna naċċettawh, iżda fl-istess ħin jeħtieġ li nippruvaw intejbu l-koordinazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet. L-Unjoni Ewropea tinsab hawnhekk biex aħna lkoll nikkooperaw.

U fl-aħħar nett, irridu nirrispettaw ir-regoli u l-liġijiet li aħna lkoll adottajna flimkien. Dan jikkonċerna kemm id-deċiżjonijiet dwar ir-rilokazzjoni kif ukoll il-ħtieġa li gradwalment wieħed imur lura għal sitwazzjoni fejn il-membri kollha taż-żona Schengen japplikaw bis-sħiħ il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Ma hemm l-ebda dubju li jeħtieġ li nsaħħu mill-ġdid Schengen. Ser tiswa l-flus, tieħu ż-żmien u teħtieġ sforz politiku enormi. Ser ikun hemm pajjiżi li ma jkunux jistgħu jiffaċċjaw din l-isfida. Iżda l-Ewropa ser tkun hemm biex tgħinhom. Jeħtieġ li ninvestu f’Schengen, u mhux fil-kollass tiegħu. Il-futur tiegħu ser ikun wieħed mill-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu diskussi mill-mexxejja fis-7 ta’ Marzu.

Separatament, il-mexxejja kkonfermaw il-ħtieġa li jinżammu l-flussi tal-għajnuna umanitarja lejn is-Sirja kif ukoll lejn ir-refuġjati Sirjani fir-reġjun. Ilqajna l-konferenza tad-donaturi f’Londra fejn żewġ terzi tal-wegħdiet ġew mill-Ewropa. Il-mexxejja qablu li jaġixxu malajr biex jinħarġu EUR 3.3 biljun li ġew imwiegħda għall-2016, kif ukoll EUR 3 biljun li ntlaħaq qbil dwarhom biex jgħinu lir-refuġjati fit-Turkija. Din mhijiex biss responsabbiltà Ewropea. Għalhekk ser nkompli nibni rispons globali għal din il-kriżi fil-laqgħat tal-G7 u l-G20 aktar tard din is-sena.

Fl-aħħar nett, irrid nispiċċa b’talba biex ma nħallux il-maltempati jxekklu l-isforzi tagħna. Ma nistgħux sempliċiment nistennew u naraw. Dħalna fl-iktar żmien perikoluż tal-istorja Ewropea. Jeħtieġ li naġixxu b’determinazzjoni. Noqgħod fuq l-appoġġ tagħkom. Nirringrazzjakom. 

Kummenti ta' għeluq

Iż-żewġ kwistjonijiet li qegħdin niddiskutu llum: Is-soluzzjoni tar-Renju Unit u l-migrazzjoni huma strettament marbutin ma’ xulxin. Assolutament m’għandi l-ebda dubju li l-mod li bih ser ikollna niffaċċjaw/namministraw il-kriżi tal-migrazzjoni ser ikun importanti ħafna għall-kampanja tar-referendum. Kull min jixtieq iżomm l-għaqda tal-Unjoni Ewropea, l-għaqda tal-Punent kollu u min iħoss li sibna ruħna f'mument epiku għandu jappoġġa tali pjan komuni bl-akbar determinazzjoni possibbli.

Li rrid infisser bi pjan komuni hija l-implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjoni tagħna, ir-rispett sħiħ tal-kodiċi ta’ Schengen u l-azzjoni komuni mat-Turkija. Kull min jikser din l-għaqda li qed tirriżulta mill-kriżi tal-migrazzjoni, jistà fil-fatt jikkontribwixxi biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE.

Kif diġà għidt, is-soluzzjoni tar-Renju Unit ser tidħol fis-seħħ biss jekk il-poplu Brittaniku jivvota biex jibqa' fl-Unjoni. Jekk jivvutaw biex joħorġu, is-soluzzjoni tisfa fix-xejn. U ħadd m’għandu jkollu l-ebda illużjoni f’dan il-każ. Ma kienx wieħed ta’ bosta ċikli ta’ negozjati dwar is-soluzzjoni tar-Renju Unit fl-UE, kien l-ewwel u l-aħħar ċiklu. Mhux ser ikun hemm aktar. Nirringrazzjakom.