Dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE

Summit internazzjonali
  • 08/03/2016
  • 04:50
  • Brussell
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 111/16
  • Ġustizzja
  • Affarijiet Interni
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
08/03/2016
Kuntatti għall-istampa

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

Jüri Laas
Uffiċjal tal-istampa
+32 22815523
+32 470957561

1. Wara l-laqgħa tagħhom mal-Prim Ministru Davutoğlu, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE indirizzaw is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tar-rotta tal-Balkani tal-Punent. Huma laqgħu d-diskussjoni tagħhom mal-Prim Ministru Tork dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija u dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt. It-Turkija kkonfermat l-impenn tagħha fl-implimentazzjoni tal-ftehim bilaterali ta' riammissjoni Grieg-Tork biex jiġi aċċettat ir-ritorn rapidu tal-migranti kollha li ma jinħteġux protezzjoni internazzjonali li jaqsmu mit-Turkija għall-Greċja u li tieħu lura l-migranti rregolari kollha li jinqabdu fl-ibħra Torok.

Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern qablu li jinħtieġu passi kuraġġużi biex jingħalqu r-rotot għall-faċilitaturi tad-dħul klandestin ta' persuni, biex jinkiser il-mudell tan-negozju tal-faċilitaturi tad-dħul klandestin ta' persuni, biex jiġu protetti l-fruntieri esterni tagħna u biex tintemm il-kriżi tal-migrazzjoni fl-Ewropa. Jeħtieġ li neliminaw il-ħolqa bejn li wieħed jirkeb dgħajsa u li jiġi sistemat fl-Ewropa.

Dan huwa għaliex huma enfasizzaw l-importanza tal-attività tan-NATO fil-Baħar Eġew li bdiet tiffunzjona llum. Huma appellaw lill-membri kollha tan-NATO biex jappoġġawha attivament. Laqgħu b'entużjażmu l-proposti addizzjonali li saru llum mit-Turkija biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-migrazzjoni. Qablu li jaħdmu abbażi tal-prinċipji li fihom:

• li jiġu rritornati l-migranti rregolari ġodda kollha li jaqsmu mit-Turkija għall-gżejjer Griegi bl-ispejjeż koperti mill-UE;
• li, għal kull Sirjan riammess mit-Turkija mill-gżejjer Griegi, jiġi sistemat mill-ġdid Sirjan ieħor mit-Turkija lejn l-Istati Membri tal-UE, fi ħdan il-qafas tal-impenji eżistenti;
• li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Istati Membri kollha bil-ħsieb li jitneħħew ir-rekwiżiti ta' viża għaċ-ċittadini Torok sa mhux aktar tard mill-aħħar ta' Ġunju 2016;
• li jitħaffef l-iżburżar tat-3 biljun euro allokati inizjalment biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-ewwel sett ta' proġetti qabel l-aħħar ta' Marzu u li jkun hemm deċiżjoni dwar finanzjament addizzjonali għall-Faċilità għar-Refuġjati għas-Sirjani;
• li titħejja d-deċiżjoni dwar il-ftuħ ta' kapitoli ġodda fin-negozjati ta' adeżjoni kemm jista' jkun malajr, abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2015;
• li ssir ħidma mat-Turkija fi kwalunkwe sforz konġunt għat-titjib tal-kondizzjonijiet umanitarji fis-Sirja li jippermettu lill-popolazzjoni lokali u r-refuġjati jgħixu f'żoni li jkunu aktar sikuri.

Il-President tal-Kunsill Ewropew ser imexxi 'l quddiem dawn il-proposti u jelabora d-dettalji man-naħa Torka qabel il-Kunsill Ewropew ta' Marzu. Din il-ħidma ser tirrispetta l-liġi Ewropea u internazzjonali.

Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni tal-media fit-Turkija mal-Prim Ministru Tork.

2. Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern fakkru wkoll li l-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta' Frar, iddeċieda li jmur lura għal sitwazzjoni fejn il-Membri kollha taż-żona Schengen japplikaw bis-sħiħ il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, filwaqt li jieħdu kont tal-ispeċifiċitajiet tal-fruntieri marittimi, u biex itemmu l-approċċ ta' permissività. Il-flussi rregolari ta' migranti tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent issa ġew fi tmiemhom.

3. Sabiex dan ikun sostenibbli, tinħtieġ azzjoni fuq il-linji li ġejjin:

a) appoġġ lill-Greċja, f'dan il-mument diffiċli u nagħmlu ħilitna biex ngħinu fil-kontroll tas-sitwazzjoni li nqalgħet b'konsegwenza ta' dan l-iżvilupp. Din hija responsabbiltà kollettiva tal-UE li teħtieġ mobilizzazzjoni rapida u effiċjenti tal-mezzi u r-riżorsi disponibbli kollha tal-UE u tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri;

b) jingħata rispons immedjat u effettiv għas-sitwazzjoni umanitarja diffiċli ħafna li qed tiżviluppa rapidament fuq il-post. Il-Kummissjoni ser tipprovdi appoġġ ta' emerġenza urġenti, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Greċja, l-Istati Membri l-oħra u organizzazzjonijiet mhux governattivi abbażi ta' valutazzjoni, mill-Kummissjoni u l-Greċja, tal-ħtiġijiet u ta' pjan ta' kontinġenza u reazzjoni. F'dan il-kuntest, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern jilqgħu b'sodisfazzjon il-proposta mill-Kummissjoni dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fi ħdan l-UE u jappellaw lill-Kunsill biex jadottaha qabel il-Kunsill Ewropew ta' Marzu, biex b'hekk tikber il-firxa ta' strumenti finanzjarji li jistgħu jintużaw; huma jistiednu lill-awtorità tal-baġit biex tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa ta' segwitu;

c) tingħata aktar assistenza lill-Greċja fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni, inklużi dawk mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Albanija, u jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-hotspots, b'identifikazzjoni, reġistrazzjoni u kontrolli ta' sigurtà totali, u l-provvista ta' biżżejjed kapaċitajiet ta' akkoljenza. Il-Frontex ser tniedi sejħa addizzjonali għal uffiċjali mistiedna nazzjonali mill-aktar fis possibbli u l-Istati Membri kollha għandhom iwieġbu b'mod sħiħ sa mhux aktar tard mill-1 ta' April. Il-Europol ser jistazzjona b'mod rapidu uffiċjali mistiedna fil-hotspots kollha sabiex jissaħħu l-kontrolli tas-sigurtà u jiġu appoġġati l-awtoritajiet Griegi fil-ġlieda kontra l-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' persuni;

d) tingħata assistenza lill-Greċja biex jiġu żgurati ritorni komprensivi, fuq skala kbira u aċċellerati lejn it-Turkija tal-migranti irregolari kollha li m'għandhomx bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jibnu fuq il-ftehim ta' riammissjoni bejn il-Greċja u t-Turkija u, mill-1 ta' Ġunju, il-ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija;

e) jiġi aċċellerat b'mod sostanzjali r-ritmu tal-implimentazzjoni tar-rilokazzjoni biex jittaffa l-piż kbir li bħalissa qed iġġarrab il-Greċja. L-EASO ser iniedi sejħa oħra għal għarfien espert nazzjonali biex jappoġġa s-sistema Griega tal-asil u l-Istati Membri kollha għandhom iwieġbu malajr u bis-sħiħ. L-Istati Membri huma mistiedna wkoll jipprovdu aktar postijiet għar-rilokazzjoni bħala kwistjoni ta' urġenza. Il-Kummissjoni ser tipprovdi rapport kull xahar lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-impenji ta' rilokazzjoni;

f) titkompla l-kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi mhux tal-UE tal-Balkani tal-Punent u tiġi pprovduta kull assistenza meħtieġa;

g) jiġu implimentati l-impenji ta' risistemazzjoni eżistenti u titkompla l-ħidma għal programm volontarju kredibbli ta' ammissjoni umanitarja mat-Turkija;

h) tittieħed kwalunkwe miżura meħtieġa b'mod immedjat fir-rigward ta' kwalunkwe rotta ġdida li tinfetaħ, u tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-faċilitaturi ta' dħul klandestin;

i) jitmexxew 'il quddiem, bħala prijorità, l-elementi kollha tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għar-“ritorn lejn Schengen”, sabiex jintemmu l-kontrolli temporanji fuq il-fruntieri interni u jiġi stabbilit mill-ġdid il-funzjonament normali taż-żona Schengen qabel tmiem is-sena.

Dan id-dokument ma jistabbilixxi ebda mpenn ġdid għall-Istati Membri għal dawk li huma r-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni.

4. Dawn huma miżuri urġenti li għandhom jittieħdu fl-isfond tas-sitwazzjoni attwali fuq il-post u għandhom jinżammu taħt eżami. Il-Kunsill Ewropew ser jerġa' lura għall-kwistjoni tal-migrazzjoni fl-aspetti kollha tagħha fil-Kunsill Ewropew ta' Marzu sabiex ikompli jikkonsolida l-implimentazzjoni Ewropea konġunta tal-istrateġija komprensiva tagħna dwar il-migrazzjoni.