Kummenti mill-President Donald Tusk wara l-laqgħa tiegħu f'Nikosija mal-President Nicos Anastasiades

Kunsill Ewropew
  • 15/03/2016
  • 12:25
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 136/16
  • Affarijiet Interni
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
15/03/2016
Kuntatti għall-istampa

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

L-għodwa t-tajba. Nixtieq nibda billi nirringrazzja lilek, President Anastasiades, talli llum ilqajtni hawn f'Nikosija, u għal-laqgħa kostruttiva u sinċiera li għadu kemm kellna.

L-iskop prinċipali taż-żjara tiegħi llum f'Ċipru hu li niddiskutu passi oħrajn fil-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea mat-Turkija dwar kif nittrattaw il-kriżi tal-migrazzjoni. Ma ġejtx hawn biex nagħmel pressjoni fuq Ċipru. Qiegħed hawn biex nisma' l-pożizzjoni tagħkom qabel il-Kunsill Ewropew ta' din il-ġimgħa

Waqt is-summit tal-UE l-ġimgħa li għaddiet, iddiskutejna aktar tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħna mat-Turkija. Dan huwa pilastru importanti tal-istrateġija Ewropea komuni u komprensiva tagħna. Iżda qatt ma huwa għaqli li tibni fuq pilastru wieħed biss. M'għandniex, u m'aħniex ser nagħmlu hekk. Il-pilastri l-oħra tal-istrateġija Ewropea komuni tagħna tikkonsisti mir-ritorn lura għal Schengen u t-tmiem tal-politika permissiva, inkluż tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent. U wkoll iż-żieda qawwija fl-għajnuna umanitarja lill-pajjiżi l-aktar milquta, b'mod partikolari l-Greċja.

Il-ġimgħa li għaddiet ġejt inkarigat inħejji ftehim bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea dwar aktar tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħna fil-kriżi tal-migrazzjoni. Issa qed naħdem fuq id-dettalji. Hu għalhekk li llum ninsab hawn f’Nikosija. U għalhekk ser nibqa' sejjer Ankara llejla.

Il-proposta tat-Turkija li tfasslet flimkien mal-Ġermanja u man-Netherlands għad trid tiġi bbilanċjata sabiex tiġi aċċettata minn kull wieħed mit-28 Stat Membru u l-istituzzjonijiet tal-UE. L-għan hu li nikkonkludu n-negozjati nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa li ġejjin iżda għad fadlilna biex naslu. Wieħed mill-punti li jridu jissolvew huwa l-kwistjoni kruċjali tal-legalità. Jeħtieġ niżguraw li kwalunkwe skema ġdida ta' ritorn fuq skala kbira bejn il-Greċja u t-Turkija tikkonforma bis-sħiħ mal-liġi tal-UE u mal-impenji internazzjonali tagħna. Dan ifisser li rridu niżguraw li kulħadd jiġi eżaminat individwalment fil-Greċja qabel ma tittieħed deċiżjoni li jintbagħat lura t-Turkija. Ifisser ukoll li rridu niżguraw li l-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jirċievu protezzjoni xierqa fit-Turkija. Kwistjoni oħra li għandha tiġi indirizzata hija dik tar-rotot alternattivi possibbli mit-Turkija lejn pajjiżi oħra tal-UE bħal pereżempju l-Bulgarija. Dan irid jitqies ukoll biex il-ftehim ikun effettiv.

Iżda l-kooperazzjoni tagħna mat-Turkija tmur ferm lil hinn mill-migrazzjoni. Id-dinamika attwali toffri opportunità biex tingħata spinta ġdida lir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija. Iżda hawnhekk irrid inkun ċar. L-Unjoni Ewropea hija Unjoni ta’ 28 Stat Membru. Ċipru huwa importanti daqs il-Ġermanja, Franza, in-Netherlands jew kwalunkwe Stat Membru ieħor. Ebda pajjiż terz ma jista’ qatt ikun iktar importanti għalija minn kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħna. Għandna nużaw din l-opportunità u niżguraw li kulħadd igawdi minn din id-dinamika ġdida, inkluż Ċipru.

Fejn tidħol l-adeżjoni, irrid nagħmilha ċara li r-regoli ma nbidlux. Għadha tapplika l-istess kondizzjonalità stretta u l-progress xorta waħda ser ikun jeħtieġ il-qbil tat-28 kollha.

Dalgħodu ddiskutejna wkoll l-isforzi li qed isiru fin-negozjati għal soluzzjoni dwar Ċipru, li għandhom l-appoġġ sħiħ tiegħi. Smajt lill-President Anastasiades b'attenzjoni u assigurajtu li nifhmu tajjeb li n-negozjati jinsabu fi stadju importanti li kull azzjoni tal-UE hija orjentata biex tgħin f'dawn in-negozjati. Eżitu pożittiv appoġġat miż-żewġ naħat tal-gżira jkun iservi ta' bidu ġdid mhux biss għal Ċipru iżda għall-Ewropa kollha u għar-reġjun tal-madwar.

Nixtieq nikkonkludi b’kumment dwar l-irkupru ekonomiku ta' Ċipru. Tliet snin biss ilu kontu f'tarf ta' preċipizzju finanzjarju. Illum erġajtu tinsabu fuq saqajkom, mingħajr ma użajtu r-riżorsi kollha magħmula disponibbli għalikom minn sħabkom taż-żona tal-euro u mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Dan is-suċċess huwa l-frott tal-isforzi tagħkom stess. Huwa sinjal tajjeb għal Ċipru, għaż-żona tal-euro u għall-Ewropa. Grazzi ħafna.