Dikjarazzjoni UE-Turkija, 18 ta' Marzu 2016

  • 18/03/2016
  • Stqarrija għall-istampa
  • 144/16
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
18/03/2016
Kuntatti għall-istampa

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

Illum il-Membri tal-Kunsill Ewropew iltaqgħu mal-kontroparti Torka tagħhom. Din kienet it-tielet laqgħa minn Novembru 2015 'il hawn iddedikata lill-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-UE kif ukoll lill-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni.

Il-Membri tal-Kunsill Ewropew esprimew il-kondoljanzi l-aktar sinċieri tagħhom lill-poplu tat-Turkija wara l-attakk permezz ta' bomba f'Ankara l-Ħadd li għadda. Huma kkundannaw bis-saħħa dan l-att atroċi u tennew l-appoġġ kontinwu tagħhom għall-ġlieda kontra kull forma ta' terroriżmu.

It-Turkija u l-Unjoni Ewropea kkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni konġunt tagħhom attivat fid-29 ta' Novembru 2015. Diġà sar ħafna progress, inkluż il-ftuħ tas-suq tax-xogħol, min-naħa tat-Turkija, lis-Sirjani taħt protezzjoni temporanja, l-introduzzjoni ta' rekwiżiti ġodda għall-viżi għas-Sirjani u għal nazzjonalitajiet oħra, sforzi akbar mil-lat tas-sigurtà mill-gwardja tal-kosta u l-pulizija Torka u kondiviżjoni msaħħa tal-informazzjoni. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea bdiet l-iżborż tat-tliet biljun euro tal-Faċilità għal Refuġjati fit-Turkija għal proġetti konkreti u avvanzat il-ħidma għal-liberalizzazzjoni tal-viża u fir-rigward tad-diskussjonijiet dwar l-adeżjoni, inkluż il-ftuħ tal-Kapitolu 17 f'Diċembru li għadda. Barra minn hekk, fis-7 ta' Marzu 2016, it-Turkija qablet li taċċetta r-ritorn imħaffef tal-migranti kollha li ma jeħtiġux protezzjoni internazzjonali li qasmu mit-Turkija għall-Greċja u li jieħdu lura l-migranti irregolari kollha interċettati fl-ibħra Torok. It-Turkija u l-UE qablu wkoll li jkomplu jsaħħu l-miżuri kontra l-faċilitaturi ta' dħul klandestin tal-migranti u laqgħu l-istabbiliment tal-attività tan-NATO fil-Baħar Eġew. Fl-istess waqt it-Turkija u l-UE rrikonoxxew li jinħtieġu sforzi ulterjuri, rapidi u determinati.

Sabiex jitkisser il-mudell operattiv tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin u biex il-migranti jiġu offruti alternattiva għal dik fejn jpoġġu ħajjithom f'riskju, l-UE u t-Turkija llum iddeċidew li jtemmu l-migrazzjoni irregolari mit-Turkija lejn l-UE. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, qablu fuq il-punti ta' azzjoni addizzjonali li ġejjin:

1) Il-migranti irregolari ġodda kollha li jaqsmu mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi sa mill-20 ta' Marzu 2016 ser jiġu ritornati lit-Turkija. Dan ser issir f'konformità sħiħa mad-dritt tal-UE u dak internazzjonali, u b'hekk jiġi eskluż kwalunkwe tip ta' espulsjoni kollettiva. Il-migranti kollha ser jiġu protetti f'konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti u b'rispett lejn il-prinċipju tan-non-refoulement. Din ser tkun miżura temporanja u straordinarja li hija meħtieġa biex tintemm it-tbatija umana u jerġa' jkun hemm l-ordni pubbliku. Il-migranti li jaslu fil-gżejjer Griegi ser ikunu reġistrati kif dovut u kwalunkwe applikazzjoni għall-asil ser tkun ipproċessata individwalment mill-awtoritajiet Griegi f'konformità mad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil, b'kooperazzjoni mal-UNHCR. Il-migranti li ma japplikawx għall-asil jew li l-applikazzjonijiet tagħhom tinstab bħala infondata jew inammissibbli f'konformità mad-direttiva msemmija ser jiġu ritornati lit-Turkija. It-Turkija u l-Greċja, megħjuna mill-UNHCR kif ukoll mill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, ser jieħdu l-passi meħtieġa u jaqblu dwar kwalunkwe arranġament bilaterali neċessarju, inkluża l-preżenza ta' uffiċjali Torok fuq il-gżejjer Griegi u uffiċjali Griegi fit-Turkija sa mill‑20 ta' Marzu 2016, biex jiġi żgurat kollegament u b'hekk jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel ta' dawn l-arranġamenti. L-ispejjeż tal-operazzjonijiet ta' ritorn ta' migranti irregolari ser ikunu koperti mill-UE.

2) Għal kull Sirjan li jiġi ritornat lit-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor ser ikun risistemat mit-Turkija lejn l-UE b'kont meħud tal-Kriterji ta' Vulnerabilità tan-NU. Ser jiġi stabbilit mekkaniżmu, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, l-aġenziji tal-UE u Stati Membri oħra, kif ukoll il-UNHCR, biex jiġi żgurat li dan il-prinċipju jkun implimentat mill-istess jum li jibdew ir-ritorni. Ser tingħata prijorità lil migranti li ma kinux daħlu jew ippruvaw jidħlu b'mod irregolari fl-UE qabel. Min-naħa tal-UE, ir-risistemazzjoni skont dan il-mekkaniżmu ser issir, primarjament, billi jkunu rispettati l-impenji meħuda mill-Istati Membri fil-konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015, li minnhom fadal 18.000 post għal risistemazzjoni. Kwalunkwe ħtieġa oħra ta' risistemazzjoni ser titwettaq permezz ta' arranġament volontarju simili sa massimu ta' 54.000 persuna aktar. Il-Membri tal-Kunsill Ewropew jilqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi emenda għad-deċiżjoni ta' rilokazzjoni tat-22 ta' Settembru 2015 sabiex tippermetti li kwalunkwe impenn ta' risistemazzjoni meħud fil-qafas ta' dan l-arranġament ikun ikkumpensat bi tnaqqis mill-postijiet li ma ġewx allokati skont id-deċiżjoni. F'każ li dawn l-arranġamenti ma jissodisfawx l-objettiv li tintemm il-migrazzjoni irregolari u l-għadd ta' ritorni ma jqarribx l-għadd previst hawn fuq, dan il-mekkaniżmu jiġi rieżaminat. F'każ li l-għadd ta' ritorni jaqbeż il-kwantitajiet previsti hawn fuq, dan il-mekkaniżmu ma jitkompliex.

3) It-Turkija ser tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex ma tħallix rotot ġodda ta' migrazzjoni illegali bil-baħar jew fuq l-art jinfetħu mit-Turkija lejn l-UE, u ser tikkoopera mal-istati ġirien kif ukoll mal-UE għal dan il-għan.

4) Meta l-qsim irregolari tal-fruntieri bejn it-Turkija u l-UE jkun qed jieqaf jew għall-anqas ikun tnaqqas sostanzjalment u b'mod sostenibbli, ser tiġi attivata Skema Volontarja għall-Ammissjoni Umanitarja. L-Istati Membri tal-UE ser jikkontribwixxu għal din l-iskema fuq bażi volontarja.

5) L-issodisfar tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża ser titħaffef fir-rigward tal-Istati Membri parteċipanti kollha bil-ħsieb li l-obbligu ta' viża għaċ-ċittadini Torok jitneħħa sa mhux aktar tard mill-aħħar ta' Ġunju 2016, dment li jkunu ġew issodisfati l-parametri referenzjarji kollha. Għal dan il-għan, it-Turkija ser tieħu l-passi meħtieġa biex tissodisfa r-rekwiżiti li fadal li jippermettu lill-Kummissjoni, wara li tiġi vvalutata kif meħtieġ il-konformità mal-punti ta' riferiment, tagħmel proposta xierqa sal-aħħar ta' April li fuq il-bażi tagħha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni finali.

6) L-UE, b'kollaborazzjoni mill-qrib mat-Turkija, ser tħaffef aktar l-iżborż tat-3 biljun euro allokati inizjalment skont il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija u tiżgura l-iffinanzjar ta' aktar proġetti għal persuni taħt protezzjoni temporanja identifikati b'informazzjoni mogħtija malajr mit-Turkija. L-ewwel lista ta' proġetti konkreti għar-refuġjati, speċjalment fil-qasam tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-infrastruttura, l-ikel u spejjeż oħra għall-għajxien, li jistgħu jiġu ffinanzjati rapidament mill-Faċilità, ser tiġi identifikata b'mod konġunt fi żmien ġimgħa. Meta dawn ir-riżorsi jkunu waslu biex jintużaw kollha, u dment li jintlaħqu l-impenji msemmija hawn fuq, l-UE ser timmobilizza finanzjamenti addizzjonali għall-Faċilità ta' 3 biljun euro aktar sa tmiem l-2018.

7) L-UE u t-Turkija laqgħu l-ħidma li għaddejja dwar titjib tal-Unjoni Doganali.

8) L-UE u t-Turkija kkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jagħtu spinta ġdida lill-proċess ta' adeżjoni kif stipulat fid-dikjarazzjoni konġunta tad-29 ta' Novembru 2015. Huma laqgħu l-ftuħ tal-Kapitolu 17 fl-14 ta' Diċembru 2015 u, bħala pass li jmiss, iddeċidew li jiftħu l-Kapitolu 33 waqt il-Presidenza Netherlandiża. Huma laqgħu l-fatt li l-Kummissjoni ser tressaq proposta għal dan il-għan f'April. Il-ħidma preparatorja għall-ftuħ ta' Kapitoli oħra ser tkompli b'pass mgħaġġel mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri f'konformità mar-regoli eżistenti.

9) L-UE u l-Istati Membri tagħha ser jaħdmu mat-Turkija fi kwalunkwe sforz konġunt għat-titjib tal-kundizzjonijiet umanitarji fis-Sirja, b'mod partikolari f'ċerti żoni qrib il-fruntiera Torka li jippermetti lill-popolazzjoni lokali u r-refuġjati jgħixu f'żoni li jkunu aktar sikuri.

Dawn l-elementi kollha ser jitwettqu b'mod parallel u jsirilhom monitoraġġ konġunt kull xahar.

L-UE u t-Turkija ddeċidew li jerġgħu jiltaqgħu kif meħtieġ skont id-dikjarazzjoni konġunta tad-29 ta' Novembru 2015.