Dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri tal-UE għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-attakki terroristiċi fi Brussell tat-22 ta’ Marzu 2016

Kunsill tal-UE
  • 24/03/2016
  • 19:10
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 158/16
  • Ġustizzja
  • Affarijiet Interni
24/03/2016
Kuntatti għall-istampa

Romain Sadet
Uffiċjal tal-istampa (Ġustizzja; Komunikazzjonijiet korporattivi)
+32 22818914
+32 473865437

Aħna xxukkjati bl-attakki fi Brussell tat-22 ta' Marzu 2016. Aħna mwaħħxa b'dawn l-atti terroristiċi orribbli li nikkundannaw bil-qawwa. Aħna nestendu l-akbar mogħdrija u l-kondoljanzi tagħna lill-vittmi ta' dawn l-attakki, lill-familji u lill-ħbieb tagħhom. Aħna nesprimu l-appoġġ tagħna u s-solidarjetà lejn il-Belġju, il-poplu tiegħu u, b'mod partikolari, il-belt ta' Brussell. Aħna determinati fil-ġlieda komuni tagħna kontra t-terroriżmu. Kif iddikjarat mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern u l-mexxejja tal-istituzzjonijiet Ewropej, dan huwa attakk fuq is-soċjetà miftuħa u demokratika tagħna. Aħna ser insostnu wkoll il-valuri tagħna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Illum, aħna smajna mingħand l-awtoritajiet Belġjani kif qed jiffaċċjaw din il-kriżi u ddiskutejna x'tagħlimiet għandhom jiġu meħuda minn xejriet rikorrenti f'attakki terroristiċi u f'netwerks ta' appoġġ.

Fid-dawl ta' dawn l-avvenimenti, u waqt li nirrikonoxxu li diġà sar progress sostanzjali fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE sabiex tissaħħaħ il-kapaċità kollettiva tagħna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Ministri huma konvinti mill-bżonn li:

1.             jżidu aktar fuq l-isforzi nazzjonali konġunti biex jiġu investigati, b' mod urġenti, in-netwerks involuti fl-attakki ta' Pariġi u Brussell u netwerks oħra simili.

2.             jadottaw id-Direttiva dwar il-PNR f'April 2016 u jimplimentawha b'urġenza, biex b'hekk jiġi żgurat li l-unitajiet ta' informazzjoni dwar il-passiġġieri (PIUs) ikollhom skambju ta' data bejniethom mill-aktar fis possibbli.

3.             ikomplu bil-ħidma attwali b'mod riżolut: tlestija rapida tal-leġislazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, kontrolli sistematiċi fil-fruntieri esterni taż-żona Schengen, dwar il-kontroll fuq l-akkwist u l-pussess ta' armi tan-nar, dwar l-estensjoni tas-sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS) għal ċittadini ta' pajjiżi terzi; l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; il-ġlieda kontra l-frodi tad-dokumenti u l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli eżistenti tal-UE dwar prekursuri tal-isplussivi; u l-kooperazzjoni ulterjuri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija u l-pajjiżi tat-Tramuntana tal-Afrika, il-Lvant Nofsani u l-Balkani tal-Punent.

4.             jikkondividu informazzjoni mal-awtoritajiet u l-operaturi tat-trasport kif xieraq, biex ikunu jistgħu jitwettqu evalwazzjonijiet tar-riskju b'mod effikaċi u effiċjenti, u biex ikunu jistgħu jiġu adattati kif meħtieġ miżuri ta' mitigazzjoni għal theddid potenzjali għat-trasport.

5.             jżidu b'urġenza l-kontribut sistematiku, l-użu konsistenti u l-interoperabbiltà ta' bażijiet ta' data Ewropej u internazzjonali fl-oqsma tas-sigurtà, l-ivvjaġġar u l-migrazzjoni billi jsir użu sħiħ tal-iżviluppi teknoloġiċi u li jinkludu mill-bidu nett salvagwardji għall-privatezza. Dan huwa partikolarment rilevanti għal verifika affidabbli tal-identità. Il-Kummissjoni fil-ġimgħat li ġejjin ser tippreżenta komunikazzjoni dwar il-fruntieri intelliġenti u l-interoperabbiltà. F'dan il-kuntest, għandha tiġi aċċellerata l-ħidma fuq l-iżvilupp ta' sistema awtomatizzata ta' rikonoxximent tal-marki tas-swaba' madwar l-Ewropa kollha, integrata fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS). Il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, il-Presidenza, il-Kummissjoni, l-aġenziji rilevanti u l-esperti ser jingħaqdu biex sa Ġunju 2016 jippreżentaw riżultati konkreti, b'mod partikolari biex jitjiebu l-ġbir, il-verifika u l-konnessjoni ta' informazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

6.             isibu modi, bħala kwistjoni ta' prijorità, biex jiżguraw u jiksbu evidenza diġitali aktar malajr u b' mod aktar effettiv, billi l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' fornituri tas-servizzi li huma attivi fit-territorju Ewropew tiġi intensifikata, sabiex tissaħħaħ il-konformità mal-leġislazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri u l-kuntatti diretti mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Fil-laqgħa tal-Kunsill f'Ġunju ser jiġu identifikati miżuri konkreti biex din il-kwistjoni kumplessa tiġi indirizzata.

7.             ikomplu jiżviluppaw miżuri preventivi effettivi, speċjalment billi titjieb l-individwalizzazzjoni bikrija ta' sinjali ta' radikalizzazzjoni fil-livell lokali, u billi tiġi opposta r-retorika tad-Daesh b'mod partikolari permezz ta' strateġiji ta' komunikazzjoni u li jiġu żviluppati programmi robusti ta' riabilitazzjoni. In-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni u n-Netwerk għall-Komunikazzjoni Strateġika ser ikomplu jsaħħu l-appoġġ tagħhom għall-prattikanti, is-soċjetà ċivili u l-Istati Membri f'dan ir-rigward. Il-Kummissjoni ser tintensifika l-ħidma mal-kumpaniji tal-IT, b'mod partikolari fil-Forum tal-UE dwar l-Internet, għall-ġlieda kontra l-propaganda terroristika u sa Ġunju 2016 jiġi żviluppat kodiċi ta' kondotta kontra d-diskors ta' mibegħda online.

8.             jappoġġaw bis-sħiħ il-ħidma tal-Grupp Kontra t-Terroriżmu (CTG), b'mod partikolari billi jiġi aċċellerat aktar l-istabbiliment ta' pjattaforma ddedikata għal skambju ta' informazzjoni multilaterali f'ħin reali.

9.             jużaw b'mod aktar regolari Timijiet Konġunti ta' Investigazzjoni, li wrew l-utilità tagħhom wara l-attakki f'Pariġi, biex jiġu kkoordinati l-investigazzjonijiet u tinġabar u jsir skambju tal-evidenza.

10.           jistabbilixxu grupp konġunt ta' esperti nazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu fiċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu (ECTC) tal-Europol biex jiġu appoġġati l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri fl-investigazzjoni tad-dimensjonijiet aktar wiesgħa Ewropej u internazzjonali tat-theddida terroristika attwali, li għalih l-Istati Membri huma mistiedna jissekondaw esperti. Dan il-grupp ser juża l-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Europol biex jimmonitorja t-theddida minn ġellieda barranin, il-flussi tal-finanzjament tat-terroriżmu u tal-armi tan-nar illegali, u l-propaganda online.