Il-kodiċi tal-fruntieri ta' Schengen: Il-Kunsill jadotta regolament biex jissaħħu l-verifiki fil-fruntieri esterni

Kunsill tal-UE
  • 07/03/2017
  • 10:40
  • Stqarrija għall-istampa
  • 113/17
  • Affarijiet Interni
07/03/2017
Kuntatti għall-istampa

Veronica Huertas Cerdeira
Uffiċjal tal-istampa (Affarijiet interni; Koordinazzjoni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu)
+32 22814548
+32 470882199

Fis-7 ta' Marzu 2017, il-Kunsill adotta regolament li jemenda l-kodiċi tal-fruntieri ta’ Schengen biex jissaħħu l-verifiki ma’ bażijiet tad-data rilevanti fil-fruntieri esterni.

"It-tisħiħ tal-kontrolli tal-fruntieri esterni tagħna huwa għodda importanti għall-ġlieda kontra t-theddida tat-terroriżmu fl-Ewropa u t-titjib tas-sigurtà taċ-ċittadini tagħna. Verifiki sistematiċi fil-fruntieri esterni ser jipprovdulna mezz biex jiġu indirizzati r-riskji potenzjali għas-sigurtà interna, inkluż dawk maħluqa minn ġellieda terroristi barranin li jirritornaw."

Carmelo Abela, il-Ministru Malti għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali

Din l-emenda tobbliga lill-istati membri jwettqu verifiki sistematiċi ma' bażijiet tad-data rilevanti fuq il-persuni kollha, inkluż dawk li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont id-dritt tal-UE (jiġifieri ċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familji tagħhom li mhumiex ċittadini tal-UE) meta dawn jaqsmu l-fruntieri esterni. Il-bażijiet tad-data li ser jintużaw biex jitwettqu l-verifiki jinkludu s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) u l-bażi tad-data tal-Interpol tad-dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa (SLTD). Il-verifiki ser jippermettu wkoll lill-istati membri jivverifikaw li dawk il-persuni mhumiex ta' theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna jew is-saħħa pubblika. Dan l-obbligu għandu japplika fil-fruntieri esterni kollha (tal-ajru, tal-baħar u tal-art), kemm mad-dħul kif ukoll mal-ħruġ.

Madankollu, fejn il-konsultazzjoni sistematika tal-bażijiet tad-data tista’ twassal għal impatt sproporzjonat fuq il-fluss tat-traffiku fi fruntiera tal-baħar jew tal-art, l-istati membri jistgħu jwettqu biss verifiki mmirati mal-bażijiet tad-data, sakemm dan ma jwassalx għal riskji marbuta mas-sigurtà interna, l-ordni pubbliku, jew ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-istati membri, jew joħloq theddida għas-saħħa pubblika.

Fir-rigward tal-fruntieri tal-ajru, l-istati membri jistgħu jwettqu biss verifiki mmirati mal-bażijiet tad-data għal perijodu transitorju ta’ sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tar-regolament. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż b'mhux aktar minn 18-il xahar f’każijiet eċċezzjonali u speċifiċi, fejn ikun hemm diffikultajiet infrastrutturali li jeħtieġu perijodu itwal ta’ żmien biex isiru l-bidliet meħtieġa.

Il-passi li jmiss

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew issa jeħtieġ li jiffirmaw ir-regolament adottat. It-test iffirmat ser jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u jidħol fis-seħħ 20 jum wara.

Kuntest

Dan ir-regolament li jemenda l-kodiċi tal-fruntieri ta’ Schengen (SBC) ġie ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f'Diċembru 2015. Huwa reazzjoni għaż-żieda fit-theddid terroristiku u l-appell mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 u l-20 ta' Novembru 2015 għal reviżjoni mmirata tal-SBC fil-kuntest tar-reazzjoni għal "ġellieda terroristi barranin''.

Filwaqt li l-istati membri diġà huma obbligati li jwettqu verifiki b'mod sistematiku fuq iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi mad-dħul bl-użu tal-bażijiet tad-data kollha għal raġunijiet ta' ordni pubbliku u sigurtà interna, id-dispożizzjonijiet attwali ma jipprevedux tali verifiki mal-ħruġ bl-użu tal-bażijiet tad-data kollha. Barra minn hekk, persuni li jgawdu d-dritt ta’ moviment liberu huma soġġetti għal verifika minima sabiex tiġi stabbilita l-identità tagħhom. Din l-emenda ser tallinja l-obbligi li jitwettqu verifiki sistematiċi kemm mad-dħul kif ukoll mal-ħruġ fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll persuni li jgawdu d-dritt ta’ moviment liberu.

Din l-emenda tipprevedi użu akbar tal-bażi tad-data tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, dik tal-Interpol tad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa u l-bażijiet tad-data nazzjonali sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-UE u ċ-ċittadini tagħha.