Diskors mill-President Donald Tusk lill-Ispeakers tal-Parlamenti tal-UE f’Ruma

Kunsill Ewropew
  • 17/03/2017
  • 17:20
  • Diskors
  • 140/17
  • Affarijiet istituzzjonali
17/03/2017
Kuntatti għall-istampa

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

Huwa impossibbli li tkun mistieden tas-Senato della Repubblica u ma tħossx l-istorja maqbuda ġewwa l-ħitan ta' Palazzo Madama. Nitfakkru mhux biss fid-drama politika li kulħadd issa qed jgħix ta' kuljum, iżda wkoll f'sekli ta’ avvenimenti kbar li huma ċ-ċertifikat tat-twelid tal-Ewropa. Pereżempju, Cicerone denuncia Catilina ta' Cesare Maccari - wieħed mill-kapulavuri li jżejjen il-ħitan tas-Senat - huwa assolutament perfett għal-lum. Huwa allegorija politika tat-taqbida tal-istituzzjonijiet demokratiċi kontra l-populiżmu, u r-rebħa ta' waħda fuq l-oħra.

Ifakkarna, l-ewwel nett, li s-saħħa ta’ kwalunkwe komunità politika tiddependi mir-rieda tagħha li tibqa' ħajja, mill-enerġija u l-intelliġenza tagħha. U t-tieni, li fit-taqbida politika Darwinjana, il-kliem dejjem kien, u dejjem ser ikun, l-iktar arma b’saħħitha.

Ċiċerun qal, "Il-libertà hija l-parteċipazzjoni fil-poter". Anke l-Griegi u r-Rumani tal-qedem tqabdu mal-problema ta’ x’verament tfisser li tkun liberu. Sittin sena ilu, statisti minn sitt pajjiżi ddeċidew li l-unika libertà vera kienet il-libertà li jieħdu azzjoni flimkien. Fi kliem ieħor, is-sovranità kienet tfisser li jkollhom post mal-mejda. Huwa għalhekk li fl-1957 ġie ffirmat it-Trattat ta’ Ruma. Inzerta li jien twelidt fl-istess sena, u li r-realtà mibnija fuq it-Trattat ta’ Ruma hija ħajti kollha. U ma naħsibx li għandi għalfejn ngħidilkom kemm huwa importanti għalija personalment li ninsab hawn magħkom illum.

Ċertament, kollox jidher iktar nobbli, deliberat u meqjus mill-perspettiva tal-lum. Hemm tendenza li niftakru f’dawk li ffirmaw it-Trattat ta’ Ruma bħala ġenji tal-politika u evanġelisti ta’ Ewropa Magħquda. Il-verità hija li huma kienu mexxejja bid-dubji privati tagħhom, taħt pressjoni inkredibbli mill-avvenimenti u fi stat ta’ vulnerabbiltà profonda. In-nuqqas ta' setgħa kollettiv tal-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija ġegħilhom jingħaqdu flimkien. L-alternattivi kienu estremament koroh. U l-orrur tal-qerda tal-gwerra kien għadu jidher ċar kuljum.

Il-vulnerabbiltà ta’ dawn il-pajjiżi Ewropej imbeżża’ tathom l-umiltà, il-luċidità u l-għerf kbir biex jingħaqdu flimkien u jiffirmaw it-Trattat ta’ Ruma. Dan ta bidu għal proċess li minn dak iż-żmien ’l hawn ġab ħafna aktar pajjiżi lura mill-ġdid għal-libertà u l-prosperità, fil-Lvant u l-Punent. Għenna nifhmu li meta l-Ewropa tkun dgħajfa, il-pajjiżi individwali tagħha jkunu dgħajfa. Jekk l-Ewropa tkun b’saħħitha, l-Istati Membri tagħha jkunu b’saħħithom. Huwa biss billi nkunu magħquda flimkien li nistgħu nwettqu s-sovranità tagħna - inkunu verament liberi - fil-bqija tad-dinja. Kien hekk dak iż-żmien, u għadu jgħodd illum. U ser ikun hekk ukoll sittin sena oħra.

It-Trattat ta’ Ruma rebaħ, ukoll minħabba li nħoloq u twettaq minn gvernijiet ibbażati fuq il-kunsens demokratiku. Il-parlamenti nazzjonali - li intom ir-rappreżentanti tagħhom - għalhekk silfu s-setgħat tagħhom lill-komunità Ewropea bil-messaġġ: "Jekk jogħġobkom ħudu azzjoni fl-interess komuni tagħna". Dan kien self li minn dak iż-żmien ’l hawn tħallas lura bl-imgħax, anke jekk hemm xi diżappunti u dewmien.

Xi ħadd darba qal li l-Ewropa hija bħal siġra. Tikber kuljum iżda qatt ma taraha tikber. Huwa sentiment pjuttost romantiku, iżda xorta minnu. Miż-żerriegħa tat-Trattat ta’ Ruma kibru bidliet li tant biddlu d-dinja ta' madwarna li bosta nies lanqas jistgħu jiftakru aktar kif kienu l-affarijiet qabel. It-Trattat tana mħuħ miftuħa u soċjetajiet miftuħa. U naturalment l-akbar suq tad-dinja għall-prosperità tagħna. Bħala żagħżugħ li kbirt fid-dell tal-Purtiera tal-Ħadid, dawn l-affarijiet kienu kważi impossibbli għalija li nimmaġinahom, għalkemm kelli l-ħolm tiegħi li xi darba setgħu jseħħu.

L-anniversarju tal-ġimgħa d-dieħla huwa okkażjoni ta' riflessjoni serja daqs kemm huwa ta' ċelebrazzjoni. Anke jekk nistgħu naraw li l-ġrieħi ekonomiċi tagħna qed ifiequ bil-mod, ħafna nies għadhom qed jiddispraw dwar l-iskala u l-għadd ta’ sfidi li għandna quddiemna. L-akbar waħda hija t-tluq tar-Renju Unit fi żmien sentejn minn Stat Membru tal-UE. L-aħjar rispons għal dawn iż-żminijiet diffiċli huwa li nerġgħu nsibu l-umiltà, il-luċidità u l-għerf tal-firmatarji oriġinali. Imbagħad biss inkunu nistgħu nagħmlu l-għażliet it-tajbin dwar il-futur. Għaliex il-passat jgħallimna li l-Ewropa tkun fl-aħjar tagħha u l-aktar kreattiva meta tkun l-aktar vulnerabbli, tinstema' kemm tinstema' paradossali. Hija tagħti ħafna iktar riżultati b’ambizzjoni modesta u paċenzjuża milli b'viżjonijiet grandjużi.

Din hija raġuni waħda għaliex jiena kuntent li l-President tal-fondazzjoni De Gasperi, Maria Romana De Gasperi, illum kienet hawnhekk magħna. Issa huwa żmien perfett biex infakkru l-kliem famuż ta’ missierha: "Il-futur mhux ser jinbena permezz tal-forza, u lanqas bix-xewqa tal-konkwista, iżda bl-applikazzjoni paċenzjuża tal-metodu demokratiku, l-ispirtu kostruttiv tal-ftehim u r-rispett lejn il-libertà." Forsi dan il-kliem mhux drammatiku biżżejjed fl-era tal-politika permezz ta' Twitter. Iżda xorta napprezza l-verità u l-forza tiegħu. Xorta nemmen li huwa biżżejjed biex jiggwidana minn hawnhekk. Grazzi. Grazie