Ara l-kontenut
Abbonament bl-email
  • 25/03/2017
  • 11:20
  • Diskors
  • 154/17
  • Affarijiet istituzzjonali

Jien twelidt eżattament 60 snin ilu, u għalhekk tal-istess età tal-Komunità Ewropea. Minħabba f'hekk, jekk jogħġobkom illum ippermettuli riflessjoni aktar personali. Kif tafu, kultant il-post tat-twelid huwa aktar importanti mid-data tat-twelid. Fil-każ tiegħi, din hija l-belt ta' Gdańsk, mibnija persistentement għal mijiet ta' snin minn Pollakki u Ġermaniżi, mill-Olandiżi, mil-Lhud, mill-Iskoċċiżi u l-Franċiżi. Fl-1945, inċidentalment ukoll fix-xahar ta' Marzu, fi ftit jiem Hitler u Stalin qerdu belt twelidi. Inqerdet għalkollox min-nirien.

Kelli 8 snin meta l-Komunità waqqfet kunsill wieħed u kummissjoni waħda permezz tat-Trattat li Jgħaqqad; it-triq li kont ngħaddi minnha kuljum biex immur l-iskola kienet għadha tgħaddi mill-fdalijiet tal-belt maħruqa. Għalija, it-Tieni Gwerra Dinjija mhix xi ħaġa astratta.

Fl-1980, sena wara l-ewwel elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, fi Gdańsk tiegħi, twieled il-moviment tas-Solidarjetà, Solidarność, . Jien kont hemm dakinhar, fit-tarzna ta’ Gdańsk, fost il-ħaddiema, flimkien ma’ Lech Wałęsa, li kellu l-kuraġġ ilissen b'leħen sod il-verità dwar l-ħolm tagħna fil-konfront tar-reġim komunista. Kien ħolm sempliċi: dwar id-dinjità umana, dwar il-libertà u d-demokrazija. Dak iż-żmien, ilkoll konna nħarsu lejn il-Punent, lejn Ewropa ħielsa u ta' għaqda, u b'mod istintiv konna nħossu li dan kien propju l-futur li konna noħolmu bih. U għalkemm intbagħtu tankijiet u truppi kontrina, dak il-ħolm baqa' ħaj.

Meta fl-1987 daħal fis-seħħ l-Att Uniku Ewropew (il-bidu tas-Suq Uniku), fil-Polonja konna qed inħejju ruħna għall-battalja finali. Solidarność rebaħ, u ftit wara, il-Ħajt ta' Berlin waqa' wkoll: u t-triq għall-Ewropa nfetħet għalina. U xi 20 snin wara, diġà bħala Prim Ministru Pollakk, kont qed niftaħ l-aktar stadium modern fl-Ewropa, naturalment f'belt twelidi Gdańsk. Il-belt, li sadattant kienet inbniet kompletament mill-ġdid u kienet sabiħa aktar minn qatt qabel. Pajjiżi kien diġà ilu 8 snin fl-Unjoni Ewropea.

Qed infakkar din il-ġrajja qasira fl-istorja llum unikament sabiex nagħmel lil kulħadd konxju li għal miljuni ta’ nies, u llum dawk il-miljuni ser ikunu qed jipparteċipaw f'dimostrazzjonijiet fit-toroq tal-ibliet kapitali tagħna, f’Ruma, f’Varsavja, saħansitra f'Londra, l-Unjoni Ewropea mhix dwar slogans, mhix dwar proċeduri, mhix dwar regolamenti. L-Unjoni tagħna hija garanzija li l-libertà, id-dinjità, id-demokrazija u l-indipendenza ma għadhomx biss fil-ħolm tagħna, iżda r-realtà ta' kuljum tagħna.

Għext aktar minn nofs ħajti wara l-Purtiera tal-Ħadid, fejn saħansitra kien ipprojbit li wieħed joħlom dwar dawk il-valuri. Iva, dak iż-żmien, dik kienet tassew Ewropa li timxi b'żewġ ritmi differenti. U huwa għalhekk li llum għandi l-jedd li ntenni b'vuċi għolja din il-verità sempliċi: li f'ħajjitna ma ningħataw xejn għal dejjem - li biex tibni dinja ħielsa tieħu l-ħin u trid tagħmel sforzi u sagrifiċċji kbar. Huwa minħabba f'hekk li dan inkiseb f'daqstant ftit postijiet fid-Dinja. U madanakollu rnexxielna. Huwa tassew faċli li t-tali dinja ħielsa tinqered. Dan jista' jsir f'tebqa t'għajn. Kif ġara darba, f'Gdańsk tiegħi.

Illum f’Ruma aħna qegħdin inġeddu l-alleanza unika ta’ nazzjonijiet ħielsa li tnediet 60 sena ilu mill-predeċessuri kbar tagħna. F’dak iż-żmien ma ddiskutewx il-veloċità multipla, ma ħasbux għall-ħruġ, iżda minkejja ċ-ċirkustanzi traġiċi tal-istorja reċenti, huma poġġew il-fiduċja tagħhom kollha fl-unità tal-Ewropa. Kellhom il-kuraġġ li kellu Kolombu meta daħal fl-ilmijiet mhux magħrufa, biex jiskopri d-Dinja l-Ġdida.

U għalhekk għiduli: għalfejn għandna nitilfu l-fiduċja tagħna fl-għan tal-għaqda llum? Huwa biss minħabba li din saret ir-realtà tagħna? Jew minħabba li din saret iddejjaqna jew għajjejna minnha?

L-Ewropa bħala entità politika jew ser tkun magħquda, jew inkella mhi ser teżisti. Ewropa magħquda biss tista’ tkun Ewropa sovrana għall-bqija tad-dinja. U Ewropa sovrana biss tiggarantixxi l-indipendenza għan-nazzjonijiet tagħha, tiggarantixxi l-libertà għaċ-ċittadini tagħha. L-unità tal-Ewropa mhijiex mudell burokratiku. Hija sett ta’ valuri komuni u standards demokratiċi. Illum mhuwiex biżżejjed li nappellaw għall-unità u li nipprotestaw kontra veloċitajiet multipli. Huwa ħafna iktar importanti li aħna lkoll nirrispettaw ir-regoli komuni tagħna bħad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda, l-ekwilibriju tas-setgħat, u l-istat tad-dritt. Dan huwa l-pedament veru tal-għaqda tagħna.

L-Unjoni wara Ruma għandha tkun, iktar minn qatt qabel, Unjoni tal-istess prinċipji, Unjoni ta' sovranità esterna, Unjoni ta’ għaqda politika. Uru llum li intom il-mexxejja tal-Ewropa, li qegħdin tieħdu ħsieb dan il-wirt kbir li writna mingħand l-eroj tal-integrazzjoni Ewropea 60 sena ilu. Grazzi