Minerali ta' kunflitt: Il-Kunsill jadotta regoli ġodda biex jitnaqqas il-finanzjament ta' gruppi armati

  • 03/04/2017
  • 10:15
  • Stqarrija għall-istampa
  • 181/17
  • Kummerċ internazzjonali u dwana
03/04/2017
Kuntatti għall-istampa

Maria Tomasik
Uffiċjal tal-istampa
+32 (0)2 281 24 63
+32 (0)470 88 23 83

Fit-3 ta' April 2017, il-Kunsill adotta regolament bil-mira li jitwaqqaf il-finanzjament ta' gruppi armati permezz tal-kummerċ fil-minerali ta’ kunflitt.

Ir-regolament jobbliga lill-kumpanniji tal-UE li jġibu l-importazzjonijiet tagħhom tal-landa, it-tantalju, it-tungstenu u d-deheb b'mod responsabbli u li jiżguraw li l-katini ta' provvista ma jagħtux kontribut għall-finanzjament ta' kunflitti armati. Dawn ir-regoli ta' 'diliġenza dovuta' ser isiru vinkolanti mill-1 ta' Jannar 2021, għalkemm l-importaturi qed jiġu mħeġġa japplikawhom mill-aktar fis possibbli.

Il-landa, it-tantalju, it-tungstenu u d-deheb jistgħu jintużaw fi prodotti ta' kuljum bħat-telefons ċellulari, il-karozzi jew il-ġojjellerija. F'żoni milqutin minn kunflitt jew fejn hemm riskju għoli, il-gruppi armati sikwit jużaw xogħol furzat biex iħaffru għal dawn il-minerali li mbagħad ibigħu biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom. Billi tiġi żgurata t-traċċabilità tal-prodott, ir-regolament għandu l-għan li jneħħi sors ewlieni tad-dħul tagħhom.

Ir-regolament jinkludi obbligi ċari biex is-sorsi jiġu akkwistati b'mod responsabbli għall-parti 'upstream' tal-proċess ta’ produzzjoni, li tinvolvi l-estrazzjoni u r-raffinar ta' dawn il-minerali. Mill-inqas 95% tal-importazzjonijiet kollha tal-UE ta' metalli u minerali ser ikunu koperti, filwaqt li importaturi ta' volum żgħir ser ikunu eżentati. L-awtoritajiet kompetenti ser iwettqu verifiki biex jiżguraw li l-importaturi tal-UE ta' minerali u metalli jħarsu l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tieħu għadd ta' miżuri oħrajn biex tkompli tagħti spinta lid-diliġenza dovuta minn kumpaniji 'downstream' kemm kbar kif ukoll żgħar, li huma dawk li jużaw dawn il-minerali bħala komponenti biex jipproduċu oġġetti. Il-Kummissjoni ser tfassal ukoll manwal li jinkludi linji gwida mhux vinkolanti biex jgħinu lill-kumpaniji, u speċjalment lill-SMEs, fl-identifikazzjoni ta' żoni milqutin minn kunflitti u fejn hemm riskju għoli.

Ir-regolament jibni fuq il-linji gwida tal-2011 tal-OECD li jiffissaw il-punt ta' riferiment internazzjonali għad-diliġenza dovuta dwar il-katina ta’ provvista. It-test adottat mill-Kunsill jirriżulta minn ftehim li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew f’Novembru 2016 u li sussegwentement ġie approvat mill-Parlament b’votazzjoni plenarja fis-16 ta’ Marzu 2017.