Viżi: il-Kunsill jadotta regolament dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini Ukreni

Kunsill tal-UE
  • 11/05/2017
  • 10:25
  • Stqarrija għall-istampa
  • 244/17
  • Affarijiet Interni
11/05/2017
Kuntatti għall-istampa

Veronica Huertas Cerdeira
Uffiċjal tal-istampa (Affarijiet interni; Koordinazzjoni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu)
+32 22814548
+32 470882199

Fil-11 ta' Mejju 2017, il-Kunsill adotta regolament dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini Ukreni li jivvjaġġaw lejn l-UE għal perjodu ta' soġġorn ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

“L-adozzjoni tar-regolament dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini Ukreni hija żvilupp importanti, li ser jgħin it-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-poplu Ukren u l-UE. Din issegwi t-tlestija tar-riformi neċessarji mill-Ukrajna f’għadd ta’ oqsma inkluż il-migrazzjoni, l-ordni pubbliku u s-sigurtà, ir-relazzjonijiet esterni u d-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta' sospensjoni rivedut adottat reċentement mill-UE jagħmilha possibbli għall-Unjoni li tissospendi dik il-liberalizzazzjoni, f'każ ta' kwistjonijiet serji ta’ migrazzjoni jew ta' sigurtà mal-Ukrajna”

Carmelo Abela, Ministru Malti għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali   

Ir-regolament jemenda formalment ir-regolament 539/2001, li jċaqlaq lill-Ukrajna mill-Anness I (pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom jeħtieġu viża biex jidħlu fiż-żona Schengen) għall-Anness II (pajjiżi li ma jeħtiġux viża). Ċittadini Ukreni b'passaport bijometriku li jivvjaġġaw lejn l-UE għal mhux aktar minn 90 jum għal finijiet ta' negozju, turiżmu jew raġunijiet marbutin mal-familja mhux ser ikollhom aktar bżonn viża.

Dawn il-miżuri mhux ser japplikaw għall-Irlanda u r-Renju Unit, f’konformità mal-protokolli annessi mat-trattati tal-UE. Is-sistema tal-viża ta' dawn l-istati membri tibqa' soġġetta għal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom.

Il-passi li jmiss

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew issa jeħtieġ li jiffirmaw ir-regolament adottat. It-test imbagħad ser jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u ser jidħol fis-seħħ 20 jum wara.

Kuntest

F'Diċembru 2015 il-Kummissjoni qieset li l-Ukrajna kienet issodisfat il-punti ta' riferiment kollha tal-pjan dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża u għalhekk kienet lesta għall-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża. Fl-20 ta’ April 2016 il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta għal-liberalizzazzjoni tal-viża għad-detenturi ta’ passaporti Ukreni. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim dwar il-proposta fit-28 ta' Frar 2017.