Ittra ta' stedina mill-President Donald Tusk lill-membri tal-Kunsill Ewropew

Kunsill Ewropew
  • 21/06/2017
  • 09:30
  • Stqarrija għall-istampa
  • 391/17
  • Brexit
  • Sigurtà u difiża
  • Affarijiet Interni
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
  • Ekonomija u finanzi
21/06/2017
Kuntatti għall-istampa

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

Nistgħu ngħidu li ser niltaqgħu f'kuntest politiku differenti minn dak ta' ftit xhur ilu, meta l-forzi kontra l-UE kienu qed jiżdiedu. L-iżviluppi attwali fil-kontinent donnhom qed jindikaw żvolta gradwali. F'ħafna mill-pajjiżi tagħna, il-partiti politiċi li użaw is-sentimenti kontra l-UE bħala l-bażi għat-tisħiħ tagħhom qed jibdew jonqsu. Qed naraw ir-ritorn tal-UE pjuttost bħala soluzzjoni aktar milli problema. Paradossalment, l-isfidi iebsa tal-aħħar xhur għaqqduna aktar minn qatt qabel. Iżda huwa wkoll bis-saħħa tad-determinazzjoni tagħkom, li aħna ppreżervajna din l-unità. Nirringrazzjakom għal dan, u nitlob għal iktar. L-unità tagħna hija preċiżament ir-raġuni għala llum ninsabu f'pożizzjoni ferm aħjar, b'ottimiżmu ġdid għall-ġejjieni.

Madankollu, ma nistgħux inkunu kompjaċenti jew inġenwi. Jeħtieġ li nagħtu xhieda lin-nies li aħna kapaċi nerġgħu nieħdu l-kontroll fuq ġrajjiet li fil-konfront tagħhom iħossuhom vulnerabbli u li xi kultant anki jwaħħxuhom. Is-sena li għaddiet qbilna li l-UE ser tipproteġi lin-nies tagħna mit-theddid tas-sigurtà, il-migrazzjoni illegali u l-globalizzazzjoni mhux ikkontrollata, u jeħtieġ li nissoktaw nipproduċu riżultati. Għalhekk, matul il-Kunsill Ewropew li jmiss, nixtieq li navvanzaw aktar fir-reazzjoni ta' politika tagħna f'dawn it-tliet oqsma.

L-ewwel nett, is-sigurtà. It-terroriżmu jibqa' theddida maġġuri. L-attakki reċenti jenfasizzaw il-mewġa l-ġdida ta’ radikalizzazzjoni mrawma internament. Ser inkun sinċier: l-UE mhux ser tissostitwixxi l-istati nazzjonali f'din il-ġlieda, għax ir-reazzjoni ta' politika tiddependi prinċipalment mill-gvernijiet. Iżda l-UE tista' tgħin biex nirbħu din il-ġlieda. S'issa għamilna progress fir-rigward ta' ġellieda barranin u ġellieda li jirritornaw. Issa huwa l-waqt li nsaħħu l-kooperazzjoni mal-industrija online. Il-propaganda terroristika jkollha l-akbar impatt fl-ewwel sigħat li titqiegħed online. Għalhekk għandna nħeġġu lill-industrija tiżviluppa għodod li jidentifikaw awtomatikament u jneħħu kontenut li jxerred materjal terroristiku jew jinċita l-vjolenza.

Peress li s-sigurtà tal-Ewropa hija r-responsabbiltà komuni tagħna, nixtieqna wkoll naqblu dwar il-ħtieġa li titnieda l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti għad-difiża. Sabiex din ikollha suċċess, neħtieġu l-impenji ambizzjużi tagħkom: minn proġetti li jiżviluppaw l-kapaċitajiet ta' difiża tagħna, għal kompiti aktar impenjattivi bħal operazzjonijiet militari. Deċiżjonijiet f’dan ir-rigward ser juru mhux biss id-determinazzjoni tagħna li ninvestu aktar fis-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa, iżda wkoll ir-responsabbiltà tagħna għar-relazzjonijiet transatlantiċi, f'mument meta hija meħtieġa aktar minn qatt qabel fuq in-naħa tagħna tal-Atlantiku. Kull Stat Membru għandu jkun mistieden jipparteċipa fil-kooperazzjoni tad-difiża emerġenti l-ġdida u ħadd ma għandu jkun eskluż. Din il-kooperazzjoni tista' tkun l-aħjar eżempju li aħna ma aħniex qegħdin nippromwovu veloċitajiet "differenti", iżda qegħdin nistabbilixxu metodu ta' ħidma li għandu jippermetti lill-UE kollha tikseb l-veloċità "korretta".

It-tieni nett, dwar il-migrazzjoni illegali, jeħtieġ li nirrieżaminaw is-sitwazzjoni dwar ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali. L-għadd ta' wasliet illegali ta' migranti primarjament ekonomiċi fl-Italja żdied b'26% meta mqabbel mas-sena l-oħra; madwar 1 900 persuna tilfet ħajjitha fil-baħar, u l-mudell operattiv tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' bnedmin qiegħed jieħu dimensjoni ġdida. Inkisbu xi riżultati operazzjonali tad-deċiżjonijiet tagħna, jiġifieri t-taħriġ tal-Gwardji tal-Kosta Navali Libjani, l-arresti ta' aktar minn 100 faċilitatur ta' dħul klandestin u n-newtralizzazzjoni ta' aktar minn 400 bastiment tagħhom. Iżda dan huwa b'mod ċar ftit wisq, u ma nara l-ebda raġuni għala ma nistgħux inġorru responsabbiltà finanzjarja akbar għall-funzjonament tal-Gwardji tal-Kosta Navali Libjani. Dawn huma l-alleati tagħna fil-ġlieda kontra l-faċilitaturi ta' dħul klandestin. Qiegħed niġbed l-attenzjoni tagħkom għal dan peress li fil-livell ta' ħidma wħud mir-rappreżentanti tagħkom mhumiex qegħdin jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa f'dan ir-rigward.

Fl-aħħar nett, dwar il-globalizzazzjoni mhux ikkontrollata. Sabiex nipproteġu l-aġenda tal-kummerċ ħieles tagħna fil-pajjiżi tagħna irridu nuru li nistgħu niddefendu lill-Ewropa kontra dawk li jixtiequ jabbużaw il-ftuħ tagħna. Għal dan l-għan, irridu niżguraw l-effiċjenza tal-Istrumenti għad-Difiża tal-Kummerċ tagħna. Jeħtieġ li jkollna dibattitu serju dwar kif nistgħu nsaħħu r-reċiproċità u niskrinjaw l-investimenti minn pajjiżi li jimponu restrizzjonijiet inġusti. Jeħtieġ li n-nies ikunu jafu li nistgħu nipproteġuhom minn prattiki kummerċjali inġusti.

Fir-rigward tal-aġenda tal-laqgħa, ser nibdew l-proċedimenti tagħna bl-iskambju tradizzjonali ta' fehmiet mal-President tal-Parlament Ewropew, is-Sur Tajani, nhar il-Ħamis fit-15.00. Wara dan l-iskambju, il-Prim Ministru Muscat ser jaġġornana dwar fejn ninsabu fl-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet preċedenti tagħna. L-ewwel sessjoni ta' ħidma tagħna ser tkun iddedikata għas-sigurtà interna, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u d-difiża. Wara l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tagħna dwar dawn il-punti, ser nissospendu l-ħidma tagħna biex niltaqgħu mal-istampa. Aħna ser nerġgħu niltaqgħu għal ikla ta' ħidma ddedikata għar-relazzjonijiet esterni. L-ewwel ser issir preżentazzjoni mill-Kanċillier Merkel u l-President Macron dwar l-istat attwali tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk. Imbagħad jien ser naqsam magħkom ir-riflessjonijiet tiegħi wara s-summits u l-laqgħat internazzjonali reċenti, inkluż mal-Presidenti Trump u Erdoğan. F’dan il-kuntest nixtieq li niftakru li ninsabu magħqudin wara l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima. Fi tmiem l-ikla, il-Prim Ministru May ser tinfurmana dwar l-intenzjonijiet tagħha fir-rigward tan-negozjati dwar l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Wara l-ikla, jien ser nistieden is-27 mexxejja biex jibqgħu għal aġġornament qasir dwar in-negozjati, u biex japprovaw il-proċedura għar-rilokazzjoni tal-aġenziji ibbażati fir-Renju Unit.

Nhar il-Ġimgħa, ser nibdew fl-10.00 bil-President tal-BĊE Draghi, li ser jippreżenta s-sitwazzjoni ekonomika attwali. Wara dan, ser ngħaddu għall-kummerċ u nadottaw il-konklużjonijiet rilevanti. Imbagħad ser nindirizzaw il-konklużjonijiet dwar il-migrazzjoni, fejn il-Prim Ministru Muscat ser jinfurmana dwar is-segwitu tad-Dikjarazzjoni ta' Malta. Qabel ma nikkonkludu, ser nagħtu ħarsa malajr lejn il-kunċett ta' Ewropa Diġitali mal-Prim Ministru Ratas, fid-dawl tal-programm ta' ħidma tal-Presidenza li jmiss. Il-laqgħa tagħna għandha tintemm għall-ħabta ta' nofsinhar. Nistenna bil-ħerqa li narakom ilkoll fi Brussell.