Kummenti mill-President Donald Tusk qabel il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew

Kunsill Ewropew
  • 22/06/2017
  • 11:45
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 407/17
  • Brexit
  • Sigurtà u difiża
  • Affarijiet Interni
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
  • Ekonomija u finanzi
22/06/2017
Kuntatti għall-istampa

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

Dan huwa t-80 Kunsill Ewropew li pparteċipajt fih bħala Prim Ministru jew President tal-Kunsill Ewropew. Iżda qatt qabel ma kelli twemmin tant b'saħħtu li l-affarijiet sejrin f'direzzjoni aħjar.

L-ottimiżmu tagħna xorta waħda għandu jkun estremament kawt, iżda għandna raġunijiet tajbin għalxiex nitkellmu dwaru. Fosthom hemm: it-tkabbir ekonomiku f'kull wieħed mill-pajjiżi tal-UE, il-qgħad dejjem jinżel bl-ogħla numru ta' persuni impjegati li qatt ġie rreġistrat, il-ftehim finanzjarju mal-Greċja, il-mewġa ta' sentiment pro-Ewropew fil-ġimgħat li għaddew skont l-isħarriġ, it-telfiet elettorali tal-partiti anti-Ewropej, u r-rebħiet tal-mexxejja politiċi li jappoġġaw 100% lill-UE. Mill-Bulgarija u l-Awstrija san-Netherlands, u naturalment Franza.

Irnexxielna wkoll inżommu l-għaqda politika tal-UE quddiem bosta theddidiet u sfidi. Id-diskussjonijiet tiegħi llum mal-President Poroshenko huma prova oħra ta' dak li smajt mill-interlokuturi kollha tiegħi fil-ġimgħat li għaddew. Mill-President Trump sal-Prim Ministru Abe, mill-Prim Ministru Li sal-President tas-Senegal Macky Sall, mill-President Morales sal-President il-ġdid tal-Korea t'Isfel - kollha indikaw li għalihom - minkejja l-Brexit - l-UE tibqa' l-aktar sieħeb importanti. U minkejja t-tbassir ikrah, hija l-Ewropa li qed terġa' ssir punt ta' referenza stabbli u pożittiv għad-dinja kollha.

Madankollu, ma nistgħux inkunu kompjaċenti jew inġenwi. Jeħtieġ li nagħtu xhieda lin-nies li aħna kapaċi nerġgħu nieħdu l-kontroll fuq ġrajjiet li jifilġuna u li xi kultant anki jwaħħxuna. Is-sena li għaddiet qbilna li l-UE ser tipproteġi liċ-ċittadini tagħna mit-theddid għas-sigurtà, speċjalment it-terroriżmu, il-migrazzjoni illegali u l-globalizzazzjoni bla kontroll, u jeħtieġ li nkomplu nagħtu riżultati. Għalhekk, matul il-Kunsill Ewropew li jmiss, ser nipproponi li nagħmlu progress fir-reazzjoni politika tagħna f'dawn it-tliet oqsma.

U fl-aħħar nett. Kif nafu, in-negozjati tal-Brexit bdew 3 ijiem ilu. Huwa proċess mill-aktar diffiċli, li għalih l-UE tinsab preparata sew. Nisimgħu tbassir differenti, li ġej minn persuni differenti, dwar ir-riżultat possibbli ta' dawn in-negozjati: Brexit iebes, Brexit artab jew li ma jintlaħaqx ftehim. Xi ħbieb Brittaniċi tiegħi saħansitra staqsewni jekk il-Brexit jistax jitreġġa' lura, u jekk nistax nimmaġina riżultat fejn ir-Renju Unit jibqa' parti mill-UE. Għidtilhom li fil-fatt l-Unjoni Ewropea nbniet fuq ħolm li deher impossibbli jseħħ. Allura, min jaf? Jaf tgħiduli li jiena noħlom, iżda m'iniex waħdi f'dan.