Kummenti mill-President Donald Tusk dwar il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Ġunju 2017

Kunsill Ewropew
  • 22/06/2017
  • 18:10
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 408/17
  • Brexit
  • Sigurtà u difiża
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
  • Ambjent
22/06/2017
Kuntatti għall-istampa

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

L-ewwel nett, il-mexxejja ddiskutew it-terroriżmu, li għadu theddida kbira. Ninsabu għalkollox determinati li nipproteġu n-nies tagħna. Għalhekk, fil-Kunsill Ewropew qbilna li nżidu l-isforzi tagħna kontra ġellieda terroristi barranin. Irridu niffinalizzaw il-ħidma fuq is-sistemi ġodda ta’ qsim ta’ informazzjoni fuq il-fruntiera din is-sena. Il-Kunsill Ewropew qabel ukoll dwar il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-industrija online. Qed nappellaw lill-kumpaniji tal-media soċjali biex jagħmlu dak kollu meħtieġ biex jimpedixxu it-tixrid ta' materjal terroristiku fuq l-internet. Fil-prattika, dan ifisser li rridu niżviluppaw għodod ġodda biex b'mod awtomatiku jiġi identifikat u jitneħħa materjal bħal dan. U, jekk ikun hemm bżonn, ninsabu lesti li nadottaw leġislazzjoni rilevanti.

It-tieni, il-mexxejja qablu dwar il-ħtieġa li tinħoloq kooperazzjoni Ewropea permanenti fid-difiża. Huwa pass storiku, billi kooperazzjoni bħal din tippermetti li l-UE timxi lejn integrazzjoni aktar profonda fid-difiża. L-għan tagħna huwa li din tkun waħda ambizzjuża u inklużiva, u għalhekk kull pajjiż tal-UE hu mistieden jissieħeb. Fi żmien tliet xhur, l-Istati Membri ser jaqblu fuq lista komuni ta’ kriterji u obbligi, flimkien ma' proġetti konkreti ta’ kapaċità, sabiex din il-kooperazzjoni tibda sseħħ.

Iktar tard illejla ser nanalizzaw s-sitwazzjoni ġeopolitika madwar l-Ewropa. Jien ser naqsam mal-mexxejja l-valutazzjoni tiegħi wara l-laqgħat internazzjonali reċenti, inkluż mal-Presidenti Trump u Erdoğan kif ukoll is-summit tal-G7 u dak bejn l-UE u ċ-Ċina. Ser nipproponi wkoll lill-mexxejja biex nibagħtu sinjal ċar dwar il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima. Tradizzjonalment, il-Kanċillier Ġermaniż u l-President Franċiż ser jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, u l-istat attwali l-aktar reċenti dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Minsk. Dan għandu jippermettilna wkoll nestendu s-sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-Russja għal sitt xhur oħra.

Fl-aħħar nett, illejla lill-Prim Ministru May ser tinfurmana dwar l-intenzjonijiet tagħha fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Irid ikun ċar li l-Kunsill Ewropew mhuwiex forum għan-negozjati dwar il-Brexit, għandna n-negozjaturi tagħna għal dan, u għalhekk, il-mexxejja ser jieħdu biss nota ta’ dawn l-intenzjonijiet. L-għan tiegħi għal-lejla hu li s-27 mexxej tal-UE japprovaw il-proċedura għall-għażla ta' lokalitajiet ġodda għaż-żewġ aġenziji bbażati fir-Renju Unit, jiġifieri l-aġenzija bankarja u dik tal-mediċini. Grazzi.