Kummenti mill-President Donald Tusk wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta' Ġunju 2017

Kunsill Ewropew
  • 23/06/2017
  • 15:30
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 409/17
  • Brexit
  • Kummerċ internazzjonali u dwana
  • Affarijiet Interni
  • Impjiegi
  • Ekonomija u finanzi
23/06/2017
Kuntatti għall-istampa

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

Ilbieraħ filgħaxija, il-mexxejja ħadu tliet deċiżjonijiet importanti. L-ewwel, qbilna li nestendu s-sanzjonijiet kontra r-Russja għal sitt xhur oħra. It-tieni, l-Ewropa ser tkompli taħdem biex timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, f’kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali tagħna. U t-tielet, il-mexxejja tal-UE27 qablu dwar il-proċedura għar-rilokazzjoni taż-żewġ aġenziji bbażati fir-Renju Unit. Dan jagħmilha possibbli li l-ministri jieħdu deċiżjoni finali, billi jivvotaw f’Novembru. Il-qbil rapidu dwar dan kien konferma oħra tal-għaqda u d-determinazzjoni tagħna li nnaqqsu l-inċertezza kkawżata mill-Brexit.

Barra minn hekk, il-Prim Ministru May infurmatna li nhar it-Tnejn hija ser tagħmel il-proposta tagħha dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit. Id-drittijiet taċ-ċittadini huma l-aktar prijorità importanti għall-UE27, u għamilna l-pożizzjoni tagħna ċara. Irridu niżguraw id-drittijiet kollha taċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit wara l-Brexit. L-ewwel impressjoni tiegħi hija li l-offerta tar-Renju Unit ma tilħaqx l-aspettattivi tagħna, u li tirriskja li taggrava s-sitwazzjoni taċ-ċittadini. Iżda ser ikun dmir in-negozjaturi tagħna li janalizzaw l-offerta linja b'linja, ladarba nirċevuha bil-miktub.

Fil-verità, il-Brexit ftit li xejn ħadilna ħin waqt dan il-Kunsill Ewropew. Iddedikajna l-parti l-kbira tal-ħidma tagħna biex nindirizzaw it-tħassib tan-nies dwar is-sigurtà, il-migrazzjoni illegali u l-globalizzazzjoni mhux ikkontrollata.

Dalgħodu ltqajna mal-President Draghi tal-BĊE, li kkonferma li s-sitwazzjoni fl-Ewropa qalbet għall-aħjar. Hemm tama ġdida fil-proġett Ewropew, li qed ikollha impatt pożittiv fuq l-ekonomija tagħna. Din il-fiduċja tissarraf fi tkabbir b’saħħtu, aktar konsum, aktar investimenti, u fuq kollox, aktar impjiegi. Fil-fatt, għandna l-akbar għadd ta’ impjiegi li qatt ġie rreġistrat. Xtaqt naqsam magħkom din il-valutazzjoni ottimista tal-President Draghi, għax din hija l-ewwel darba f’ħafna snin li smajna aħbar tant tajba.

Il-mexxejja kellhom ukoll dibattitu fit-tul dwar il-kummerċ u l-bilanċ bejn il-kummerċ miftuħ u l-protezzjoni. L-Ewropa hija u ser tibqa’ miftuħa għan-negozju. Iżda qbilna li jeħtieġ li l-Ewropa tipproteġi aħjar liċ-ċittadini tagħna minn prattiki kummerċjali inġusti, pereżempju billi tiddaħħal aktar reċiproċità. Qbilna li l-Kummissjoni ser tanalizza l-investimenti minn pajjiżi terzi f’setturi strateġiċi.

Illum, il-mexxejja ddiskutew il-Libja u r-rotta tal-Mediterran Ċentrali, fejn is-sitwazzjoni għadha kritika f’termini ta’ wasliet irregolari ta’ migranti. Filwaqt li huwa minnu li qed nieħdu ħafna passi tajbin, l-uniku riżultat li huwa verament importanti għalina huwa li din is-sitwazzjoni traġika tieqaf darba għal dejjem. Il-mexxejja qablu li kulħadd ser jaħdem qatiegħ fil-ġimgħat li ġejjin biex nikkoordinaw aħjar l-isforzi tagħna u nagħtu appoġġ akbar lill-Italja.

Fl-aħħar nett, irrid nirringrazzja tassew lil Joseph Muscat u lit-tim tiegħu għal Presidenza Maltija mill-aktar effiċjenti. Joseph, verament napprezza l-ħidma sfiqa tiegħek. Dan mhux slogan minn tas-soltu, bħala tradizzjoni għandna ngħiduha xi ħaġa bħal din, iżda emminni, din kienet waħda mill-aħjar esperjenzi tal-ħajja professjonali tiegħi. Grazzi tal-għajnuna tagħkom fit-tħejjija tan-negozjati għall-Brexit, u talli mexxejtu l-affarijiet 'il quddiem fl-aġenda għas-sigurtà interna, fir-rigward tal-migrazzjoni kif ukoll għas-sorveljanza tat-tmiem finali tat-tariffi tar-roaming. Bis-serjetà, Joseph, ħaqqek it-tifħir kollu li qiegħed bir-raġun jingħatalek. Grazzi!