Effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija: niżguraw progress lejn il-kisba tal-għanijiet klimatiċi u enerġetiċi tal-UE

Kunsill tal-UE
  • 26/06/2017
  • 19:10
  • Stqarrija għall-istampa
  • 415/17
  • Ambjent
  • Enerġija
26/06/2017
Kuntatti għall-istampa

Helena Gomes
Uffiċjal tal-istampa
+32 22817040
+32 479955079

Illum il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar proposta għal direttiva riveduta dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Dan il-ftehim ser jippermetti li jinbdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew taħt il-presidenza Estonjana.

L-objettiv ewlieni tad-direttiva proposta huwa li ttejjeb id-dispożizzjonijiet eżistenti u żżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri ewlenin għall-2020, u l-għanijiet klimatiċi u enerġetiċi għall-2030, tal-Unjoni Ewropea.

L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija meqjusa bħala sors ta’ enerġija fiha nnifisha. Effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija hija ta' ġid għall-ambjent, tnaqqas l-emissjoni ta' gass b'effett ta' serra, ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija, tnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija għall-familji u l-kumpaniji, tgħin biex jitnaqqas il-faqar fl-enerġija u tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

L-elementi ewlenin tad-direttiva riveduta huma:

  • Mira globali tal-UE għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta' 30 %
  • Obbligu ta’ ffrankar tal-enerġija ta’ 1.5 %, li jonqos għal 1.0 % għall-perjodu 2026-2030, dment li l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-2024 ma tikkonkludix li l-UE ma tkunx fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha
  • Azzjonijiet individwali fit-tul jistgħu jgħoddu bħala obbligi tal-iffrankar tal-enerġija
  • Miżuri alternattivi huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-iskemi ta’ obbligi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija
  • Il-possibbiltà li l-enerġija rinnovabbli ġġenerata fuq il-post tingħadd parzjalment bħala ffrankar fil-perjodu 2020–2030
  • Obbligu li fit-tfassil ta' miżuri ġodda jittieħed kont tal-faqar fl-enerġija
  • Dispożizzjonijiet imtejba fir-rigward tal-kejl tal-konsum u l-kontijiet għall-benefiċċju tal-utenti aħħarin ta’ tisħin u ta’ tkessiħ

“Ninsabu kuntenti għall-aħħar li rnexxielna naqblu dwar din il-leġislazzjoni importanti, li kienet prijorità għall-Presidenza tagħna. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hi element kruċjali għal għat-transizzjoni b'suċċess tal-Ewropa fil-qasam tal-enerġija. Għaldaqstant ser inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem bl-implimentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa.

Joe Mizzi, il-ministru Malti għall-Enerġija u l-Ġestjoni tal-Ilma

Kuntest

Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija taġġorna d-Direttiva 2012/27/UE attwali u ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni f’Novembru 2016. Tagħmel parti mill-Pakkett estensiv dwar l-Enerġija Nadifa, l-għodda ta' implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija.

L-għan ġenerali tal-istrateġija huwa li nimxu lejn id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE sal-2030 u lil hinn, filwaqt li jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-innovazzjoni u l-kompetittività.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014 stabbilixxew mira indikattiva ta’ żieda ta’ mill-inqas 27 % fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni fl-2030. Din il-mira jenħtieġ li terġa’ tiġi riveduta sal-2020 bil-ħsieb li l-livell tal-Unjoni jkun ta’ 30 %.