Ittra mill-President Donald Tusk lill-mexxejja tal-UE qabel l-ikla informali tagħhom f'Tallinn

Kunsill Ewropew
  • 21/09/2017
  • 18:25
  • Stqarrija għall-istampa
  • 529/17
  • Suq uniku
  • Affarijiet Interni
  • Affarijiet Barranin u relazzjonijiet internazzjonali
  • Żona tal-euro
  • Affarijiet istituzzjonali
  • Baġit
21/09/2017
Kuntatti għall-istampa

Preben Aamann
Kelliem għall-President tal-Kunsill Ewropew
+32 22815150
+32 476850543

Il-Prim Ministru Ratas talabni nippresiedi l-ikla tagħna qabel is-Summit Diġitali ta' Tallinn, li hija r-raġuni għaliex qed niktiblek.

Fid-29 ta’ Ġunju 2016, ftit jiem wara l-vot tal-Brexit fir-Renju Unit, iddeċidejna li nibdew riflessjoni dwar il-futur ta’ Unjoni Ewropea b'27 Stat Membru. L-ewwel laqgħa ddedikata għal dan, f'Settembru 2016, wassal għall-Pjan Direzzjonali ta’ Bratislava. Qbilna li niffukaw l-attenzjoni tagħna fuq il-kwistjonijiet tal-aktar tħassib immedjat għaċ-ċittadini tagħna: il-migrazzjoni, is-sigurtà kif ukoll kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali. Żviluppajna ulterjorment din l-aġenda f'Malta u fi Brussell din is-sena, li wassal għad-Dikjarazzjoni ta' Ruma, li ddeskriviet viżjoni aktar komprensiva għas-snin li ġejjin.

B'mod parallel, biħsiebna nagħtu riżultati rigward din l-aġenda anke waqt il-Kunsilli Ewropej regolari tagħna. Irnexxielna nsolvu diversi kwistjonijiet, u għalhekk is-sitwazzjoni fl-Ewropa hija aħjar illum u nistgħu nħarsu lejn il-futur b'aktar ottimiżmu. Dwar il-migrazzjoni, iffukajna l-ewwel fuq ir-Rotta tal-Lvant tal-Mediterran, imbagħad ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali, filwaqt li niksbu lura l-kontroll tal-fruntieri esterni tagħna u naqqasna l-għadd ta' migranti irregolari u l-imwiet fuq il-baħar. Dwar is-sigurtà, komplejna nsaħħu l-istrumenti tagħna kontra t-terroriżmu u għamilna progress importanti dwar id-difiża Ewropea, inkluż f'kooperazzjoni man-NATO. Fuq il-front ekonomiku bdejna riorjentazzjoni tal-politika tagħna dwar il-kummerċ sabiex jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-globalizzazzjoni. Qed inżommu ambizzjonijiet għolja f'termini ta' ftuħ tas-suq (ftehimiet kummerċjali mal-Kanada u l-Ġappun) filwaqt li nsaħħu r-robustezza tar-reazzjoni tagħna għal prattiki kummerċjali inġusti.

Fuq kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet, għad għandna ħidma importanti u iebsa quddiemna. Jeħtieġ li nikkonsolidaw il-politika esterna tagħna dwar il-migrazzjoni, intejbu l-kapaċità tagħna għal ritorni u nsibu soluzzjonijiet dejjiema dwar sistema tal-asil riformata. Irridu nkomplu nsaħħu d-difiża Ewropea, l-ewwel nett permezz tat-tnedija tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti f'Diċembru. Bl-istess mod, jeħtieġ li nkomplu ntejbu l-bażi ekonomika tagħna, inkluż permezz tas-suq uniku diġitali (Summit ta' Tallinn), filwaqt li niżguraw li jkun soċjalment bilanċjati (Summit ta' Gothenburg f'Novembru).

Irridu wkoll niddeċiedu dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-Euro. M'hemm ebda soluzzjoni maġika biex titlesta l-Unjoni Ekonomika u Monetarja darba għal dejjem. Iżda jien konvint li għandna l-obbligu li ntejbu l-funzjonament tal-UEM u nsaħħuha pass pass. Il-prijorità tagħna għandha tkun it-tlestija tal-Unjoni Bankarja skont il-pjan direzzjonali maqbul sabiex iż-żona tal-euro tissaħħaħ strutturalment. Dan ifisser li għandna nħejju appoġġ komuni għall-Unjoni Bankarja, biex javvanza aktar it-tnaqqis fir-riskji u jwitti t-triq għal skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti. Għandna wkoll intejbu l-kapaċità tal-Ewropa li taġixxi, li tista' tinvolvi l-iżvilupp tal-MES lejn Fond Monetarju Ewropew. Ġew introdotti għadd ta' ideat dwar il-governanza u r-riżorsi baġitarji speċifiċi għaż-żona tal-euro, li fuqhom tenħtieġ ħafna aktar diskussjoni. Sabiex navvanzaw din l-aġenda ser inlaqqa' Summit tal-Euro f’Diċembru f’format inklużiv. Għandhom jittieħdu deċiżjonijiet konkreti dwar dawn il-kwistjonijiet sa mhux aktar tard mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju tas-sena dieħla.

Fl-istess waqt, irridu nkomplu niżviluppaw ir-rwol internazzjonali tal-Unjoni, fil-viċinat tagħna kif ukoll fuq livell globali. Fil-Kunsill Ewropew ta' Ottubru nissuġġerixxi li niddiskutu r-reazzjoni tagħna għall-iżviluppi fir-relazzjonijiet mat-Turkija, u f'Mejju tas-sena dieħla nipproponi, bi qbil mal-Prim Ministru Borisov, li niltaqgħu fil-Bulgarija għal summit tal-Balkani tal-Punent. Il-kummerċ ukoll ser jibqa' prijorità importanti għall-ħidma tagħna.

Lil hinn minn dawn il-prijoritajiet immedjati, għandna kompitu kbir quddiemna fir-rigward tal-baġit pluriennali tal-UE li jmiss. Din id-diskussjoni, li ser issawwar il-politiki tagħna għas-snin li ġejjin, ser tibda b'mod serju ladarba nkunu kkonkludejna l-ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit. Din ser tkun kwistjoni importanti fuq l-aġenda tagħna sakemm nilħqu kunsens qabel ma jidħol il-Qafas Finanzjarju Pluriennali il-ġdid fl-2021.

Ma nistgħux nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet kollha f'Tallinn aħseb u ara niddeċiedu dwarhom. Iżda naħseb li din il-laqgħa ser tkun opportunità tajba biex niddiskutu kif ser nittrattaw dan id-dibattitu, partikolarment fid-dawl tal-fehmiet interessanti ħafna li smajna dan l-aħħar dwar is-sustanza, il-metodu kif ukoll l-objettivi. Jien ser inkun qed infittex il-gwida tiegħek bil-ħsieb li niddeċiedu, wara d-diskussjoni tagħna, kif ser norganizzaw il-ħidma tal-Kunsill Ewropew f'dan ir-rigward. Sabiex jiġi żgurat skambju miftuħ, skjett u informali dwar dawn il-kwistjonijiet, mhux ser ikun hemm testi fuq il-mejda, u mhu ser jiġu stabbiliti ebda konklużjonijiet bil-miktub mid-diskussjoni tagħna.

Fl-aħħar nett, iridu nkunu lkoll konxji tal-fatt li Brexit ser jibqa' wieħed mill-kompiti ewlenin għalina. Dan ser ikun is-suġġett tal-laqgħa tagħna li jmiss fis-27 ta' Ottubru, abbażi tal-Artikolu 50.