Aħna nużaw il-cookies biex niżguraw li nagħtuk l-aħjar esperjenza ta' browsing fis-sit elettroniku tagħna. Sir af aktar dwar kif nużaw il-cookies u kif tista' tbiddel il-konfigurazzjoni tiegħek.

Open Day 2014

Poster Open Day 2014

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew jistednuk għall-Jum għall-Pubbliku

Meta:  Is-Sibt 17 ta' Mejju 2014, mill-10:00 sal-17:00
Fejn: Bini Justus Lipsius, Rue de la Loi/Wetstraat 175, Brussell

Social -fb -iconSocial -twitter -iconSocial -foursquare -icon

Żjajjar iggwidati

Iż-żjajjar iggwidati għal kulħadd ser jipprovdu ħarsa lejn il-faċilitajiet tal-Kunsill. Il-viżitaturi ser ikollhom l-opportunità unika li jaraw is-swali fejn il-Kapijiet ta' Stat u l-Ministri tat-28 Stat Membru jiltaqgħu għas-summits u l-laqgħat tal-Kunsill. Il-viżitaturi kollha ser isegwu l-istess itinerarju li jsegwu l-Presidenti u l-Prim Ministri waqt is-summits Ewropej, mid-dħul VIP sas-swali tal-laqgħat.

Filmat u dibattitu dwar ir-rwol tal-Kunsill tal-UE

Il-viżitaturi jistgħu jikkomplementaw iż-żjara tagħhom b'filmat qasir ta' tagħrif dwar il-Kunsill tal-Ministri tal-UE u r-rwol tiegħu fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, li ser jintwera fis-Salle Bleue.

Wara ser isir dibattitu, fejn il-viżitaturi jistgħu jsaqsu mistoqsijiet u jindirizzaw kummenti lil rappreżentanti mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Il-film ser jintwera b'erba' lingwi f'dawn il-ħinijiet:
  • 12:00 am verżjoni bil-Ġermaniż
  • 1:00 pm verżjoni bl-Olandiż
  • 2:00 pm verżjoni bil-Franċiż
  • 3:00 pm verżjoni bl-Ingliż

Stands, punti ta' tagħrif u konferenzi

Fi stand speċifika tal-Kunsill, uffiċjali tal-Kunsill ser jistiednu lill-viżitaturi biex jitgħallmu aktar u jiddiskutu dwar ir-rwol tal-Kunsill tal-UE, il-politiki tiegħu, u kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE.

Ser ikunu disponibbli pubblikazzjonijiet u fuljetti ta' tagħrif għal kull min ikun interessat.

Diversi aġenziji tal-UE li jikkontribwixxu għas-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej kif ukoll il-Bank Ċentrali Ewropew ser jippreżentaw l-attivitajiet tagħhom.

Il-fergħa diplomatika tal-UE, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ser jieħu sehem b'aktar minn 15-il stand minn missjonijiet madwar id-dinja.

Mal-persunal mill-missjonijiet militari u ċivili tal-UE ser jingħaqdu kollegi mid-diviżjonijiet tematiċi u ġeografiċi biex jippreżentaw il-ħidma li s-SEAE jagħmel madwar id-dinja.

Galileo, is-sistema Ewropea ta' navigazzjoni globali bis-satellita, ser tipprovdi attrazzjoni viżwali.  Ħdejn l-istand tal-pubblikazzjonijiet u ta' tagħrif, Galileo ser tippreżenta mudell uniku ta' satellita. Barra minn hekk, żewġ konferenzi ta' 15-il minuta dwar Galileo ser jingħataw bl-Ingliż fis-Salle Bleue fil-11:00 am u fl-4:00 pm.

Espert miċ-Ċentru Ġermaniż ta' Riċerka li jinsab f'Oberpfaffenhofen ser jippreżenta u jispjega eżempji konkreti tal-applikazzjonijiet spazjali Galileo.

L-esibituri fl-istands ser ikunu lesti jwieġbu kwalunkwe mistoqsija u jieħdu sehem f'dibattiti vivaċi.

Attivitajiet għall-kbar u ż-żgħar

L-attrazzjoni ewlenija għall-iżgħar viżitaturi tagħna ser tkun fl-istand tas-SEAE f'nofs l-Atriju tal-Bini Justus Lipsius. It-tfal huma mistednin ipinġu x-xbihat tagħhom stess u l-bnadar tal-pajjiż tagħhom għall-≪passaporti tad-Diplomatiċi Żgħar≫ tagħhom.

Iżda nistgħu noffru wkoll attivitajiet interattivi għall-viżitaturi tagħna ta' età akbar. Il-viżitaturi jistgħu jittestjaw l-għarfien tagħhom dwar l-UE fi kwiżżijiet li ser ikunu offruti fi stands speċjali; naturalment b'diversi premjijiet interessanti li jistgħu jintrebħu.

Barra minn hekk, ser ikun hemm stand b'diversi mezzi ta' komunikazzjoni li toffri logħob interattiv għall-viżitaturi kollha, partikolarment biex jiġi ċċelebrat l-għaxar anniversarju tat-tkabbir minn 15 għal 25 Stat Membru. 
FEJN ISSIBNA
Bini Justus Lipsius
Rue de la Loi/Wetstraat 175, 1048 Brussell
Map