Aħna nużaw il-cookies biex niżguraw li nagħtuk l-aħjar esperjenza ta' browsing fis-sit elettroniku tagħna. Sir af aktar dwar kif nużaw il-cookies u kif tista' tbiddel il-konfigurazzjoni tiegħek.

Affarijiet Barranin

Il-Kunsill Affarijiet Barranin (KAB) huwa responsabbli għall-azzjoni esterna tal-UE, li tvarja mill-politika barranija u d-difiża għall-kummerċ, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja.

Huwa jiddefinixxi u jimplimenta l-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE abbażi tal-linji gwida stabbiliti mill-Kunsill Ewropew.

Il-Kunsill, flimkien mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, jiżgura l-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

Ir-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw proposti lill-Kunsill fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni.

 

Liema oqsma ta' politika huma koperti mill-konfigurazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin?

Il-Kunsill Affarijiet Barranin ikopri l-oqsma tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea li ġejjin, b'mod partikolari:

 

Il-politika estera tal-Unjoni hija maħsuba biex tippromwovi l-valuri tagħha, l-interessi u l-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE. B'mod partikolari, l-UE għandha l-għan li tikkontribwixxi għal:

  • paċi u sigurtà;
  • żvilupp sostenibbli;
  • solidarjetà u rispett reċiproku fost il-popli;
  • kummerċ ħieles u ġust;
  • eradikazzjoni tal-faqar;
  • protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tat-tfal; u
  • osservanza stretta tad-Dritt Internazzjonali.

 

Kif taħdem il-konfigurazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin?

Darba fix-xahar, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Istati Membri tal-UE jiltaqgħu fil-Kunsill Affarijiet Barranin. Skont l-aġenda, il-Kunsill jista' jlaqqa' wkoll lil

  • ministri tad-difiża (politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni - PSDK)
  • ministri tal-iżvilupp (Kooperazzjoni għall-Iżvilupp)
  • ministri tal-kummerċ (Politika Kummerċjali Komuni)

 

Il-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin huma ppreseduti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Ir-Rappreżentant Għoli huwa assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK).